Adrian Grima

Malti | English | Português | Italiano | Français | Deutsch

Adrian Grima (Malta, 1968) huwa poeta, novellier u akkademiku. Ħareġ tliet kotba ta’ poeżiji, It-Trumbettier (1999), Rakkmu (KKM, 2006) u Klin u Kapriċċi Oħra (KKM, 2015). Ħa sehem f’festivals u avvenimenti letterarji oħra f’Malta u barra minn Malta, fosthom in-Nikaragwa, l-Indja, l-Indoneżja, l-Awstralja, u bosta pajjiżi fil-Mediterran u l-Ewropa. Il-poeżiji tiegħu nqalbu f’għadd ta’ lingwi u ġew ippubblikati barra minn Malta. Ir-rakkont “Triq il-Mediterran” rebaħ il-premju tal-kritika tal-Premio Storie 2009 waqt li l-poeżiji tiegħu għall-kbar u għall-adolexxenti rebħu premjijiet nazzjonali u internazzjonali. Fl-2012 ħareġ ġabra ta’ novelli għall-adolexxenti bl-isem ta’ Din Mhix Logħba (KKM) u bi tpinġijiet ta’ Karen Caruana. Uħud min-novelli tiegħu dehru f’antoloġiji u rivisti letterarji f’Malta u barra minn Malta. Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta u l-Malti fl-Inalco ta’ Pariġi u jieħu sehem f’konferenzi akkademiċi internazzjonali. Bejn l-1998 u l-2018 kien il-koordinatur ta’ Inizjamed, u fl-2022 kien wieħed mill-awturi mistiedna fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Ħareġ Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019) u Skizzi għal Ibni (2021). L-iktar xogħol riċenti tiegħu huwa Daħlet ix-Xilep. Kontralimerikki tal-Pandemija (KKM, 2023). http://www.adriangrima.com

Jannar 2023


Jien ngħallem il-letteratura Maltija u r-rappreżentazzjoni letterarja tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta (bdejt fl-2009). Ngħallem ukoll kors introduttiv dwar l-ilsien u l-letteratura Maltija fl-Inalco, Pariġi. Jista’ jkun li l-passjoni tiegħi għall-Mediterran għandha l-għeruq tagħha fil-fatt li l-bużnannu min-naħa ta’ missieri kien Malti mwieled Korfù li emigra lejn Malta fl-aħħar tas-seklu 19 u dar id-dinja bħala baħħar fuq il-bastimenti tal-Flotta Navali Ingliża. Ħadt sehem f’konferenzi akkademiċi u festivals tal-letteratura f’diversi pajjiżi fil-Mediterran, l-Ewropa, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja, u l-Karibew.

April 2021


Ktibt għadd ta’ kotba u artikli speċjalizzati bil-Malti, l-Ingliż u t-Taljan dwar il-letteratura u l-kultura li xxandru f’Malta u barra. Bejn l-1999 u l-2015 ħriġt tliet kotba tal-poeżija għall-kbar bil-Malti u żewġ kotba ta’ letteratura għall-adolexxenti. Il-poeżiji tiegħi nqalbu f’diversi lingwi. Bejn l-1998 u l-2018 kont il-koordinatur tal-organizzazzjoni kulturali Mediterranja Inizjamed li torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Fl-2013 mexxejt l-ewwel konferenza nazzjonali interdixxiplinarja fuq Juann Mamo organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u kont l-editur ġenerali tal-ewwel tliet kotba fis-Sensiela Juann Mamo (SKS). Barra minn hekk, jien ukoll il-koordinatur tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, u ili mill-2016 immexxi, flimkien ma’ oħrajn, il-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali. L-iktar xogħol letterarju reċenti tiegħi huwa Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019).

Frar 2020


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s