“Il-Vina tax-Xogħol” waqt Linja Ħamra 2023 f’Għawdex

Waqt il-qari tal-poeżija “Il-Vina tax-Xogħol” fil-Palk Ħieles fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja (Ħajr lil Wirt Għawdex), il-Ħadd 2 ta’ April 2023

Fil-Palk Ħieles li sar fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, fil-limiti tax-Xewkija bħala parti minn Linja Ħamra 2023, l-ewwel Festival tal-Letteratura f’Għawdex, qrajt waħda mill-poeżiji li ktibt dan l-aħħar, “Il-Vina tax-Xogħol.” Hija poeżija għal qalbi għax fiha nipprova niċċelebra x-xogħol li nara jsir madwaru minn nies ta’ kull età u ġejjin minn kull rokna tad-dinja. Għamilt ħilti biex ninqala’ min-narrattivi dominanti tax-xogħol bħala prekarju u sikwit inġust mingħajr ma ninjora dik il-prekarjetà u dik l-inġustizzja.

LINJA ĦAMRA – 1-2 TA’ APRIL 2023

L-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Letteratura Għawdxi, organizzat mill-Kunsill Reġjonali t’Għawdex u minn Inizjamed, sar nhar is-Sibt l-1 u l-Ħadd it-2 ta’ April 2023, b’attivitajiet f’diversi lokalitajiet madwar Għawdex. Ħames kittieba, erba’ Għawdxin u Malti, qraw ix-xogħol tagħhom bil-Malti u bl-Ingliż waqt il-Festival: Charles BezzinaJoe CamilleriElena CardonaCorrine Zahra, u Trevor Żahra.

Inizjamed ilha torganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta għal dawn l-aħħar tmintax-il sena. Huwa l-uniku festival tal-letteratura f’Malta li mhux biss jiċċelebra l-kelma fil-forma poetika u prożajka tagħha, bit-traduzzjonijiet minn u lejn numru ta’ lingwi, imma wkoll il-kelma ffilmjata, immużikata u l-kelma f’suriet oħra tal-arti.

Is-suċċess tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta wassal biex jinħoloq il-Festival tal-Letteratura f’Għawdex. L-għan ta’ dan il-Festival hu li jgħaqqad u jwassal il-kitbiet ta’ kittieba Għawdxin u Maltin fil-komunità Għawdxija; iressaq lejn xulxin il-kittieba emerġenti u dawk veterani; jinvolvi lill-komunitajiet u diversi organizzazzjonijiet Għawdxin; u jorganizza lejliet letterarji f’postijiet li normalment ma nassoċjawhomx mal-letteratura.

Permezz ta’ karozza tal-linja tradizzjonali, il-kittieba vvjaġġaw madwar Għawdex u żaru l-maġġoranza tal-irħula waqt qraw xogħlijiethom fuq tal-linja. Kien hemm ukoll qari f’postijiet differenti, fosthom il-Ġgantija u l-Kappella ta’ Santa Ċeċilja fit-tarf tax-Xewkija. Il-kotba tal-awturi kienu għall-bejgħ mill-ħanut Book & Art Shop fi Triq Vajrinġa, ir-Rabat.

Ma’ Trevor Żahra u Charles Bezzina, ir-Rabat, Għawdex, nhar is-Sibt l-1 ta’ April 2023

Nhar is-Sibt, l-1 ta’ April 2023 il-ġurnata bdiet b’mixja letterarja madwar ir-Rabat. Wara l-kittieba żaru l-ħanut tal-kotba Book & Art Shop fi Triq Vajrinġa biex jiffirmaw il-kotba u jgħidu kelma man-nies preżenti. Dan sar bl-appoġġ tal-pubblikaturi lokali Merlin Publishers, Klabb Kotba Maltin, Horizons, u Faraxa Publishing. Il-pubbliku ltaqa’ mal-kittieba wkoll waqt l-ikla ta’ nofsinhar għand Tal-Massar, l-Għarb.

Filgħaxija, il-kittieba qraw xi xogħlijiet fuq tal-linja li żaret l-irħula tax-Xewkija, Għajnsielem, l-Imġarr, il-Qala, in-Nadur. Il-lejla fil-Ġgantija saret bi sħab ma’ Heritage Malta.

Ma’ tnejn mill-awturi mistednin tal-Festival Linja Ħamra, Joe Camilleri u Charles Bezzina, waqt mixja letteraja li bdiet mill-belvedere tax-Xatt l-Aħmar, il-Ħadd 2 ta’ April 2023

Il-ġurnata tal-Ħadd 2 ta’ April 2023 bdiet b’mixja letterarja fil-kampanja, u saret b’kollaborazzjoni ma’ Wirt Għawdex u Għawdix. Wara l-mixja kien hemm Palk Ħieles fil-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, fil-limiti tax-Xewkija. Il-pubbliku seta’ jaqra xogħlu bi kwalunkwe lingwa.

Filgħaxija l-kittieba reġgħu telgħu fuq tal-linja biex ikomplu jaqraw waqt li jżuru ż-Żebbuġ, l-Għasri, l-Għarb, San Lawrenz, Ta’ Kerċem, il-Munxar, Ta’ Sannat, u l-Fontana. Il-Festival spiċċa b’attività soċjali f’The Jam Project fil-Fontana.


Leave a comment