Brutish State, Inestasi, u Dak il-Mons fil-Parlament

Juann Mamo | Kitbiet ta’ Analiżi

Brutish State

L-għada li bgħatt il-verzjoni finali tal-ktieb Personaġġi f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo lill-Gutenberg biex jiġi stampat inzertajt lill-kollega tiegħi Olvin Vella l-Università u semmejtlu dettall li kien ħabbatni ferm fil-kitba ta’ dan il-ktieb: fit-tieni kapitlu tar-rumanz tiegħu, Juann Mamo jikteb hekk:

personaggi

Fiż-żmien li aħna proprja fih, fir-raġġi tax-Xemx XX, il-president tar-Royal Commission Ingliża li ġiet Malta, qal għalina li għandna l-għonq “The people are in such a state of brutish ignorance, etc.” (Il-poplu huwa fi stat ta’ injoranza bestjali, li għandha minn tal-bhejjem, eċċ”) p. 82.

Ikkonsultajt fit-tul ma’ żewġ storiċi ewlenin li kienu diġà għenuni f’xogħol ieħor li għamilt fuq is-Sensiela Juann Mamo, Dominic Fenech u Henry Frendo, u għamlu ħilithom biex jgħinuni, iżda bqajt ma stajtx naqbad għal liema Kummissjoni Rjali qed jirreferi Mamo f’dan il-kumment tiegħu. Min qal dan il-kliem? B’liema spirtu qalu? F’liema kuntest iltaqa’ miegħu Juann Mamo?

maltalanguage

Olvin Vella tani t-tarf li kelli bżonn mill-ewwel, għax bħala riċerkatur tal-istorja tal-ilsien Malti kien qara dan il-kumment fil-ktieb ta’ Geoffrey Hull, The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism (Malta: Said International, 1993).

Il-Kummissjoni Rjali li qed jirreferi għaliha Mamo hija fil-fatt dik tal-1836 immexxija minn George Cornewall Lewis, John Austin u William Ewart. F’korrispondenza li kelli miegħu wara li identifikajna s-sors ta’ Mamo (22.10.13), Henry Frendo jinnota li “Il-frażi korretta hi ‘such a brutish state of ignorance’ u jargumenta li t-tort, skont il-kummissarji, kien tal-Ingliżi (Hull, p. 15).” 

Dan il-kliem kitbu f’ittra l-istatista u studjuż Sir George Cornewall Lewis. Din l-ittra privata lil missieru miktuba fl-1837 meta kien Malta ġiet ippubblikata fi ktieb ħafna snin wara mewtu. Il-Mons. Enrico Dandria (1892 – 1932), politiku Nazzjonalista li għamel erba’ snin Ministru tal-Edukazzjoni bejn l-1923 u l-1927, irrefera għaliha meta xehed quddiem il-Kummissjoni Rjali fid-9 ta’ Ġunju 1931. Dak iż-żmien Mamo kien għadu qed jikteb ir-rumanz.

George Cornewall Lewis
(1806 – 1863)

L-ittri ta’ Cornewall Lewis ġew ippubblikati fl-1870 f’Londra. Il-paġna “82” li jsemmi Mamo tirreferi għall-paġna fil-ktieb tal-ittri li minnha ttieħdet din il-kwotazzjoni.

F’ittra miktuba fit-8 ta’ Ottubru tal-1836 f’Marsilja qabel ma baħħar lejn Malta, fejn wasal fl-20 ta’ Ottubru, George Cornewall Lewis jgħid lil ommu li fost in-nies ta’ Marsilja “There is a vast deal of superstition among all classes – as much as in Italy; the mass of the people are in a very brutish state” (62). L-espressjoni “brutish state” hija l-istess waħda li juża, ftit xhur wara, għall-Maltin.

L-ittra li jikkwota minnha Mamo fir-rumanz Cornewall Lewis kitibha meta kien Malta fil-15 ta’ Lulju 1837. L-awtur jgħid lil missieru li Malta kien hemm l-epidemija tal-kolera. F’ħames ġimgħat kienu diġà mietu kważi 2,000 ruħ minn popolazzjoni ta’ 120,000, bejn 100 u 120 ruħ kuljum, u l-vittmi kienu l-aktar mill-klassi tal-ħaddiema. Skont l-awtur, it-tobba u dawk kollha li kellhom irażżnu l-marda ma qdewx dmirhom. Barra minn hekk, “the people have shown the utmost want of prudence, combined with the most stupid and selfish cowardice, and accordingly the disease has made much more havoc than it would otherwise have made” (81).

Il-kwotazzjoni li tinkludi l-kliem li jirreferi għalih Mamo hija din:

The people are in such a brutish state of ignorance, and their moral state is so degraded, that it is perfectly désespérant* to have anything to do with them. Such are the effects of a paternal military despotism, which rules people by keeping them in ignorance and dependence.

Dak kollu li ktibt fil-ktieb tal-Personaġġi dwar dan il-kumment ta’ Mamo huwa korrett għax jgħin biex nifhmu l-kuntest storiku. F’dan is-sens, dak li ktibt hawn fuq huwa żieda importanti ma’ dak li hemm f’p. 66.

* ‘désespérant’ tfisser “toħloq sens ta’ disprament”

Dan il-kumment deher l-ewwel hawnhekk


Inestasi

Ir-riċerkatur u kollega Mark Vella għadu kemm ġibidli l-attenzjoni għall-kelma “inestasi” f’reklam li Ray Calleja, f’rokna dwar Avvenimenti f’Bormla, tella’ fuq Facebook u li Vella rah fuq il-paġna Kelmet il-Malti.

Is-sens huwa differenti minn ta’ Juann Mamo. Fittixt fid-dizzjunarju ta’ Ġużè Aquilina u minn dak li sibt, naħseb li s-sens ta’ “inestasi” f’dan ir-reklam huwa dak tal-loppju: “Ecstasy, rapture; (iron.) absent-mindedness (in ~, completely absent-minded; hardly noticing what is going on around him; dak ir-raġel dejjem in~, that man is always absent-minded, he is always thinking about s.th. else; wool-gathering).”

Reklam inestasi.jpg

Dan l-użu ta’ “inestasi” huwa differenti minn dak ta’ Mamo fil-verb “jinestasi” f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka għax hemmhekk is-sens huwa ta’ meta xi ħadd ikun fis-seba’ sema, meta xi ħadd ikun f’estasi. Qed jirreferi b’mod ironiku għal xi ħadd li jifraħ minħabba s-sbuħija tal-kliem. Fir-reklam li jidher hawn fuq, “inestasi” mhix qed tintuża b’mod ironiku. U hija nom mhux verb.

Fir-rumanz mhux ippubblikat ta’ Concetta Brincat tal-1919, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk. Ġrajja ta’ żmien ir-rivoluzzjoni Franċiża, tintuża l-istess frażi fl-ewwel kapitlu: “Louis meta kien jisma’ lil ommu tkanta jibqa’ inestasi jħares lejha.” (Fil-manuskritt, l-awtriċi tikteb “in estasi.”) Dan huwa l-istess sens li jinqeda bih Mamo fil-verb tiegħu.

Dal-kumment deher l-ewwel hawnhekk


Dak il-Mons. fil-Parlament

F’kapitlu XIII ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, in-narratur jirreferi għal “dak il-Mons. fil-Parlament” (121). Ma nafux għal liema Monsinjur qed jirreferi u x’għamel iżda jista’ jkun li huwa l-Mons. Enrico Dandria, li mbagħad isemmih b’ismu fil-kapitlu ta’ wara, XIV, u f’Kap XLIX. B’kollox isemmih b’ismu tliet darbiet fir-rumanz.

Image result for mons enrico dandria

Is-silta li qed nirreferi għaliha hija din:

            Id-dar li fiha qegħdin dawn, ta’ Mariroż, hija kbira, kbira bla tarf, tistgħu taħsbu: tal-kampanja hi, tafu intom! Kull taqsima daqsiex: biċċa battala u biċċa bis-silla, kif ma xtaqx dak il-Mons. fil-Parlament. Tidħol mill-bieb ta’ barra u ssib ruħek f’bitħa beraħ mill-ewwel: imbagħad issib bieb kbir ta’ dar (kamra) quddiemek daqs tal-ħabs, tnejn oħra f’ġenb wieħed, bieb ieħor tal-kċina fil-ġenb l-ieħor bil-ħarriġiet, u żewġt imqawel: wieħed minnhom fejn qiegħda l-baqra: tiftakru?

Biex naraw huwiex Mons. Enrico Dandria aktarx irridu naraw il-gazzetti tal-epoka, li Mamo jidher li kien jirreferi għalihom sikwit fir-rumanz tiegħu.

Naħseb li hu Dandria għax, kif juri dan id-dokument li jagħti l-ismijiet tal-membri parlamentari Maltin kollha mill-1921 ‘il quddiem, il-Mons. Dandria kien fil-Parlament meta Mamo kien qed jikteb ir-rumanz tiegħu, jiġifieri fil-leġislatura li bdiet fl-1927. Barra minn hekk, bħala membri tal-UPM, Unione Politica Maltese, partit konservattiv li Mamo ma kellux wisq demm minnu. Fis-6 ta’ Jannar 1926 l-UPM u l-PDN, il-Partito Democratico Nazionalista ta’ Nerik Mizzi, inghaqdu taht l-isem ta’ Partit Nazzjonalista. 

Dal-kumment deher l-ewwel hawnhekk


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s