Kumment fuq il-poeżija ta’ Mario Cardona
Adrian Grima | Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Jannar 2020

L-isem tal-ktieb tal-poeżiji ta’ Mario Cardona, Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel, meħud mill-ewwel poeżija, “Awtobijografija,” jirrifletti d-diversi naħat tal-kitba tiegħu. Hemm il-lat personali, marbut mal-kultura rurali u tax-xogħol tal-id li trabba fiha; id-dimensjoni vernakulari tal-lingwa li jinqeda biha; u r-riflessjoni, għall-frisk ta’ filgħaxija fuq il-ħolqien u t-temi l-kbar tal-ħajja.
Il-poeta kkunsidra għadd ta’ frażijiet oħrajn mill-versi tiegħu bħala isem tal-ktieb: “Forsi faqqus il-ħmir. Forsi balluta” (“Ġlata”); “Puġġaman imżegleg f’gallarija” (“Gallarija”); “Karretta demel” (“Awtobijografija”); “Il-kwiekeb jinżlu huma wkoll” (“Integrazzjoni”); “Il-magna l-kbira” (“Il-Leġġenda tal-Għalliem Li Ħatfuh mill-Maqjel”); “Taħżiża sprej” (“Dil-ħajja”); “Fejn tidħol inti biss” (“Kantiku”); u “Murtal maħżun ġo rokna” (“Jien Li M’iniex”). Lili għoġobni ħafna “Il-magna l-kbira,” imma minħabba s-sens politiku li għandha din ix-xbieha fil-poeżija tiegħu, kien ikun isem parzjali tal-ktieb.
Għax dan mhuwiex ktieb ta’ poeżiji politiċi biss. U anki l-poeżiji soċjali u politiċi għandhom timbru suġġettiv ħafna: kważi kważi tista’ tgħid li huma personali daqskemm huma politiċi. U għalhekk, “Il-magna l-kbira,” metafora b’dimensjonijiet differenti li tirreferi, b’mod ġenerali, għall-istabbiliment politiku, kulturali u soċjali, u għas-sistema kapitalista, huwa isem magħluq għax mhux miftuħ għall-ħolqien, għall-firmament li jsaħħar lill-poeta.
L-isem favorit ta’ Mario Cardona f’din il-lista kien “Il-kwiekeb jinżlu huma wkoll,” frażi li tirrappreżenta sew il-preokkupazzjoni ewlenija f’din il-ġabra ta’ riflessjonijiet profondi. Imma bħala isem ta’ ktieb, ma kinitx tirrappreżenta tajjeb in-natura “kuntrarja” tal-lingwaġġ l-iktar militanti.
Wara li qrajt il-frażijiet li kien identifika l-poeta, ipproponejt għadd ta’ titli marbutin mal-aħħar żewġ versi tal-poeżija tiegħu mnebbħa minn Fra Gioele, Meta Tinfed il-Firmament, L-Irkejjen tal-Firmament, Ix-Xifer tal-Firmament, Xifer il-Firmament, u Biex Tinfed il-Firmament, l-iktar wieħed li rajtu joqgħod. Ipproponejt ukoll “Lanqas it-Tifkira” (“Awtokuxjenza”), u “Fuq kaxxa tal-birra rasha ’l isfel” (“Awtobijografija”): Mario mill-ewwel għoġbu dan il-vers mill-ewwel poeżija f’din il-ġabra. Hemm ħafna xbihat u frażijiet memorabbli f’dan il-ktieb onest: din ix-xbieha hija waħda mill-iktar rappreżentattivi tal-ġabra kollha.
Il-kaxxa tal-birra, jew tal-luminata, hija oġġett, xbieha, kważi ikona, minn perjodu ieħor tal-istorja kollettiva tagħna. Tfakkarni fiż-żmien meta l-kaxxi tal-birra kont tużahom biex toqgħod bilqiegħda fuqhom, jew biex tqiegħed l-affarijiet fuqhom, jew isserraħ il-fallakka fuqhom. Kienet Malta industrijali, industrijalizzata, Malta tal-fabbriki, ta’ Farsons u tal-Coca, Malta li kienet tfittex taħt it-tappijiet tal-luminata biex tara rebħitx ballun tal-baħar, jew frisbee, jew xi ħaġa iktar serja.
Ix-xbieha tal-kaxxa tal-birra rasha ’l isfel lill-mara tiegħi Nathalie, kuġina ta’ Mario, mill-ewwel fakkritha fiz-ziju Bastjan, missier il-poeta,. Tirrappreżenta mod ta’ għajxien, relazzjoni partikulari tal-bniedem mal-post li jsib ruħu fih, mal-oġġetti li jsib madwaru, man-nies li jsib ruħu magħhom. Joqgħod bilqiegħda fuq kaxxa tal-birra min qed ibajjad post, post fejn m’hemmx għamara jew l-għamara kollha mgħottija. Min qiegħed għall-kwiet fil-garaxx u jrid jistrieħ ftit. Forsi jkun għadu kemm għalef il-fniek u jrid joqgħod jarahom jomogħdu l-magħlef.
Ix-xbieha li tiġi quddiem għajnejn Nathalie hija dik taz-ziju Bastjan fil-bitħa tan-nanna fid-dar fejn trabba ma’ ħutu Ħal Qormi. Hemm storja sħiħa f’dan ir-ritratt, storja ta’ familja, storja ta’ tant familji. Il-poeżija ta’ Mario mhix romantiċizzazzjoni ta’ din l-istorja tal-familja: hija rivendikazzjoni tad-dritt li jkollu din l-istorja, li jirrakkontaha, li jara lilu nnifsu fiha, li jkun kburi biha.
L-isem tal-ktieb jisfida l-lingwa tal-poeżija Maltija, xi ħaġa li l-poeżija dejjem għandha tagħmel, imqar jekk taħdem minn ġewwa dik il-lingwa biex taqlibha ta’ taħt fuq. Mario Cardona mhux hekk biss qed jagħmel, għax qed jisfida l-kanonu poetiku Malti bl-introduzzjoni tal-lingwaġġ ta’ tfulitu u ta’ familtu, bid-djalett b’kollox. Il-poeżija tiegħu aktarx qed tagħmel xi ħaġa iktar radikali minn hekk: qed tikteb il-poeżija minn ġo kultura “differenti” minn dik tal-poeżija stabbilita. Qed isawwar il-poeżija b’saqajh f’karretta demel tal-mogħoż u b’nofs tużżana pniezel tat-tibjid f’idejh (“Awtobijografija”).
Din mhix il-kultura poetika urbanizzata ta’ ħafna mill-kittieba Maltin, anki dawk li trabbew f’kultura rurali jew f’familja tal-ħaddiema tal-id. Mario Cardona jrid jikteb il-poeżija Maltija minn dan il-post, minn ġo dik il-karretta tad-demel u bit-tiċpis taż-żebgħa fuq ħwejġu. Ma jridx “il-magna l-kbira” tal-borgeżija letterarja tikteb il-poeżija tiegħu hi.
F’dawn il-poeżiji Mario Cardona jaqbad kaxxa tal-birra u jintefa’ bilqiegħda fuqha jirrifletti fuq il-kwistjonijiet il-kbar tal-eżistenza tagħna. Jirrifletti fuq il-kobor tal-ħolqien u s-suġġettività sinifikanti u insinifikanti tagħna. Jirrifletti fuq il-qrubija tal-mewt u l-ordni u s-sliem li timponi fuqna, bla ħniena.
Fuq il-kaxxa tal-birra, bejn biċċa xogħol u ieħor, Mario jirrifletti fuq uliedu u l-ħila intuwittiva tagħhom li jgħixu l-mument u l-ħolqien ta’ madwarhom. Jirrifletti wkoll fuq il-ġentrifikazzjoni tal-edukazzjoni formali, fuq kif tistandardizzana, qisna fliexken tal-birra fuq il-linja tal-produzzjoni, kemm twaħħlilna t-tapp.
Adrian Grima | It-Tlieta 19 ta’ Marzu 2019
2 Thoughts