Din il-poeżija qrajtha waqt Jum Pembroke 2019 fl-4 ta’ Lulju, akkumpanjat minn Immanuel Mifsud. Dan huwa rikording sempliċi tal-vuċi tiegħi waħdi li għamilt bi tħejjija għal dan l-avveniment.
Ħajr lil Clare Azzopardi talli qrat verżjoni bikrija u bagħtitli kummenti li għenuni ħafna.
Gwerra minn taħt l-Ilsien
Din mhix gwerra.
Ħadd ma fetaħ il-purtelli
biex jagħmel dikjarazzjoni.
Ħadd ma nfexx f’dagħdigħa bnadar.
Ħadd ma bagħat għall-ambaxxaturi.
L-għadu ma ssemmiex.
Imma l-ġenerali hemm qegħdin.
Wara l-kwinti.
Bil-gwerra f’ħobbhom.
Is-suldati qed jiġru minn triq għal oħra.
Bil-gafef u l-gerriema.
Bil-musmar ifittex il-vini.
U hawn min qed jintradam f’daru.
Ħadd mhu se jmut bil-blast.
Din gwerra ta’ ftit kliem.
Sema li jittebba’ bil-mod,
bħal garża bil-materja.
Nifs li dejjem jonqos.
Ġejjin għalina minn taħt l-art,
minn fuq il-baħar.
Ġejjin għalina mis-sema.
Taħsibhom sriep,
taħsibhom ajkli,
taħsibhom anġli kustodji
ġejjin jiġbruna minn taħt ir-radam.
Din gwerra minn taħt l-ilsien.
Mhux se ninnegozjaw waqfien mill-ġlied.
Mhux se niffirmaw trattat
Ma nafux ‘il min naqbdu nfittxu għad-danni.
Din mhix gwerra.
Din mhix paċi.