Is-Sibt 14 ta’ Settembru 2019
Dalgħodu ħadt sehem fl-ewwel Kungress Nazzjonali tal-Awturi Maltin immexxi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Bħal dawk kollha preżenti, ivvutajt favur mozzjoni li tipproponi li tistabbilixxi bil-liġi d-drittijiet ekonomiċi minimi tal-awturi meta jippubblikaw xogħol. Dan huwa pass verament importanti fl-istorja tal-kitba u l-kittieba Maltin.

Fl-intervent qasir li talabni nagħmel il-Kunsill, permezz ta’ Matthew Borg, li jieħu ħsieb l-Avvenimenti u Drittijiet ta’ Barra fil-Kunsill,
- irringrazzjajt lill-Kunsill tal-konsultazzjoni li għamel, fuq medda ta’ żmien, fuq il-kwistjoni tad-drittijiet ekonomiċi tal-awturi;
- faħħart ukoll il-fatt, bħalma għamlu Salv Sammut u oħrajn, li l-mozzjoni favur dawn id-drittijiet tirrikonoxxi l-kontribut fundamentali li qed jagħtu l-pubblikaturi minkejja d-diffikultajiet kbar li jiffaċċjaw minħabba s-suq żgħir tagħna, in-nuqqas ta’ qari tal-Maltin, u n-nuqqas ta’ promozzjoni u kultura tal-kotba inġenerali f’pajjiżna;
- fakkart li f’pajjiżna l-istituzzjoni ewlenija tal-edukazzjoni obbligatorja qiegħda twarrab sistematikament il-letteratura mill-iskejjel u l-kurrikulu u għalhekk inizjattiva bħal din tad-drittijiet tal-awturi tgħinna biex nilqgħu għall-oppożizzjoni li qed jiffaċċja t-tagħlim tal-letteratura fl-iskejjel. F’dan id-dawl, il-punt tas-Sur Mark Camilleri, li jmexxi l-KNK, dwar il-funzjoni ewlenija tal-kotba u l-kittieba fl-iżvilupp kulturali, intellettwali u edukattiv ta’ pajjiżna huwa partikolarmennt rilevanti;
- qbilt mal-mozzjoni li titkellem favur l-awtonomija tal-Kunsill mill-gvern tal-ġurnata, ikun liema jkun, imma għedt li xi mument irridu niddiskutu kif jinħatar il-Kunsill biex ikun iktar awtonomu u rappreżentattiv. Il-mudell li jista’ jintuża huwa dak tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti;
- semmejt il-funzjoni importanti li jrid ikollhom l-edituri letterarji fil-proċess tal-pubblikazzjoni biex ix-xogħlijiet letterarji li joħorġu jkunu ta’ kwalità ogħla.

Għalija din kienet inizjattiva importanti min-naħa tal-Kunsilll Nazzjonali tal-Ktieb li turi kemm il-konsultazzjoni, il-konvinzjoni u x-xogħol iebes jista’ jwassal għal riżultati konkreti.
Grazzi lil dawk kollu li ħadmu fuq din l-inizjattiva u fuq dan l-ewwel kungress.
https://www.tvm.com.mt/mt/news/il-knk-bmozzjoni-biex-il-kittieba-maltin-jithallsu-ghal-xogholhom/