Fit-30 ta’ Diċembru 2021 ixxandar programm speċjali mis-sensiela ta’ Leanne Ellul u Claudia Gauci, LELÀ: kliem, noti u l-bejniet, dwar Oliver Friggieri. Dan kien l-aħħar programm tal-ewwel sensiela ta’ LELÀ. Biex tisimgħuh kemm tidħlu hawnhekk:
Kif inhuma relevanti llum il-kitbiet ta’ Oliver Friggieri? Dawk il-kitbiet tas-sebgħinijiet u tat-tmeninijiet, pereżempju, kif jidwu maż-żminijiet tal-lum? Liema għad għandhom l-iktar saħħa għax huma attwali?
Biex titkellem fuq il-kitbiet ta’ Oliver Friggieri trid tagħżel bejn ġeneri u fażijiet differenti tal-istorja tiegħu bħala kittieb u bħala intellettwali pubbliku. Waqt li llum nitkellmu fuqu bħala missier nazzjonali, bħala figura spiritwali li tgħaqqad il-poplu, Oliver Friggieri stabbilixxa ruħu bħala intellettwali u poeta li jikkontesta, li joqros, li jiskomoda, dejjem bl-elokwenza u l-ironija fina tiegħu. Mhux l-ikona nazzjonali, imma l-kuxjenza tturmentata, irrabjata tal-Maltin ta’ rieda tajba. Mhux l-Oliver Friggieri ta’ “Hekk Biss Ikun Poeta” imma l-Oliver Friggieri umanista profondament rrabjat ta’ “Innu lil Tribù b’Żewġ Bnadar” jew “Merħba lill-Albaniżi” tal-1991: ir-refuġjati li ma rriduhomx għax mhumiex turisti: “. . . tiġu xejn! Mel’ aħna Nsara?”

Bħala qarrej tal-letteratura tiegħu, jinteressawni l-aktar il-poeżiji fil-ġabra Mal-Fanali Hemm Ħarstek Tixgħel, u r-rumanzi L-Istramb, Il-Gidba u Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri. Kemm jibqa’ “attwali” xogħol letterarju jiddependi ħafna wkoll mill-qarrejja, mis-sensibilità tagħhom, minn dak li jkunu qed ifittxu. Naħseb li huwa f’dan il-kuntest li rridu nqisu l-attwalità ta’ ġabra bħal Mal-Fanali Hemm Ħarstek Tixgħel li kien ħa ħsiebha Toni Cortis u li għamlet ħoss meta ħarġet fl-1988 minħabba l-poeżija lirika imma speċjalment minħabba l-poeżija politika kontestatorja li fiha.
Waqt li ħafna mill-azzjoni fix-xogħlijiet bikrija sseħħ fil-kuxjenza stretta taż-żagħżugħ jew fil-ftuħ relattiv tat-toroq, l-isqaqien, u l-pjazez (b’kollox it-toroq jissemmew mat-tnejn u sebgħin darba, l-isqaqien mas-seba’ darbiet, u l-pjazez u l-imsieraħ mas-sbatax-il darba), minn Poeżiji ta’ Mħabba ’l quddiem titfaċċa t-tema aktar speċifika tal-vjaġġ “twil,” kif isejjaħlu kemm-il darba l-poeta stess (ara “Fuq il-Qabar ta’ Pirandello,” v. 8.), fil-ferrovija, u fl-antoloġija ta’ wara Mal-Fanal Hemm Ħarstek Tixgħel fl-ajruplan. Id-dar, l-oikos ta’ Dun Karm, tissemma disgħa u tletin darba biss. Waqt li l-ispazji fiżiċi li fihom il-protagonista jaġixxi jkomplu jikbru, anki b’riferimenti konxji għall-ibliet barranin (dejjem Ewropej) li fihom inkitbu għadd ta’ xogħlijiet, il-karatteristiċi tal-vjaġġatur jkomplu jidhru dejjem b’aktar reqqa, u għalhekk jidjiequ: il-vjaġġatur isir nomadu, barrani, stranġier, rifuġjat, pellegrin, vagabond, ħalliel, avventurier, turist, u passiġġier, u jivvjaġġa fi tren jew ferrovija, ġo vaguni, aktarx suwed, fuq binarji, fi trammijiet u f’ajruplan. L-istazzjon, is-suq u l-irkant, u l-ajruport isiru s-swali tat-tluq u l-mistennija tal-vjaġġatur.
Illum fil-kitba ta’ Oliver Friggieri ma nfittixx l-iktar il-viżjoni politika, il-pożizzjoni filosofiku jew il-ġudizzju morali. Infittex l-umanità fraġli imma kburija, infittex l-ironija ġenjali, infittex ir-ritmu saħħari tal-versi, l-imprevedibbiltà tal-metafora, il-maġija ta’ dinja alternattiva għall-ħajja ta’ kuljum li sikwit tgħejjini u xxebbagħni u ftit li xejn toffrili l-ispazju u l-mistrieħ tal-immaġinazzjoni li toffri l-aqwa poeżija ta’ Oliver Friggieri. Hija poeżija li dejjem timxi kburija fit-tarf tal-possibilità.

Meta taqra l-versi l-iktar imprevedibbli tiegħu taħseb li ħadt żball, li qrajt ħażin, li x-xbieha laqqgħet flimkien elementi mbegħdin wisq minn xulxin. U mbagħad tirrealizza li minflok żball hemm liberazzjoni, tal-moħħ, tal-qalb, tal-immaġinarju. Speċjalment tal-immaġinarju. Huma versi li jsawru dinjiet oħrajn, li jagħmlu emozzjonijiet u relazzjonijiet oħrajn possibbli.
Il-punt tat-tluq metaforiku ta’ Oliver Friggieri f’din il-ġabra ta’ poeżiji huwa l-istazzjon. Imma l-istazzjon fih innifsu qatt ma jista’ jkun sempliċiment punt tat-tluq għax huwa diġà punt ta’ wasla. L-istazzjon iservi wkoll bħala punt bejn it-tluq u l-wasla: il-vjaġġaturi jitilqu minn fejn ikunu u jkomplu l-vjaġġ tagħhom fl-istazzjon, li għaldaqstant huwa tappa fi vjaġġ itwal.
Il-poeżija ta’ Friggieri hi poeżija mgħarrqa fil-paradoss: l-istazzjon tiegħu huwa l-post fejn il-pellegrin jidħol jistrieħ mill-iskariġġ taċ-ċaqliq kontinwu bejn il-preżenza u l-assenza; il-viċin u l-bogħod; l-illum, il-bieraħ u l-għada; il-lejl u n-nhar; il-ġie u t-telaq; it-tela’ u n-niżel; il-mewt u l-ħajja; l-issa u s-seklu; it-tektika tal-arloġġ u l-univers; is-solitudni u l-folla; l-għajnejn espressivi u l-wiċċ ċass; il-mutiżmu u l-volumi ta’ kliem.
Il-vjaġġ tiegħu jseħħ fuq mill-inqas żewġ livelli: kultant, jew fl-aħħar mill-aħħar, hu mixja “inkiss inkiss” mimlija tbatija lejn destinazzjoni ċara, lejn patibolu, lejn il-lilhinn (Il-patibolu u l-lil hinn mhumiex imbegħdin minn xulxin daqskemm jidhru: il-patibolu ta’ “Requiem għal ommi” (v. 26) u “Lejn il-patibolu” (vv. 16-17) għandu ħafna mix-xejriet tal-ġudizzju ta’ wara l-mewt); ħafna drabi hu riviżitazzjoni kontinwa ta’ żewġ dinjiet opposti imma koeżistenti, vjaġġ ċirkulari. Il-paradoss, wara kollox, huwa vjaġġ fit-tifsir għax filwaqt li jistqarr xi ħaġa li tidher kontradittorja jew assurda jġiegħel lill-qarrejja jfittxu iktar fil-fond fis-saffi tat-tifsir (Crystal, The Cambridge Encyclopedia of Language).
It-tkabbir tal-ispazju madwar il-poeta hu att ta’ approprjazzjoni u esproprjazzjoni fl-istess ħin. L-insistenza fuq “għajnejk,” l-għajnejn inġenerali u l-uċuħ espressivi hi mminata mill-iskantar, mill-uċuħ ċassi u mill-anonimità tipika tal-ajruporti, l-istazzjonijiet, it-toroq, u l-ibliet li fihom jivvjaġġa l-poeta. Bħala kontrappożizzjoni għall-vjaġġ mill-kelma għall-ktieb, id-dizzjunarju, il-volum, il-lingwa, u lura għall-paġni, il-kelmiet, is-sillabi, u saħansitra t-tlissin tas-sillabi individwali u l-konsonanti, hemm is-silenzji, l-abbiss u l-mutiżmu li jilħaq il-qofol tiegħu bl-istqarrija tipikament paradossali u binarja, “Jien poeta mutu” (“Sikta tal-ħarifa;” il-mutiżmu jissemma mill-inqas sittax-il darba.). Din stqarrija li tfakkrek minnufih f’Marjanu Vella, poeta li Friggieri studja fil-fond u ħadem biex jingħata l-attenzjoni li tixraqlu. Bl-ironija kollha tagħha, din hija stqarrija tipika ta’ Oliver Friggieri, bejn intelliġenti, ġenjali, kburija, u bejn stqarrija ta’ fraġilità, ta’ inadegwatezza, ta’ nuqqas ta’ ħila, konferma li iktar ma tuża l-kliem iktar tagħraf il-kuraġġ u l-limiti tiegħu. Imma għal Oliver Friggieri xorta waħda jibqa’ l-uniku mezz, l-unika għodda li biha jista’ jipprova jaħfen il-mument, iqejjes il-ħajja fl-immensità skabruża u inspjegabbli tagħha. L-istazzjon tat-tren matul il-vjaġġ fil-vaguni suwed tal-ħajja.