Din il-poeżija ta’ Mario Cardona tkompli ma’ poeżiji oħrajn li dehru fil-ktieb mill-isbaħ tiegħu Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel, speċjalment il-poeżija “Fabric Softener.” Imma hemm ukoll “F’Nofs Kampanja Elettorali f’Raħal Malti.”
Ħajr lil Antoine Cassar li ġibdilna l-attenzjoni għal din il-poeżija ta’ Mario u bosta kitbiet oħrajn li dehru dan l-aħħar. Kieku kont naf biha meta kont qed nikteb l-esej “Wara t-Tradiment,” li jinsab hawnhekk, https://www.islesoftheleft.org/wara-t-tradiment/, żgur li kont nirreferi għaliha. (Hawnhekk it-titlu żidtu jien.)
La Jogħsfor dan il-Papa
La jogħsfor dan il-papa
u jilħaq ieħor
la tistennewx li sa noħroġ indoqqlu l-ħorn
jew intellagħlu l-bandiera fuq il-bejt.
L-aħħar papa li adurajt
kien il-Perit.
Forsi għax il-Perit kien egoist
u riedna naduraw lilu biss.
Forsi għax kont għadni
bil-lolipop f’ħalqi.
Forsi għax l-allat ta’ żmienna
allat tal-landa,
karus tal-plastik,
landa taż-żejt kollha tiċpis,
kont tal-bank vojt
jibki biex jimtela
bi flus li ħadem għalihom ħaddieħor.
La jogħsfor dan il-papa
u jilħaq ieħor
ikollna nibqgħu mqajma
nixxenglu mal-imwieģ
fuq l-arblu majjistru
għassa għall-iskoll li jmiss.
Mario Cardona | 30 ta’ Novembru 2019
2 Thoughts