Tislima lil Saturnina, bint Juann Mamo

Saturnina Tonna, xebba Mamo

Dil-ġimgħa ħallietna Saturnina Viviana Tonna, bint Juann Mamo. Kienet l-uniku wild ta’ Mamo li kien għad fadal. Ma jidhirlix li għandu dixxendenti oħra ħajjin. L-għomor lill-erba’ wlied bniet tar-raġel tagħha (kienet iżżewġet armel) u lill-familji tagħhom.

Iltqajt ma’ Saturnina kemm-il darba fid-dar li kienet toqgħod fiha ħdejn il-knisja l-qadima ta’ B’kara u fid-dar ta’ ommha u missierha fi Triq Azzopardi l-Marsa. Kienet mara dħulija u dejjem lesta li tilqa’ lil dawk kolha li kienu jmorru jkellmuha fuq missier li ftit li xejn kienet tiftakru għax miet ħabta u sabta meta kien għad kellha biss ħames snin. Ħafna minn dak li qaltilna fuq Juann Mamo kien imsejjes fuq dak li qaltilha ommha Marì Karm jew Karmena.

Meta kont iltqajt magħha fit-22 ta’ Ottubru tal-2010 u staqsejt dwar il-ġenituri ta’ Juann niftakar li kienet qaltli, bl-istil inimitabbli tagħha: “Bilkemm naf lil missieri!” F’dak il-perjodu kont xandart sensiela ta’ programmi fuq Campus FM bl-isem ta’ “L-Amerka ta’ Mamo” u fil-ħames programm kont intervistajt lil Saturnina Tonna u lil ħuha Delfin Satiro (Dolfu) Mamo. Kellha personalità Saturnina u f’din l-intervista tinħass sew: https://adriangrima.org/2019/09/10/tahditiet/

F’dik il-paġna ssibu wkoll intervista li konna għamilnielha Annalise Vassallo u jien dwar il-poeżiji narrattivi ta’ missierha li kienet tħobbhom ħafna, speċjalment “Iz-Zija u l-Fatat.” Il-filmat tal-intervista konna xandarnieh fil-Konferenza Juann Mamo li organizzajna bħala Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta fl-2013 u ssibuh hawnhekk fuq is-sit ta’ riċerka tad-Dipartiment tal-Malti, malti.mt.

L-intervent ta’ Saturnina jibda fis-37:20

L-istess intervista tinstema’ wkoll fis-sensiela “Mamo l-Veru” li kont xandart fuq Campus FM ukoll fl-2014, fi programm li fih tkellmet ukoll Annalise Vassallo li ġabret il-poeżiji ta’ Mamo f’edizzjoni kritika u kienet ħarġet fl-2013 ma’ edizzjoni ġdida tar-rumanz u ktieb dwar il-personaġġi li jissemmew fih. Dawn kienu l-ewwel tliet pubblikazzjonijiet mis-Sensiela Juann Mamo li ħriġt mal-SKS.

Waqt li kienet marbuta ħafna mal-figura ta’ ommha, Saturnina dejjem tatni l-impressjoni li kienet kburija b’missierha u bil-fama tiegħu bħala kittieb importanti. Ma nafx din il-kburija kinitx il-frott tax-xogħol ta’ riċerka u analiżi li għamel Oliver Friggieri fuq Mamo fil-bidu tas-snin tmenin tas-seklu għoxrin. Li nista’ ngħid hu li kont inħoss li kellha mill-ispirtu ħieles ta’ missierha.

U l-kelma kienet tħobbha, Saturnina. Kienet tħobb tirrakkonta u kienet tagħżel il-kelma b’ċerta reqqa. Arawha u isimgħuha titkellem fuq il-poeżiji narrattivi ta’ missierha u taraw kemm hu vera.

Ħajr lill-kollega u ħabib tiegħi Dr Mario Cassar li għarrafni bil-mewt tas-Sinjura Saturnina Tonna

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s