Fil-ġimgħa tal-24 ta’ Jannar 2022, fil-programm Ilsienna fuq TVM ixxandar servizz fuq l-awtur Malti Henry Holland li fih tkellimt dwar il-vuċi distintiva tiegħu influwenzata mill-vuċijiet ta’ awturi Maltin u barranin, bħal Rużar Briffa u Philip Larkin, li kultant jirreferi għalihom direttament fil-poeżija tiegħu.

Wieħed mill-istudji tiegħi, bl-isem ta’ “Tarżan u l-Udjenza Tiegħu f’“Il-Ġnien” ta’ Henry Holland” jittratta s-saffi differenti li tesplora l-poeżija tiegħu “Il-Ġnien” u ġie ppubblikat fl-2005. Dan l-istudju kont ippreżentajtu (u ppubblikajtu) bl-Ingliż f’konferenza internazzjonali fl-Università ta’ Ċipru fl-2007. Olivia Borg kitbet studju interessanti bl-isem ta’ “Il-Qabża Poetika Kunfidenti ta’ Henry Holland Pinzellati ta’ Natura Kritika dwar L-Artist tat-Trapiż” li kien deher f’ħarġa tal-perjodiku Leħen il-Malti (għadd 33 LXXXIII) u li ssibuh fl-OAR tal-Librerija tal-Università ta’ Malta.
F’Marzu tas-sena 2000 kont għamiltlu intervista li ssibuha hawnhekk. Magħha għandkom issibu wkoll ir-reċensjoni li kien kiteb Louis J. Scerri ta’ L-Artist tat-Trapiż (1997) u kumment tal-awtur fuq in-novella tiegħu “Il-Baqta” (2002).

Aspett ewlieni li tispikka fil-kitba kollha ta’ Henry Holland hija l-ironija li hu jaqbad l-isfumaturi differenti differenti, mit-traġiku sal-leġġer. Fl-intervista li għamiltu fis-sena 2000 tkellem fuq l-influwenza tal-letteratura Ingliża fuq il-vena ironika fil-kitba tiegħu.

Aspett ieħor li qbadt fl-intervent li għamilt għall-programm Ilsienna kien il-mod kif Henry Holland jirrakkonta l-vjolenza, kemm fin-novella, speċjalment f'”Il-Baqta” u “Il-Ġrieden,” u kemm fil-poeżija, speċjalment f’”Is-Salvatur.” Ħafna drabi mhix vjolenza rrakkontata b’mod sfaċċat imma suġġerita, implikata, mixtieqa. Il-ħila tiegħu li jirrakkonta, li jqaxxar, kif ngħidu, il-vjolenza, il-forza u l-ħdura tagħha, hija pjuttost straordinarja.