Illum it-Tlieta, 17 ta’ Settembru 2019, kelli x-xorti nattendi l-konferenza organizzata minn sħabna tad-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College dwar “Il-Biża’ fil-Letteratura Lokali.” Kelli x-xorti nisma’ l-interventi bil-kalma u kultant nieħu sehem fid-diskussjoni mingħajr il-ħsieb li rrid nagħmel taħdita jien ukoll. Iktar faċli tisma’ lil ħaddieħor hekk. U kien hemm ħafna x’tisma’.
Kienet konferenza eċċellenti li ġabet flimkien kelliema minn oqsma u dixxiplini differenti, mill-istudju tal-films, il-psikjatrija, il-filosofija, l-Intelliġenza Artifiċjali, u naturalment il-letteratura Maltija. (Kif għad hawn min jgħid li “tal-Malti” magħluqin fid-dinja tagħhom?)
Ħadt gost nisma’ l-kelliema kollha għax ħarsu minn angoli differenti u offrew perspettivi ġodda, fosthom il-kollega tagħna Joseph Vella li tkellem dwar ir-rumanz Ħelsien ta’ Ġużè Bonnici, rumanz li joffri ħafna lok ta’ analiżi u diskussjoni.
Imma nixtieq ngħid proset speċjali lil Romario Sciberras li għamel diskors verament tajjeb, “Il-Biża’ (mill-) Queer f’Bep ta’ Tyrone Grima, imsejjes fuq it-teżi tal-Baċellerat fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta din is-sena stess.
Grazzi lil Dr Immanuel Mifsud u lil Clare Azzopardi, kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-JC ta’ din il-konferenza u proset lill-kelliema kollha.
https://www.facebook.com/events/877710939287749/