Iċ-ċentru tal-istudji Mediterranji IReMMO organizza “ġurnata ta’ studji” dwar il-Libanu, “Beyrouth: ville blessée, ville vivante,” belt midruba, belt ħajja, fiċ-ċentru tiegħu fil-qalba ta’ Pariġi bħala parti mill-programm tal-“Université populaire.”

Fl-ewwel sessjoni, il-Prof. Marlène Ghorayeb, perita u esperta Franko-Libaniża tal-urbanizzazzjoni, tkellmet, permezz ta’ għadd ta’ ritratti u pjanti, dwar il-fażijiet differenti li għaddiet minnhom l-arkitettura ta’ Bejrut f’dawn l-aħħar mitejn sena. Bdiet ftit jew wisq bid-deċiżjoni tal-Ottomani li jwaqqgħu l-bini fiċ-ċentru tal-belt u jibnu ċentru ġdid u imponenti. Imma sadattant ġiet il-Gwerra l-Kbira: dak li kien hemm laħqu kissruh imma ċ-ċentru baqa’ għal għadd ta’ snin vojt, midrub.
Tkellmet ukoll dwar il-wasla tal-Franċiżi u l-pjanijiet kbar li fasslu imma li ma kellhomx il-flus biex iwettqu. Imbagħad spjegat il-qerda li ġabet magħha l-gwerra ċivili ta’ bejn l-1975 u l-1990 u l-mod kif il-belt inqasmet, għall-ewwel darba, skont il-komunitajiet etniċi differenti.
Imbagħad tkellmet fuq il-kriżi ekonomika li faqqret lill-biċċa l-kbira tan-nies u fuq l-isplużjoni fil-port li kompliet kissret l-infrastruttura ta’ din il-belt kburija u għarrqet lil dawk li jgħammru fiha u jqisuha bħala darhom. Sadattant, beda tiela’ bini ġdid u esklussiv bil-flejjes mill-Golf Għarbi.
Eżatt wara t-taħdita tal-Prof. Marlène Ghorayeb rajna dokumentarju tal-waħx dwar Bejrut fl-ewwel sena tal-gwerra ċivili, “Beyrouth, jamais plus” (Bejrut, qatt aktar), miġbud minn Jocelyne Saab. F’waħda mill-iktar xeni li kexkxuni tara t-tfal jgħumu fil-baħar imniġġes u biċċiet mill-iġsma tal-mejtin nofshom mirdumin fuq il-bajja, riġel ‘l hawn, driegħ ‘l hemm.
Aħna l-bnedmin għandna memorja qasira wisq.
Marlène Ghorayeb, architecte Desa, docteure en urbanisme et aménagement, habilitée à diriger des recherches (HDR). Professeure à l’École spéciale d’architecture et chercheure au Laboratoire architecture ville urbanisme environnement (Lavue), UMR 7218 CNRS. Elle est l’autrice de plusieurs travaux et ouvrages sur l’histoire urbaine de Beyrouth, dont Beyrouth sous mandat français, construction d’une ville moderne (Khartala, 2014).
BEJRUT U Ċ-ĊENTRU TAL-PUBBLIKAZZJONI

L-aħħar kelliem fil-“ġurnata ta’ studji” tal-iReMMO fuq il-Libanu kien Franck Mermier, awtur fost l-oħrajn tal-ktieb dwar Bejrut bħala l-belt li għal ħafna żmien kienet iċ-ċentru tal-pubblikazzjoni fil-pajjiżi Għarab. Wieħed mill-ħafna kotba tiegħu fil-fatt huwa fuq hekk Le Livre et la ville. Beyrouth et l’édition arabe (Sindbad-Actes Sud, 2005). Il-Kajr ukoll għal ħafna żmien kien ċentru importanti ħafna tal-pubblikazzjoni fil-pajjiżi Għarab.
Wieħed mill-iktar punti li laqtuni tal-Prof. Mermier kien li meta l-gvernijiet jieħdu s-settur tal-pubblikazzjoni f’idejhom essenzjalment jixorbulu ħafna mill-enerġija tiegħu. Jew joqtluh. Imma anki l-kriżijiet ekonomiċi joqtlu l-qasam tal-pubblikazzjoni. Illum, il-pajjjiżi tal-Golf Għarbi daħlu sew f’dan is-settur ukoll.

Madankollu, waqt il-gwerra ċivili fil-Libanu l-pubblikazzjonijiet ma waqfux u kien hemm attività kbira, ħafna drabi moħbija jew klandestina, imma mimlija ideat u enerġija. Kien settur li rrifjuta s-sarima li ppruvat tagħmillu l-gwerra. Imma llum, bil-kriżi ekonomika tal-biża’ li hemm, l-industrija tal-pubblikazzjoni f’Bejrut ħadet daqqa kbira.
Waqt it-taħdita Franck Mermier semma kemm-il darba lill-awtur kbir Elias Khoury, figura ewlenija fid-dinja kulturali u ħabib tagħna u tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta mmexxi minn Inizjamed.
Franck Mermier, directeur de recherche au CNRS, membre de l’IRIS-Institut de recherche interdisciplinaire sur les enjeux sociaux depuis 2016, ancien directeur du Centre français d’études yéménites (Sanaa) et du département scientifique des études contemporaines à l’Institut français du Proche-Orient (Beyrouth). Il a notamment publié Le Livre et la ville. Beyrouth et l’édition arabe (Sindbad-Actes Sud, 2005), l’ouvrage collectif Mémoires de guerres au Liban (1975-1990) (avec Christophe Varin, 2010), ainsi que Récits de ville, d’Aden à Beyrouth (Sindbad-Actes Sud, 2015).