Il-paċi fl-aħħar tat-trejqa.
Din il-poeżija qrajtha waqt Jum Pembroke 2019 fl-4 ta’ Lulju. Dan huwa rikording sempliċi li għamilt bi tħejjija għal dan l-avveniment. Fil-verżjoni finali għażilt “fjur” minflok “fjuriet.”
Meta l-Waqt Jogħtor
Minn Triq il-Mediterran
nilwi għal ġot-trejqa tal-bużbież.
Geġwiġija ta’ zkuk u fjur
jiġġebbdu u jimbuttaw
biex jarawni nzappap lejn ix-xatt.
Nistenna l-karozzi ġejjin kontra,
ir-riħ kontra,
is-skiet kontra.
Nistenna l-waqt jogħtor.
Għad irid jogħtor l-aħħar darba,
jogħtor biss,
imma għalissa m’hemmx waqt eħfef minn dan.
Ix-xemx riesqa bil-mod lejn il-punent,
lejn il-Madliena.
Fuq il-bużbież,
fuq ix-xagħri,
fuq ir-ranges tas-suldati,
timponi l-unika liġi mingħajr virgoli
u mingħajr rimedji.
Jien nieżel lejn il-bajja ċkejkna
fejn jinġabar il-fdal ta’ jum ieħor.
Għad ninżel fil-qiegħ tal-blu jien ukoll,
bħall-balal tal-kanuni waqt it-taħriġ,
u kulma nħalli warajja xugaman u karkur.
Għad ngħaddi l-aħħar darba,
indur mit-triq tal-palm
għal ġol-mogħdija fuq ix-xagħri.
U la jkun hemm il-ħeġġa tax-xemx
u lanqas il-loppju tal-bużbież.
Ikun hemm biss il-waqt jogħtor,
it-tarf,
l-isturdament tal-Mediterran.
U l-paċi.
Adrian Grima | 2019