Il-Ħemda tal-Ġlata

Id-daħla ta’ Adrian Grima, bl-isem ta’ “Il-Ħemda tal-Ġlata,” għall-ġabra ta’ poeżiji ta’ Mario Cardona, Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel (Horizons 2019).

ARA WKOLL:


Fl-2018 u fis-snin ta’ qabel ħdimt mill-qrib ma’ Mario Cardona fuq il-poeżiji tiegħu li issa jinsabu miġburin fil-ktieb Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel. Inħoss li l-vuċi poetika tiegħu toffri xi ħaġa ġdida lill-udjenza tal-poeżija bil-Malti. Hemm poeżija f’din il-ġabra li nemmen li tagħmel dak li ebda poeżija oħra ma tagħmel, imma hemm ħafna waqtiet poetiċi memorabbli f’dan il-ktieb ċkejken. Din hija ġabra li fost il-ħafna merti tagħha għandha l-mertu kbir tal-umiltà, umiltà sinċiera.

FUQ KAXXA TAL-BIRRA RASHA ‘L ISFEL ta’ Mario Cardona issa għall-bejgħ mingħand Agenda Bookshop jew waqt it-tnedija li se ssir nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Novembru, fis-7.30pm, Ir-Razzett Tal-Qasam, il-Manikata.

“Fuq dawn il-poeżiji hemm id-dell qalil ta’ ħolqien li huwa akbar mill-bnedmin. Fihom hemm konverżazzjoni mqanqla, qabelxejn, mal-art, mas-sema u mal-baħar. Hemm iċ-ċokon umiljanti tal-bnedmin, imma hemm ukoll il-kburija siekta tal-poeta li jipparteċipa, permezz tal-poeżija, b’umiltà, b’ġesti żgħar, imma b’konvinzjoni kbira, fil-proġett il-kbir tal-ħolqien.”

Adrian Grima

Il-Ħemda tal-Ġlata

Daħla ta’ Adrian Grima

Mario Cardona għandu l-ħila jitkellem fuq it-temi l-kbar ta’ żmienna u ta’ kull żmien, fuq il-mewt, fuq id-dillirju tal-ħajja, fuq it-tfulija, il-pajsaġġ naturali, ir-rabja quddiem l-inġustizzja, l-emarġinazzjoni, il-pompa tal-poter, u l-ineffabilità tal-imħabba, mingħajr ma jinsa li l-poeżija hija kelma. Li l-isfida ewlenija tal-poeti tinsab fit-tħaddim u l-organizzazzjoni f’dinja għaliha tal-kelma u tal-ħoss, il-materja prima tal-poeżija. Il-lingwa tħoll id-distinzjoni bejn l-ispirtu u l-materja (Eagleton, Materialism 19). Il-poeżija ta’ Cardona mhix sempliċiment riflessjoni fuq il-ħajja: hija intervent fil-ħajja.

Il-Keyboard f’Kanna ta’ Sitt Pulzieri

Din hija ġabra li ġġibna wiċċ imb wiċċ, għal darb’oħra, man-natura nfisha tal-poeżija, għax tisfida l-konvenzjonijiet, ir-ritmi ġa maħduma, il-frażijiet lesti. U għalhekk hija poeżija li teħodna lura lejn il-fiżiċità tal-kelma, il-ħoss rozz ta’ ċerti konsonanti u l-kompliċità taparsi innoċenti tal-vokali; it-ton li jsir tnalja tikwi tfexfex fir-rassenzjazzjoni jew l-indifferenza tagħna; ir-ritmi li kultant jistorduna. F’dan is-sens, il-lingwa ma tirriflettix ir-realtà jew tqabbad magħha: il-lingwa hija r-realtà materjali nfisha (Eagleton, Materialism 123). Mario Cardona jinnegozja r-relazzjoni tiegħu ma’ kull kelma fid-dwejriet poetiċi li jibni u li jqiegħed, b’mod mill-aktar naturali għax din hija ħtieġa profonda, fi rħajjel dinamiku ta’ esperjenzi.

Qabelxejn, esperjenzi. Mhux għax m’hemmx ideoloġija. F’dak kollu li nagħmlu hemm ideoloġija trieġi, anki meta niċħduha. Imma għax kollox donnu jibda minn esperjenza fiżika, mill-għażla konxja li l-kittieb iġarrab il-ħajja permezz tas-sensi. U mbagħad jirrifletti. Fil-malinkonija profonda tal-poeżija “Ir-Riżultat” hemm, qabelxejn, il-preżenza fiżika tat-tifel, “bilqiegħda mal-mejda / b’dar-riżultat abjad f’idejja, / bin-numri mħażża bl-iswed;” hemm id-diqa f’għajnejn l-omm, saħansitra fix-xbieha tan-nannu li jidħol ħdejhom ukoll, bħas-sadid malinkoniku tal-friġġ. Il-poeżija “Bastjaniżi” tibda b’fiżiċità differenti:

Fl-ilma baxx tar-Ramla tal-Mixquqa
ġrejna b’idejna mgħollijin u bil-leħen tal-bejjiegħa tal-Monti intunajna:
aħna l-Bastjaniżi
ħadd ma jista’ għalina
tal-iljun,
tal-iljun, aħna qalbna kbira…
Imma issa sar kważi nofsillejl u aħjar torqdu.
Għada skola.

Minn dan il-punt, tibda riflessjoni bla mistennija fuq l-edukazzjoni formali u t-tip ta’ soċjetà li trawwem. Din ir-riflessjoni, li tieħu l-forma ta’ sensiela ta’ kwadri mikulin blironija, twassal għall-konklużjoni bla ħniena dwar “il-mewta konsweta tal-karriristi,” bl-alliterazzjonijiet kiefra tagħha. Imma wlied il-poeta joħorġuh f’salt mill-fosdqa riflessiva tiegħu bl-urġenza u l-konkretezza tat-talba tagħhom: f’leħenhom fl-aħħar vers tal-poeżija hemm l-awtokritika tal-poeta li jintebaħ li qed jieħu gost jedha bih innifsu, bħall-iskola li donnha medhija biha nfisha minflok b’uliedha.

F’uħud mill-iktar mumenti importanti fir-riflessjoni tiegħu, Mario Cardona jirrikorri għall-esperjenza sensorja. Fil-kultura tal-Punent, l-estetika bdiet, f’nofs is-seklu 18, bħala diskors marbut mal-ġisem; id-distinzjoni li għamlet ma kinitx bejn l-arti u l-ħajja imma bejn il-materjali u l-immaterjali (Eagleton, The Ideology of the Aesthetic 13). Din il-poeżija donnha tidwi din ir-rabta qadima bejn l-estetika, il-ġisem u s-sensi. Fil-bidu ta’ “Konsenturi,” xogħol li jikkritika l-mod kif aħna l-Maltin qed nittrattaw lill-immigranti, jingħata post ewlieni lill-esperjenza fiżika: “Il-klandestin tfajnieh bil-fies ikisser il-bankina.” Il-poeżija tintemm bil-metafora tal-konsenturi fil-qafas (mherri) tal-moralità tagħna. L-użu tal-metafora huwa ideali, speċjalment għal poeta li jirrakkonta l-esperjenza fiżika, għax permezz tagħha jagħti bixra konkreta lill-kunċetti astratti. Taħt il-wiċċ, jgħidilna, kollox qed jgħum fid-drenaġġ. U nafu li mhux qed jgħid għat-triq biss.

Il-lingwa hija “medju li fih nitwieldu” (Eagleton, Materialism 20); u bħala kittieba ngħammru f’letteratura wkoll, u mhux biss dik miktuba bi lsienna. Fi ħdan il-medju tal-lingwa, m’hemmx kelma li hi letterarja u oħra li mhijiex; hemm organizzazzjoni li hi letterarja u organizzazzjoni li mhix (9), letterarjetà, jiġifieri, li tiddependi minn dak li nagħmlu bil-kliem li ngħammru fih. Mario Cardona joħloq il-lingwaġġ poetiku tiegħu mill-ġdid għax ħafna drabi jirrifjuta l-frażijiet lesti u l-metafori stabbiliti li tiddeletta bihom il-poeżija li ma tagħrafx in-natura dejjem kuntrarja tal-kelma letterarja u l-organizzazzjoni stramba tagħha. F’dan is-sens, il-poeta jikkonferma l-fehma ta’ Eagleton li l-lingwa hija “fatalità” u fl-istess ħin “arena tal-kreattività” (20). Meta l-poeta jikteb dwar kif “il-ġisem / iċedi f’daqqa taħt il-piż tar-ritmu” jirnexxilu “jfisser,” jew jagħti ħjiel ta’ stat ta’ eżawriment u estasi li mhux lakemm “tfissru,” proprju għaliex il-karatteristika ewlenija tiegħu hi li ma jistax jitfisser bil-kliem tas-soltu. L-idea li r-ritmu tant ħafif u inkontrollabli jsir piż hija ġenjali u tittrażmetti l-istat fiżiku, mentali u emozzjonali uniku ta’ saħħa u sturdament, ta’ kontroll u nuqqas ta’ kontroll, li qed jissuġġerixxi l-poeta.

F’ċerti waqtiet, il-kelma ta’ Mario Cardona hekk tagħmel: tqanqal ritmu li jiġbdek miegħu u kapaċi jisturdik. Hekk jidher li qed tagħmel lill-poeta stess il-kelma f’poeżiji bħal “Bastjaniżi,” fejn “titfgħu il-keyboard f’kanna ta’ sitt pulzieri;” f’“Lasktuwa,” fejn ir-ruħ fid-dlam issir lasktuwa li jistennieha tispara f’wiċċu; f’“Dil-Ħajja,” li ssir “taħżiża sprej fuq ħajt ta’ bini mġarraf;” u f’“Jien Li M’iniex,” bil-pass bla nifs tat-tieni parti tagħha. Il-poeżija tisfida l-lingwa li minnha ċċarrat il-kliem. Bħal bhima ħielsa. 

Minkejja li jsellem konxjament lill-wirt tat-tradizzjoni letterarja Maltija u barranija, b’riferimenti diretti, ngħidu aħna, għall-metrika tradizzjonali (“Ridt Niktiblek”), għall-kantiku, għax-xogħol ta’ Fra Gioele, għal Dun Kixott, u għall-ħrafa ta’ Cinderella, il-metafora ta’ Mario Cardona ta’ spiss tagħmel ħilitha biex ma tgħaddix mill-mogħdijiet magħrufin tal-letteratura konvenzjonali. Hija metafora li għandha l-ħila taqleb il-karretta bil-kelmiet kollha li hemm fiha u tibda mill-ġdid, kelma, kelma. U mat-tagħbija li hemm fil-karretta żżid materjal ġdid, il-fabric softener, il-kapuċċino, id-demel tal-mogħoż, il-cash registers, id-Dolce u Gabbana. Il-ħila ta’ Cardona ma tinsabx fil-fatt li kapaċi jqiegħed dawn il-ħsejjes mhux tas-soltu f’postijiet strateġiċi fil-poeżiji biex jinstema’ pop. Dawn il-ħsejjes, ix-xbihat u l-metafori huma parti integrali mit-tessut tal-ħajja ta’ kuljum, elementi fundamentali f’konċezzjoni skomda tal-poeżija. Il-poeżija tiegħu sikwit tipproponi tiġrib poetiku skuntrat tal-mumenti ż-żgħar tal-ħajja u tal-istrutturi l-kbar li jinsatru warajha imma jikkmandawha.

Din poeżija li għandha vuċi qawwija, li tistqarr il-pożizzjonijiet ideoloġiċi tagħha b’wiċċha minn quddiem, imma li tagħraf ukoll il-kontradizzjonijiet, speċjalment dik li qed tmaqdar sistema edukattiva li fiha l-poeta nnifsu rnexxa mija fil-mija għax kien “numru eżemplari” (“Il-Leġġenda”). Għalhekk f’din il-ġabra hemm fil awtokritiku u awtoironiku li kultant taqbadna fuq sieq waħda. Hija poeżija kburija, konxja li qed tisfida l-istabbiliment soċjali u kulturali, il-formuli tal-lingwa letterarja stabbilita, imma mhix poeżija pretenzjuża. L-awtokritika mhix poża oħra. Mhix poeżija li tintefaħ bil-ħila tagħha li timmanipula l-kelma. Ma tħallix din il-ħila tostor l-osservazzjoni attenta u sensittiva tal-ħajja u l-istrutturi li jirregolawna. Hija poeżija miftuħa, onesta, sikwit lirika, u dejjem, tista’ tgħid, personali.

Minbarra l-karatteristiċi tal-“intellettwali organiku” ta’ Gramsci (Prison Notebooks, II, 202), Cardona għandu wkoll ix-xeħta ta’ “filosfu demokratiku,” għax konvint li l-personalità tiegħu mhix marbuta biss miegħu nnifsu bħala bniedem tad-demm u l-laħam partikulari imma hija “relazzjoni soċjali attiva ta’ tibdil tal-ambjent kulturali” (Quaderni del Carcere, 10, XXXIII). Il-personalità storika tal-filosfu individwali tingħata mir-relazzjoni ħajja li teżisti bejnu u l-ambjent kulturali li jrid jibdel. L-ambjent jgħallem lill-bniedem għax iġiegħlu l-ħin kollu janalizza lilu nnifsu, u għalhekk joħloq proċess kontinwu ta’ awtokritika.

Bil-Ktieb ta’ Cinderella f’Idha

Il-poeta jirrakkonta mill-perspettiva suġġettiva tal-umaniżmu kumbattiv tiegħu. Għadd ta’ poeżiji jikkummentaw fuq is-sistema edukattiva; fuq ġrajjiet fl-istorja politika u soċjali ta’ Malta, bħat-tentattiv biex tinbena korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra, u l-qtil f’Ħal Qormi ta’ Bastjan Borg, magħruf bħala “tax-Xott” f’Mejju tal-2007 (“Mewt f’Nofs Lejl Oranġjo”); u fuq ġrajjiet oħrajn mill-istorja reċenti, bħal dik ta’ żewġ personalitajiet fix-xena mużikali Taljana, Pierangelo Bertoli u Andrea Parodi, li t-tnejn mietu relattivament żgħar. In-narrattiva li jipproponi tagħraf dejjem ir-rabtiet tal-ġrajjiet tal-bnedmin mal-mument storiku, “fil-karretta tad-demel” tal-istorja li fiha jinbtu (“Awtobijografija”).

Cardona huwa mnebbaħ minn edukaturi bħal Paulo Freire u Don Lorenzo Milani li jemmnu li biex id-dinja tkun aktar umana u ġusta, l-edukazzjoni jrid ikollha “għan emanċipatorju, imsejjes fuq l-għarfien li l-proċess edukattiv huwa proċess essenzjalment politiku” (Borg u Cardona 193). Jemmen ukoll li f’art twelidu għandu jkun hemm post għal kulħadd, u mhux tinqasam fil-patrija tal-ipprivileġġjati u l-patrija tal-muti (Bonnici u Cardona 507). Minn dawn il-poeżiji li jirrakkontaw stejjer differenti nistgħu nippjantaw, mingħajr wisq tbatija, it-twemmin ta’ min qed jikteb u l-viżjoni tiegħu tal-intervent tal-bniedem individwali fil-ġrajja kollettiva.

F’dan il-kuntest, “Sara” poeżija qalila. Tintemm bix-xbieha delikata ta’ bint il-poeta “rieqda bil-ktieb ta’ Cinderella f’idha,” imma din mhix xbieha “innoċenti.” Fl-ironija feroċi li taħkem il-bqija ta’ din il-poeżija m’hemmx iċ-ċiniżmu ta’ poeta li qata’ qalbu jew jikteb il-poeżija tal-pożi: hemm rabja lejn soċjetà li l-istrutturi dominanti tagħha jipproteġu l-privileġġi tagħhom u jrawmu ġenerazzjonijiet li ma jqanqlux l-ilma qiegħed. Iż-“żiffa friska” fl-aħħar tal-poeżija thedded l-istaġnar u tipproponi l-ġustizzja li tfiġġ fl-aħħar tal-ħrafa tas-seħer ta’ Cinderella. Hija ġustizzja li l-bnedmin mhux kapaċi jwettqu minn rajhom għax, kif jgħid Lawrence B. Solum, “Humans who lack the virtue of justice will interfere with the flourishing of others and undermine their own flourishing” (95). Għalhekk hemm bżonn l-intervent minn forzi tat-tajjeb li jgħammru lil hinn mid-dinja tal-bnedmin. Din hija wkoll il-ġustizzja li kapaċi joffri l-mistrieħ lil Sara wara ġurnata skola, fejn it-tfal bl-uniformi jimxu “tnejn, tnejn lejn l-istalel” biex jinbelgħu mill-magna l-kbira.

F’poeżija oħra qalila, “Fabric Softener,” hemm sarkażmu bla ħniena diġà fit-titlu, imma ma nħossx li hemm ċiniżmu, dak li Eagleton isejjaħlu “a mocking cackle at the high-minded claptrap of human idealism” (The Ideology of the Aesthetic 412), għax l-ideali u l-emozzjonijiet li l-poeta jirrakkonta mhumiex ħfief daqs is-sapun li jfewwaħ wara l-battikata tal-ħasla. Hemm ħjiel ta’ awtokarikatura fid-dillirju tal-carcade u x-xbieha memorabbli ta’ “jdejna jirtogħdu bl-għajta tal-Ħelsien;” iżda iktar milli nuqqas ta’ fiduċja fin-natura umana, dan huwa sinjal li meta jgħaddi ż-żmien, il-bniedem kapaċi jħares lura lejn dak li għex u emmen fih u jinterpretah b’ċerta oġġettività. L-ideali tal-Ħelsien huma marbutin mal-kisba kburija ta’ indipendenza sħiħa għall-ġid tal-poplu kollu. Għalhekk, it-tqanqil spontanju tal-carcade jistrieħ fuq il-kuraġġ u l-impenn politiku fit-tul irrappreżentat mill-Ħelsien toqmos fil-but ta’ wara, mhux fuq sensazzjonijiet fiergħa. Il-gazzetta tissuġġerixxi l-impenn li l-poeta jassoċja mal-kelma bħala att pubbliku, mal-viżjoni u l-kuraġġ li teħtieġ biex tlissinha, mal-konsegwenzi li trid tħabbat wiċċek magħhom għax tlissinha.

Is-suldati tal-azzar li jsemmi Cardona jikteb fuqhom Joe Brincat fil-poeżija tiegħu “L-Għażla”: isejħilhom “il-pijunieri” li, minkejja l-Interdett tat-8 ta’ April tal-1961, ma obdewx l-ordni tal-ġerarkija tal-Knisja Kattolika biex jiċħdu lill-Partit Laburista u għalhekk kellhom iħabbtu wiċċhom maż-żwieġ fis-sagristija, id-dfin fil-miżbla, id-dnub il-mejjet, u l-projbizzjoni tal-qari tal-gazzetta Ħelsien. Is-suldati tal-azzar ta’ Brincat kienu l-“erwieħ imwieżna fuq tiġdid ta’ buluttin” nhar l-Għid tal-1962, il-51,000 ruħ li “xeħtu l-vot skont il-kuxjenza” għax ma riedu ‘l ħadd jidħol “bejnhom u bejn Alla.” Fl-isfond tal-poeżija “Fabric Softener” hemm dawn il-ġrajjiet imwiegħra li ħarbtu l-ħajja ta’ eluf ta’ nies u l-ħelsien politiku kien ħelsien kemm mill-kolonjaliżmu Ingliż kif ukoll mill-omnipotenza supperva tat-tmexxija tal-Knisja Kattolika Maltija. Parti mill-forza ta’ din il-poeżija u oħrajn f’din il-ġabra tinsab proprju fiċ-ċelebrazzjoni tal-ideali u l-idealiżmu. Jista’ jkun li dak it-twemmin huwa żbaljat, li l-Perit ma jistħoqqlux l-istatus ta’ Salvatur, li l-Ħelsien ma kinitx gazzetta eżemplari: il-punt mhux dak. Il-punt hu li f’din il-ġrajja tas-sittinijiet Cardona jara ideal li kapaċi jimraħ lil hinn mill-isqaq tal-individwaliżmu u n-neoliberiżmu.

Waqt li l-politikant “baruni jdoqq it-tromba” u jdawwar lilu nnifsu bil-paġġi fi spettaklu patetiku ta’ approvazzjoni (“F’Nofs Kampanja Elettorali f’Raħal Malti”), l-impenn favur ideal ifisser konfrontazzjoni għax hemm forzi li jridu jħarsu, akkost ta’ kollox, il-poter u l-privileġġi tagħhom. Ix-xilja l-kbira ta’ “Fabric Softener” mhix li l-attivisti Laburisti kienu mzazen jew ipokriti, imma li minflok ir-riħa tal-gazzetta kkundannata fil-but ta’ wara, issa hemm il-fwieħa artifiċjali u r-ragħwa falza tal-industrija tal-immaġni, is-soċjetà tal-ispettaklu li bassar li se taħkimna Guy Debord. Hija taparsi politika impenjata favur il-ġid komuni li mhix għajr ċelebrazzjoni tal-individwaliżmu u l-konsum.

Fl-ewwel “teżi” tal-ktieb ikoniku tiegħu, Debord jitkellem dwar kif dak kollu li konna ngħixu b’mod dirett tbiegħed mill-ħajja mgħixa permezz tax-xbihat: “Toute la vie des sociétés dans lesquelles règnent les conditions modernes de production s’annonce comme une immense accumulation de spectacles. Tout ce qui était directement vécu s’est éloigné dans une représentation” (10). It-tarzna, lok ta’ xogħol ta’ tbatija fejn il-boilersuit titħammeġ u sikwit tittebba, imma fejn hemm ukoll skola informali tal-Laburiżmu, bl-ideali u t-tbajja kollha tagħha, issir il-washing machine li taħsel kollox. Fil-politika-spettaklu tal-lum hemm min la jrid ifuħ u lanqas jinten. U hemm min irid ifuħ biss.

Maqjel Ġdid

Kif jidher minn poeżiji militanti bħal “Sara” u “Il-Leġġenda tal-Għalliem Li Ħatfuh mill-Maqjel,” hemm rabta intima f’din il-ġabra bejn il-ġrajja personali, l-ambjent naturali, l-edukazzjoni, u l-politika. Imnebbaħ minn Aristotli, Terry Eagleton jikteb dwar kif il-ferħ personali jinkiseb permezz tal-virtù, tat-tjieba, u l-virtù hija qabelxejn att soċjali, mhux attitudni tal-moħħ(The Meaning of Life 83). Il-ferħ huwa mod prattiku kif tgħix il-ħajja, mhux xi tip ta’ kuntentizza ġewwiena u privata. Fil-viżjoni ta’ Mario Cardona tal-aġir tal-bnedmin fil-ħajja, il-politika hija kwistjoni personali u l-ġrajja personali hija kwistjoni politika.

Poeżija intima u mimlija patos bħal “Ir-Riżultat” hija xhieda qawwija ta’ din il-kontinwità bejn il-personali u l-politiku għax it-traġedja tat-tifel hija wkoll konsegwenza (jew riżultat) tal-faqar tal-familja u l-iżvantaġġi soċjali marbutin mal-faqar. L-għajta “The Personal is Political” dehret l-ewwel darba f’kitba Femminista ta’ Carol Hanisch ippubblikata fl-1970 u eventwalment saret sinonima mat-tieni mewġa tal-Femminiżmu għax fissret kif il-ħajja personali tan-nisa kienet influwenzata u kkondizzjonata mill-istrutturi oppressivi tal-patrijarkat, mis-“supremazija tal-irġiel” (Hanisch, “Introduction”). Għall-awtriċi Femminista, il-kelma “politika” tirreferi għal “dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet ta’ poter” (“Introduction”). Il-patrijarkat saħaq li l-isfera pubblika kienet id-dominju tal-irġiel waqt li n-nisa kellhom l-isfera privata (Rogan and Budgeon 2,3). Il-poeżija ta’ Cardona tistqarr bil-forza li l-ġrajja personali ta’ bintu Sara, ngħidu aħna, bħal dik tat-tifel li jeħel mill-eżami, sikwit hija konsegwenza tal-istrutturi soċjali oppressivi.

Fl-artiklu tagħha li xxandar fl-1970, Carol Hanisch tisħaq li rridu nbiddlu l-kundizzjonijiet li ngħixu fihom, mhux naddattaw ruħna għalihom. Waqt li l-kuntest storiku li fih qed jikteb Cardona huwa ferm differenti minn dak ta’ Hanisch, il-pożizzjoni ideoloġika tagħha toffri spunt prattiku għall-azzjoni individwali ta’ Cardona li jara quddiemu sistema dominanti oppressiva: “It is at this point a political action to tell it like it is,” tgħid Hanisch, “to say what I really believe about my life instead of what I’ve always been told to say.” Il-poeta hekk jagħmel: jirrifjuta l-ispjegazzjoni li tagħti s-soċjetà tal-“falliment” tal-individwu u jipponta sebgħu minflok lejn is-sistema li toħloq u tiddefendi s-soċjetà.

Minkejja l-vuċi rrabjata li tista’ tinstema’ impulsiva, f’“Il-Leġġenda tal-Għalliem Li Ħatfuh mill-Maqjel” hemm il-manifest umanista ewlieni ta’ din il-ġabra, dikjarazzjoni mqanqla ta’ dak li jemmen fih imnebbħa minn dak li t-trobbija tiegħu għallmitu jiċħad. Hemm ħjiel tat-tqanqil ewlieni ta’ din il-poeżija f’xogħlijiet oħrajn bħal “Awtobijografija” u “Sara,” xogħlijiet li jixhdu kemm hemm kontinwità fil-kontenut u fl-istil fil-ġabra kollha. Parti miIl-maġija ta’ “Il-Leġġenda,” xogħol li għandu forza konċettwali straordinarja fix-xbihat u l-lingwaġġ figurattiv, tinsab fl-użu strateġiku tad-djalett. L-intrużjoni tad-djalett timmarka r-ritorn kburi tal-għalliem lejn l-iskola ħielsa ta’ tfulitu u r-rifjut tal-edukazzjoni ġentrifikata li għamlitu “nies.” Din, fil-fatt, hija l-ikbar stqarrija li jagħmel dwar l-edukazzjoni, il-konvinzjoni profonda li t-tagħlim ifisser ħsieb ħieles, ħsieb kritiku, u awtokritiku. Ir-ritorn tad-djalett huwa att ta’ konvinzjoni profonda. Għalija dan huwa l-aktar aspett stilistiku li jispikka f’din il-ġabra: mhux tant l-użu tad-djalett fih innifsu imma l-fatt li jidħol bis-serqa f’nofs il-poeżija u jaħkimha bl-għeruq u x-xniexel kollha tiegħu. Waqt li “l-imgħawweġ” jgħajjeb lill-“pulit,” jagħti xejra fiżika lil din is-sovverżjoni liberatorja. Il-ħoss tal-poeżija jsir il-ħaġa, biex nimmanipulaw it-terminoloġija ta’ Friggieri (8). Il-poeżija ssir is-sovverżjoni nfisha.

Għax waqt li Juann Mamo ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka jara d-djalett, minkejja li jħobbu, bħala sinjal ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni, ta’ soċjetà li baqgħet lura, Mario Cardona jinqeda bid-djalett biex ifittex vuċi iktar awtentika, biex jitbiegħed mill-formaliżmi tal-poeżija u tal-iskola reġimentata. Dan jagħmlu permezz ta’ teknika li titlob għarfien tajjeb tal-lingwaġġ poetiku stabbilit u intuwizzjoni tal-funzjoni sedizzjuża tad-djalett u l-mod kif il-poeta jorbtu ma’ pajsaġġ kulturali li kulma jmur qed jgħib minħabba urbanizzazzjoni rgħiba u salvaġġa.

“Il-Leġġenda” tibda bil-metafora tal-“magna l-kbira” li ħatfet lill-protagonista mid-dar t’ommu u mbagħad tirreferi għal magna ta’ vera: normalment il-poeżiji jgħaddu mil-letterali għall-metaforika, mhux bil-maqlub. Din hija għażla strateġika effettiva, għax wara li taqra l-poeżija kollha tista’ tifhem li kienet il-magna tal-fabbrika li ħatfitu mid-dar t’ommu. Imma l-magna li tiddomina din il-poeżija hija dik tal-istituzzjoni edukattiva li toħloq pupi minflok ċittadini ħielsa, li toftomhom mill-għeruq kulturali tagħhom u xxejnilhom l-individwalità tagħhom. B’hekk jidħlu mingħajr skossi fis-sistema dominanti, fl-istabbiliment, fil-magna tal-ħasil il-kbira li taħsel l-imħuħ kollha u toħroġhom kollha l-istess. Carmel Borg u Mario Cardona jitkellmu dwar “l-amneżija kollettiva” tas-sistema edukattiva “li tħalli lil numru ta’ tfal għaddejjin fuq iċ-ċinturin tal-produzzjoni” mingħajr ma twaqqafhom milli jiġu skartati “fit-tank tad-‘difettużi’ f’tarf il-linja tal-produzzjoni” (184); f’dan is-sens l-iskejjel huma parti minn “proċess ta’ riproduzzjoni soċjali” (183), minflok lok ta’ emanċipazzjoni.

Il-problema tas-sistema edukattiva dominanti, skont Borg u Cardona, hi li toffri “tagħlim preskritt li ma jirrispettax il-kultura, l-għerf, it-tagħrif, u r-realtajiet soċjali” tal-istudenti u l-post fejn trabbew (184); “id-demm kulturali li jiċċirkula f’ċerti djar jidher li huwa aktar kompatibbli mad-demm ippumpjat mill-qalb ta’ ħafna skejjel” (182). F’“Nerġa’ Nibda” l-ħsejjes tal-marċi u t-tfaqqigħ tal-murtali (li jissemmew kemm-il darba f’din il-ġabra) lill-poeta jiġbduh lura lejn il-post eżatt minn fejn beda, fil-kumpanija ta’ niesu. Din mhix l-istorja ta’ Luretu fir-rumanz Ħelsien ta’ Ġużè Bonnici li jsir nies u ma jibqax jagħraf ’il niesu; din rivendikazzjoni kburija ta’ storja kulturali personali li mhix minfuħa bl-arja tal-pretensjonijiet. Eagleton jemmen li jekk ma ngħixux b’mod li kull persuna tista’ tilħaq il-milja tagħha b’mod ħieles permezz tal-milja li jilħaq kulħadd, aktarx nispiċċaw neqirdu lilna nfusna bħala speċi umana (The Ideology of the Aesthetic 412). Il-poeżija ta’ Cardona mhux biss tagħraf imma tiċċelebra l-kultura individwali fi ħdan dik il-kultura kollettiva li ħafna drabi niskartawha.

Kantiku

F’ġabra ta’ kitbiet ta’ din l-għamla, jista’ jkun li għall-bidu, il-poeżija “impenjata” tinstema’ aktar mill-poeżija aktar riflessiva, inqas immedjata. Hemm leħen qawwi f’din il-ġabra, imma mhux għax Mario Cardona huwa poeta li jrid joqgħod jisma’ d-diwi ta’ leħnu jitbaqbaq fuq kwistjonijiet marbutin mal-politika. Minkejja li “tidher irreali, immaġinattiva, fittizja, kapriċċuża,” il-letteratura hija “saff profond tar-realtà, organizzazzjoni ta’ eżistenza” (Friggieri 7). Cardona jidher li jsib id-definizzjoni l-aktar fundamentali tal-poeżija f’dan is-saff l-aktar profond tar-realtà, fejn il-kelma tiltaqa’ man-nuqqas ta’ kliem, man-nuqqas ta’ ħila tal-kliem li jitkellem.

Għalhekk, din ġabra xħiħa. Nistgħu nobsru mill-għadd relattivament żgħir ta’ poeżiji li qed jippubblika li l-poeta sikwit jippreferi s-skiet. Nafu wkoll li ħafna mill-versi huma djalogu ġewwieni mal-mhux mitkellem, ma’ dak li diffiċli jew impossibbli jieħu s-sura ta’ kliem. U dan id-djalogu, dan it-tentattiv ta’ djalogu, aktarx iseħħ fl-isfond ta’ pajsaġġ naturali sieket li għall-poeta kapaċi jitkellem aktar mill-kliem. F’“Kantiku,”

ħsibijiet isiru maqdes
fejn tidħol inti biss
biex titwennes bejn il-ħitan skuri tiegħu.
U s-silenzju jsirlek kantiku fraġli, uniku.
Tpassi ħafi fuq l-irdum għall-ħoss tal-baħar
fejn ir-riħ iwennsek u jbeżżgħek,
jiknes il-passi li ħallejt fir-ramel.

Fejn tidħol l-atmosfera, hemm baħar jaqsam bejn l-innu kburi ta’ “Bastjaniżi” u l-intimità sobrja, pjuttost malinkonika ta’ xogħol bħal “Kantiku,” imma fit-tnejn li huma hemm ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-libertà individwali. L-individwu u l-komunità jiltaqgħu fl-għażla ideoloġika tiegħu tal-individwalità u ċ-ċaħda tal-individwaliżmu. L-individwalità hija wkoll stqarrija ta’ responsabbiltà lejn il-ħolqien.

Uħud mill-aktar mumenti liriċi huma meta jkellem lill-għeżież tiegħu jew lill-kampanja u meta l-poeta jirrifletti fuq ħajtu. Fi “Swidija” l-poeta jgħarrex bħal kaċċatur għall-kwiekeb: dan huwa l-ambjent tiegħu u minkejja n-nuqqas ta’ dawl, jibqa’ għaddej qisu mhux hu; il-qamar jaffaxxinah u jsemmih erbatax-il darba f’dawn il-poeżiji (u l-kwiekeb seba’ darbiet), imma kif jidher f’“It-Torri” u “Bajja fid-Dlam,” anki l-lejl bla qamar jaffaxxinah. Dawn huma l-waqtiet li fihom iħossu l-aktar qrib tal-ħolqien għarwien quddiemu u tal-umanità fraġli tiegħu.

F’poeżiji bħal “Ġlata” li fihom il-mewt titħakkek bla ħabi u bla mistħija mal-ħajja, hemm id-diwi tal-istqarrija ambigwa ta’ Sigmund Freud li t-tifsira tal-ħajja tinsab fil-mewt. Skont Eagleton, din l-istqarrija tissuġġerixxi, fost l-oħrajn, li “to live in an awareness of our mortality is to live with realism, irony, truthfulness, and a chastening sense of our finitude and fragility” (The Meaning of Life 90). Iktar ma nagħrfu l-mortalità tagħna, iktar inħallu r-realiżmu, l-ironija u l-verità jmexxulna ħajjitna. Minflok tbattalha mill-valur tagħha, il-mewt iktar issaħħaħ u tintensifika l-ħajja (Eagleton, The Meaning of Life 91). Meta nsibu ruħna wiċċ imb wiċċ mal-limiti u mal-fraġilità tagħna, iktar għandna mnejn niċċekknu u nwarrbu l-prużunzjoni tagħna.

Il-poeta jikteb dwar il-limiti tal-individwu imma anki tar-razza umana. F’“Awtokuxjenza” jirrifletti fuq iċ-ċokon tal-bniedem u l-qilla tal-ħolqien inġenerali li l-bniedem kultant mingħalih jista’ jdendel kusu miegħu. Bil-ħeffa li biha qed neqirdu l-ħolqien, jidher li warajna lanqas it-tebgħa tas-suppervja tagħna m’aħna se nħallu. Ir-rabja li jara fil-baħar infinit hija wkoll ir-rabja u l-frustrazzjoni tiegħu. Imma hawn ukoll, minkejja t-tranżizzjoni għall-ewwel persuna plural fit-tieni strofa, is-sensazzjoni aħħarija li tħalli din il-poeżija hija dik tal-qrubija tat-tmiem personali.

Għalhekk, meta Mario Cardona jgħid li dawn il-poeżiji kitibhom “prinċipalment bħala riflessjoni intima” (Korrispondenza personali), m’għandniex nissorprendu ruħna. Kull darba li naqra l-poeżiji ta’ din il-ġabra toħroġ dejjem iżjed l-intimità tagħhom, ir-relazzjoni profonda, aktarx imqallba, mal-kelma, mal-pajsaġġ, mal-mewt infisha. Hemm il-ħtieġa kontinwa li l-poeta imur “fejn jistenbaħ il-baħar,” fejn saħansitra “tibża’ tmidd riġlejk ġol-ilma ċar” (“Fejn Jistenbaħ il-Baħar”). Imma “Xi darba nieħdok miegħi,” għax hemm ukoll il-ħtieġa tal-komunjoni ma’ bnedmin oħra.

Fuq kull waħda minn dawn il-poeżiji mimlijin passjoni għall-ħajja hemm il-ġlata, lesta biex tmewwet kollox, biex warajha jinbet il-faqqus il-ħmir, jew saħansitra balluta. Biex in-natura tieħu lura mingħand il-bniedem dak li hu tagħha. Fil-poeżija “L-Aħħar Ħajta Dawl,” il-poeta jaf li l-qamar, “Xi darba għad narah għall-aħħar darba. / U mbagħad id-dlam;” u f’“Jasal Jum” jibda jħejji ruħu għal dakinhar li l-mewt tiġi ttaptaplu fuq spalltu, u ma jinħasadx iktar. Jaf li f’dak il-waqt il-ħolqien jistabbilixxi mill-ġdid l-ordni tiegħu.

Fuq dawn il-poeżiji hemm id-dell qalil ta’ ħolqien li huwa akbar mill-bnedmin. Fihom hemm konverżazzjoni mqanqla, qabelxejn, mal-art, mas-sema u mal-baħar. Hemm iċ-ċokon umiljanti tal-bnedmin, imma hemm ukoll il-kburija siekta tal-poeta li jipparteċipa, permezz tal-poeżija, b’umiltà, b’ġesti żgħar, imma b’konvinzjoni kbira, fil-proġett il-kbir tal-ħolqien. 

Biblijografija

  • Borg, Carmel u Mario Cardona. Lorenzo Milani, L-Edukazzjoni u l-Ġustizzja Soċjali. Media Centre, 2008.
  • Brincat, Joe. Fil-Kamra s-Skura. Edizzjoni Skarta. 2010.
  • Cardona, Mario. “Dwar: Għaliex Nikteb.” Email lil Adrian Grima. L-10 ta’ Frar 2019.
  • Bonnici, Stephen u Mario Cardona. “Il-Patria l-Ewwel u Qabel Kollox. L-Ittra ta’ Don Lorenzo Milani lill-Kappillani Militari tat-Toskana.” Lorenzo Milani: Bejn Ilbieraħ u Llum, editjat minn Carmel Borg, Horizons, 2010, p. 471-508.
  • Debord, Guy. La Société du Spectacle. 3e édition. Gallimard, 1992. classiques.uqac.ca. Aċċess fit-12 ta’ Jannar 2019.
  • Eagleton, Terry. The Ideology of the Aesthetic. Blackwell, 1990.
  • Eagleton, Terry. The Meaning of Life: A Very Short Introduction. Oxford UP, 2007.
  • Eagleton, Terry. Materialism. Yale UP, 2016.
  • Friggieri, Oliver. L-Idea tal-Letteratura. Daħla għall-Istudju tal-Arti tal-Kelma. Bugelli, 1986.
  • Gramsci, Antonio. Prison Notebooks. Edited and translated by Joseph A. Buttigieg, vol. II, Columbia UP, 2011.
  • Gramsci, Antonio. “Introduzione allo studio della filosofia.” I Quaderni del Carcere. Alberto Soave, 18 ottobre 2014, https://quadernidelcarcere.wordpress.com/2014/10/18/introduzione-allo-studio-della-filosofia-13/, Quaderno 10 (XXXIII) § (44), Aċċess fit-12 ta’ Jannar 2019.
  • Hanisch, Carol. “The Personal is Political.” Carol Hanisch, February, 1969.http://www.carolhanisch.org/CHwritings/PIP.html, Aċċess fit-12 ta’ Frar 2019.
  • Hanisch, Carol. “Introduction,” Carol Hanisch, January 2006. http://www.carolhanisch.org/CHwritings/PIP.html, Aċċess fit-12 ta’ Frar 2019.
  • Rogan, Frances and Shelley Budgeon. “The Personal is Political: Assessing Feminist Fundamentals in the Digital Age.” Social Sciences, vol. 7, no. 132, 2018, pp. 1-19, http://www.mdpi.com/journal/socsci, Aċċess fit-12 ta’ Frar 2019.
  • Solum, Lawrence B.. “Natural Justice.” The American Journal of Jurisprudence, vol. 51, no. 65, 2006, http://ssrn.com/abstract=959646. Aċċess fit-28 ta’ Frar 2019.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s