Malti | English | Português | Italiano | Français | Deutsch
Adrian Grima (1968) jikteb poeżiji u novelli għall-kbar u għat-tfal li rebħu premjijiet nazzjonali u internazzjonali. Ħa sehem f’avvenimenti letterarji madwar id-dinja u traduzzjonijiet tal-kotba tiegħu ħarġu l-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġermanja, l-Indja, l-Irlanda, u l-Italja. Bejn l-1998 u l-2018 kien il-koordinatur ta’ Inizjamed. Jista’ jkun li l-passjoni tiegħu għall-kulturi tal-Mediterran ġejja mill-fatt li bużnannuh Pietru Grima twieled u trabba Korfù. Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija u r-rappreżentazzjonijiet letterarji tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta u l-ilsien Malti fl-INALCO ta’ Pariġi. L-aktar pubblikazzjonijiet riċenti tiegħu huma Skizzi għas-Sette Giugno u Skizzi għal Ibni, b’mużika jazz ta’ Dominic Galea, u qed iħejji ġabra ta’ novelli għall-kbar. F’Awwissu tal-2022 kien wieħed mill-awturi mistednin biex jaqraw fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. adriangrima.com
Settembru 2022
Jien ngħallem il-letteratura Maltija u r-rappreżentazzjoni letterarja tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta. Ngħallem ukoll kors introduttiv dwar l-ilsien u l-letteratura Maltija fl-Inalco, Pariġi. Jista’ jkun li l-passjoni tiegħi għall-Mediterran għandha l-għeruq tagħha fil-fatt li l-bużnannu min-naħa ta’ missieri kien Malti mwieled Korfù li emigra lejn Malta fl-aħħar tas-seklu 19 u dar id-dinja bħala baħħar fuq il-bastimenti tal-Flotta Navali Ingliża. Ħadt sehem f’konferenzi akkademiċi u festivals tal-letteratura f’diversi pajjiżi fil-Mediterran, l-Ewropa, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja, u l-Karibew.
Ktibt għadd ta’ kotba u artikli speċjalizzati bil-Malti, l-Ingliż u t-Taljan dwar il-letteratura u l-kultura li xxandru f’Malta u barra. Bejn l-1999 u l-2015 ħriġt tliet kotba tal-poeżija għall-kbar bil-Malti u żewġ kotba ta’ letteratura għall-adolexxenti. Il-poeżiji tiegħi nqalbu f’diversi lingwi. Bejn l-1998 u l-2018 kont il-koordinatur tal-organizzazzjoni kulturali Mediterranja Inizjamed li torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Fl-2013 mexxejt l-ewwel konferenza nazzjonali interdixxiplinarja fuq Juann Mamo organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università u kont l-editur ġenerali tal-ewwel tliet kotba fis-Sensiela Juann Mamo (SKS). Barra minn hekk, jien ukoll il-koordinatur tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, u ili mill-2016 immexxi, flimkien ma’ oħrajn, il-proġett tad-Dipartiment tal-Malti fuq It-Tradizzjoni Orali. L-iktar xogħol letterarju reċenti tiegħi huwa Skizzi għas-Sette Giugno, ċiklu ta’ poeżiji f’album ta’ mużika jazz ta’ Dominic Galea (2019).
Frar 2020