Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Novembru, 2004, Adrian Grima se jkun wieħed mill-kelliema waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb ta’ Sergio Grech dwar Patri Feliċjan Bilocca. Ħajtu u Żminijietu (1914-1987). Il-preżentazzjoni se ssir fil-Lukanda Corinthia San Ġorġ ta’ Paceville u tibda fis-7.00pm. Il-kelliema l-oħra se jkunu John Buttigieg, Dun Renè Camillieri, it-Tabib Daniel Micallef, u Lino Spiteri. Iċ-chairperson se jkun l-istoriku Charles Dalli.
Patri Feliċjan Bilocca (1914-1987) kien Kapuċċin mill-Furjana li ħajtu kienet kontroversja waħda. Il-ktieb innifsu mistenni li jkun kontroversjali minħabba s-suġġetti li jaqbad.
Sergio Grech, wieħed mill-organizzaturi ta’ Poeżijaplus. Dan hu l-ewwel ktieb ta’ l-awtur. Il-ktieb hu riżultat ta’ numru ta’ snin ta’ riċerka u nbena fuq numru ta’ dokumenti li nkisbu minn diversi mkejjen. Xi dokumenti qed jintużaw wkoll għall-ewwel darba. L-awtur ikkonsulta dokumenti mill-Public Records Office ta’ Londra u mill-BBC li għandu ċentru ta’ riċerka vast f’Reading.
L-awtur uża wkoll l-arkivji ta’ għaqdiet reliġjużi bħal Kana u l-Azzjoni Kattolika. Grech juża wkoll id-djarji ta’ Bilocca u minnhom joħroġ materjal ġdid li għandu x’jaqsam ma’ l-istorja ta’ Malta.
Il-ktieb hu miżgħud bir-ritratti li wara kull wieħed hemm storja. Xi dokumenti huma inklużi fil-ktieb. Hemm per eżempju l-pastorali ta’ l-1962 bil-kaligrafija ta’ Mons. Gonzi stess u ittra li Gonzi bagħat lill-Vatikan li qed tidher kollha għall-ewwel darba.
Bilocca ħa sehem f’diversi waqtiet fl-istorja ta’ Malta. Kien attiv fi żmien l-Integration u waqt il-ġlieda politiko-reliġjuża tas-snin sittin u l-awtur jiffoka ħafna fuq dawk l-avvenimenti li kienu kruċjali fl-istorja ta’ dawn l-aħħar erbgħin sena.
Fis-snin sebgħin, Patri Feliċjan, minn għadu ta’ l-M.L.P. sar ħabib intimu u beda jaqbeż għall-partit fil-pubbliku. Għalih li jintervjeni direttament fil-politika kien il-mezz ideali biex jagħmel il-ġid. L-awtur jiffoka wkoll fuq l-inkwiet li kellu ma’ l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca dwar bosta affarijiet.
Il-ktieb, li hu miktub b’Malti aċċessibli għal kulħadd, jipprova jgħarbel il-karattru ta’ wild Malti li ma beżax imexxi ‘l quddiem dak li kien jemmen fih.