Daħla estensiva ta’ Dr Adrian Grima bl-isem ta’ “Il-Belt Kontaminata tal-Poeżija” fl-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ Norbert Bugeja Bliet (Edizzjonijiet Emma Delezio, 2009), u diskors bl-isem ta’ “Tfulija Adulta” waqt it-tnedija ta’ dan il-ktieb fil-Kavallier ta’ San Ġakbu li deher ukoll fil-gazzetta Illum.
Il-Belt Kontaminata tal-Poeżija
Hemm enerġija mqarba f’dawn it-toroq u l-mkejjen ta’ Norbert Bugeja. F’din il-poeżija hemm forza ssikkata bejn l-ordni apparenti fl-arkitettura tal-versi u l-esperjenzi mqallba u kumplessi li jirrakkontaw bil-ħila ta’ poeta mitwieled u mkisser u bl-intensità ta’ bniedem li jħoss il-ħtieġa profonda li jagħti forma artistika lit-tiġrib biex forsi jifhem / jaċċetta / jissaffa.

Bejn il-forma u l-esperjenza hemm tensjoni kreattiva bħalm’hemm enerġija trasgressiva fl-iskontru kontinwu fil-qalba tal-metafori li, minkejja li Bugeja joħloqhom donnu mingħajr tbatija ta’ xejn, jibqgħu mwaħħlin f’moħħok, u forsi iktar f’qalbek, qishom weġgħa, qishom xenqa, qishom feles ikbar milli hemm bżonnu, qishom skalda.
Bejn xbieha u ta’ warajha hemm ukoll tensjoni u distanza kemm kemm ikbar milli tkun qed tistenna; u l-istess bejn il-persuna u l-post li tinsab fih; bejn ir-rakkont li tirrakkonta u l-għajxien tagħha; bejn l-istorja u l-poeta li jismagħha; bejn il-kliem ta’ ħaddieħor li donnu jsib ruħu inevitabbilment f’dawn il-poeżiji u l-vuċi, tingħaraf, tal-poeta.
Nous en train d’écrire
L-esperjenzi f’dawn il-poeżiji “tilmaħhom” mill-viċin, tħoss li jinsabu tant viċin ta’ jdejk li kapaċi taħfinhom għax tagħrafhom. Meta tintebaħ bid-distanza, imqar ċkejkna, bejnek u bejnhom tinkedd, imma mbagħad tintebaħ li f’dik id-distanza inevitabbli dawk l-esperjenzi jsiru parti minnek b’mod li ma jibqgħux jingħarfu s-sors u d-destinazzjoni, għax huma jsiru int u int issir huma. Mingħajr dik id-distanza kruċjali, dik il-molla li tfaqqa’ kif tmissha, ma jistax ikun hemm l-esperjenza tal-qari, it-twaħħid essenzjali, u dejjem uniku, bejn it-test kif iġġarrbu int, u l-esperjenzi tiegħek.
L-istejjer f’dawn il-poeżiji “tilmaħhom” jiġġerrew bla kwiet fix-xaqq seduċenti bejn il-lingwa stabbilita li qiegħda hemm, kullimkien, tittawwal lejk mingħajr ma tista’ taħfinha bħalma taħfen b’għajnejk lil xi ħadd f’kantuniera, u l-lingwa stramba li jikkrea Norbert Bugeja b’intwizzjoni ġenjali li tixhed, fl-istess waqt, emozzjoni qawwija u kalkolu lingwistiku distakkat. La l-kultura (l-ordni stabbilit) u lanqas il-qerda tagħha mhuma erotiċi; huwa x-xaqq ta’ bejniethom li jsir erotiku, il-fetħa, il-qasma…[1]
Sebgħa u għoxrin larinġa jiddiskutu
l-ideat sofor maqbudin f’idejna
aħna u nixorbu r-ragħwa tax-xemx nieżla –
olè, la muerte alegre.
Hemm erotiżmu mhux biss fil-meraq u l-kulur tas-sebgħa għoxrin larinġa, fir-ragħwa ma’ xufftejn it-tfajla u l-ġuvni “mgħannqa fuq ir-ramel,” imma anki fix-xaqq bejn l-isfar u l-idejn li sab ruħu maqbud fihom, bejn il-larinġ u s-snin torja, immerrqa tat-tfajla, bejn ir-ragħwa u x-xemx, bejn il-passjoni sesswali u “la muerte alegre” (li mhix biss “il-mewt ferrieħa” imma anki l-isem ta’ bar f’Sevilja, jiġifieri post fiss u fluss kontinwu fl-istess ħin.)
Għax il-letteratura ta’ Norbert Bugeja hija dik li kieku Barthes naħseb li kien isejħilha, b’terminu elużiv, seduċenti, “scriptible,” letteratura li fiha l-qarrejja jistgħu jilagħbu (letteralment “jouer”) huma wkoll, letteratura li fiha għandhom aċċess sħiħ għas-seħer tas-“signifiant,” tal-kelma, aċċess għall-pjaċir senswali tal-kitba.[2] L-isfida fix-xogħol tal-kitba letterarja hi li l-qarrejja ma jibqgħux sempliċiment jikkunsmaw it-test imma jipproduċuh huma stess.[3] “Le texte scriptible est un présent perpétuel, sur lequel ne peut se poser aucune parole conséquente (qui le transformerait, fatalement, en passé); le texte scriptible, c’est nous en train d’écrire […].”[4]
Skond Barthes, test letterarju scriptible, miftuħ, dinamiku (bħal ta’ Bugeja), huwa “la poesie sans le poème,” in-narrattiva mingħajr ir-rumanz, il-kitba mingħajr l-istil, il-produzzjoni mingħajr il-prodott.[5] Fix-xogħol ta’ Bugeja l-poeżija timraħ lilhinn minn poeżija. F’“It-Talba tat-Torero,” “l-imħabba ħoss imbikkem fi griżmejna” u bħat-torero tilgħab b’lewn il-ġenn:
u l-lejl ifittex ix-xewka ta’ dahru,
l-applaws ta’ qarn il-bhima mal-musrana.
Il-poeżija ta’ Bugeja hija “Agent Provocateur” fil-pjazza “b’ħajta niket,” u bħall-poeżija naqbdu lilna nfusna “nippruvaw naqtgħu x’inhi d-ditta / tat-tanga rqiqa taħt il-mant enormi…” (“Quddiem ix-Xbieha tal-Major Dolor. L-Aħħar Lament”), iż-żína taħt is-sagru, is-sagru taħt iż-żína, il-kliem li nittawlulu u jaħarbilna.
Il-JB coke bla ħin li lħaqna dħakna
Mis-senswalità għas-sinestesija hemm triq dritta u qasira. Għax f’dawn il-poeżiji s-sinestesija mhix biss għodda letterarja li biha Norbert Bugeja jħallat sens ma’ ieħor, bħal meta f’lejl f’Ottubru ta’ l-2002 il-Café Jubilee fir-Rabat, Għawdex, “inbidel f’għajta sewda,” imma hija strateġija letterarja mifruxa li permezz tagħha l-poeta jesprimi l-mod kif jipperċepixxi, jew forsi aħjar jgħix, permezz ta’ sensi differenti, kemm il-poeżija kif ukoll l-ispazju, l-istejjer u l-esperjenzi li jsib ruħu fihom. L-istrateġija tas-sinestesija tippermettilu jartikola l-multisensjoralità tal-preżenza tal-bnedmin fid-dinja, speċjalment dik ta’ persuni partikolarment sensittivi għal dak li jkun qed iseħħ madwarhom u fihom u kif dawn l-esperjenzi jinteraġixxu ma’ xulxin. Il-preżenza ta’ sensi differenti fi Bliet tagħti intensità u sens ta’ sħuħija lil-laqgħa bejn il-qarrejja u l-poeżiji.
Il-kelma “sinestesija” ġejja mill-Grieg u tfisser “tipperċepixxi” (aisthánomai) “flimkien” (syn). Hija forma partikulari ta’ metafora li fiha nassoċjaw flimkien termini minn sferi sensorjali differenti.[6] Il-metafori sinestetiċi, bħal “dil-mara liebsa żifna sewda” (“Café Jubilee, Ritratt”), kienu jintużaw ħafna mill-poeti simbolisti u fil-lirika dekadenti, imma jinstabu wkoll fil-letteratura tal-qedem, bħall-epiċi ta’ Omeru u Virġilju. Matul iż-żmien kien hemm min ra s-sinestesija bħala sinjal ta’ mard, deġenerazzjoni jew dekadenza, imma dan kien frott ta’ preġudizzju u injoranza, għaliex l-użu tas-sinestesija huwa mifrux sew fil-lingwa u l-letteratura bħala “l-metafora tas-sensi.”[7] Bugeja jinqeda ħafna bil-metafora u bis-sensi differenti biex jikkomunika perċezzjonijiet u esperjenzi li jinżlu iktar fil-fond u jmorru lilhinn minn dak li aħna konxji li nipperċepixxu u nġarrbu fil-ħajja ta’ kuljum, u għaldaqstant is-sinestesija hija għodda mill-aqwa għalih. Fil-lingwa ta’ kuljum issib ħafna metafori sinestetiċi, bħal “kuluri jgħajtu” jew “dik il-kelma taħraqni,”[8] imma jidher ukoll li s-sinestesija issibha aktar fost l-artisti, il-poeti, ir-rumanziera u nies kreattivi inġenerali.[9] Studji riċenti jissuġġerixxu li s-sinestesija hija “fenomenu sensorjali konkret,” mhux sempliċiment assoċjazzjoni li sseħħ permezz tal-memorja, u dan wassal biex studjużi bħal Ramachandran u Hubbard jitkellmu dwar “ir-robustezza ta’ l-effetti sinestetiċi.”[10] Fl-1880 Francis Galton kien diġà nnota li hemm nies li jġarrbu “sensations in multiple modalities in response to stimulation of one modality,” b’mod li noti mużikali jevokaw kuluri partikulari.[11]
F’“Wara d-Diska li Nħobbu Tant,” għall-poeta Siġġiewi Leslie Vassallo, Norbert Bugeja jinqeda b’għadd ta’ sinestesiji mill-aqwa mqassmin donnhom apposta mal-poeżija kollha biex iwassal b’mod iktar sħiħ esperjenza li tmur lilhinn mill-mument tal-laqgħa bejn tnejn min-nies. Fl-ewwel strofa, iddominata mir-rassenjazzjoni ta’ żewġ poeti li “ddubitajna,” il-kelma li biha jispiċċa l-ewwel u l-aħħar vers, u mis-sens ta’ dgħjufija u telfa quddiem dinja li qed titmermer madwarhom, il-poeta jagħlaq bil-“JB coke bla ħin li lħaqna dħakna / x’ħin qrajna lil xulxin, u ddubitajna.” Fil-konċezzjoni normali tagħna, il-wiski tixorbu, mhux tidħqu, imma l-esperjenza kumplessa ta’ rassenjazzjoni, ċajt, ħelsien mentali, disprament, rabja, ċiniżmu, u l-bqija marbuta ma’ dik ix-xbieha taslilna b’mod suġġestiv u effettiv. Dawn l-emozzjonijiet kontra xulxin jinħassu wkoll fl-esperjenza sinestetika ta’ żewġ poeti li, fit-tieni strofa, “imlejna d-dawl u d-dlam bi kliemna.” Imbagħad, fl-aħħar strofa tal-poeżija, kwartina b’rima mqabbża (bejn “jgħumu fik” u “kliem għalik”) li titfaċċa għall-ewwel darba, Bugeja jitlob lill-poeta l-ieħor, “Iktibli l-aħħar baħar fuq xofftejja”: il-baħar iridu jwassal l-esperjenza sensorjali tat-togħma imma fl-istess ħin iridu jkun il-kliem li jikteb u għalhekk jara: jixtieq li jikteb bil-baħar, li l-baħar ikun il-kliem li jlissen – għax bix-xufftejn ittiegħem u titkellem.
Ħafna drabi s-sinestesija hija l-mod kif Bugeja jipperċepixxi d-dinja, kif jara l-konnessjonijiet bejn l-affarijiet. Fil-poeżija “Café Jubilee, Ritratt,” kull “tazza mbikkma” li joffrulha u tixrob il-mara liebsa żifna sewda ssir “storja war’oħra” u hi tħallihom ilkoll “jinħallu fid-diskors qalil” ta’ ġisimha. L-effett huwa dak ta’ esperjenza waħda sħiħa, intensa, qalila, li ma tifridx bejn id-diskors li jsir bejn il-bnedmin; il-grokkijiet li jġibulha u li tixrob il-mara; l-istejjer li tisma’, tgħix u tirrakkonta; iż-żfin u l-kuntatt tal-persuna mal-partijiet differenti ta’ ġisimha li jħossu l-ħtieġa li jiċċaqalqu u jitkellmu; u x-xorb li jinħall fid-demm u l-organi tagħha. F’dawn il-versi u oħrajn f’din il-poeżija hemm l-intensità tax-xewqat u ta’ l-għajxien, u din il-qilla (“tiżfen / talba salvaġġa f’nofs is-solitudni”) Bugeja jwassalha, fost l-oħrajn, permezz ta’ ritratt li jagħraf l-interazzjoni u l-konfrontazzjoni, aktarx mhux tas-soltu imma għalih inevitabbli, bejn sensi differenti.
L-endekasillabu fit-totalità-dinja
Permezz tas-sensi, il-poeżija ta’ Norbert Bugeja tirrakkonta r-realtà bl-intensità ta’ bniedem li jġarrabha fih innifsu u fl-istess ħin bid-distanza tal-poeta li donnu josservaha mill-bogħod u jartikulaha b’mod li qabel ma jsib il-forma li jrid, il-ħsejjes, ir-ritmi, is-sensazzjonijiet, ix-xbihat li jossessjonawh ma jistrieħx. Il-poeżija u l-għarfien tar-realtà huma minsuġin flimkien; Édouard Glissant jara l‑att poetiku bħala element fl-għarfien tar-realtà.[12] Fil-qofol tiegħu, u minkejja l-preżenza invażiva tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, l-għarfien tar-realtà, u għalhekk “ir-realtà” nfisha, huwa dejjem rakkont personali, perspettiva partikulari, esperjenza unika. Glissant jemmen li l-poeżija sseħħ meta żewġ elementi ’l bogħod ħafna minn xulxin jersqu lejn xulxin, bħal fil-metafora; mill-bogħod oriġinali ta’ bejniethom u mill-iskontru li jseħħ titwieled xi ħaġa imprevedibbli. Il-forza u l-imprevedibbiltà tar-riżultat poetiku jiddependu mill-bogħod bejn l-elementi li jitqiegħdu maġenb xulxin. Ir-rappreżentazzjoni tar-realtà ta’ Norbert Bugeja tivvjaġġa kontinwament fl-ispazju mimli tensjoni kreattiva bejn kelmiet, xbihat, esperjenzi differenti, f’dawk l-ilmijiet perikolużi fejn il-ħabta tista’ tfisser li r-rakkont isib ruħu mgħarraq fil-qiegħ, jew jikseb forza ġdida, straordinarja, li permezz tagħha jista’ jtir fuq wiċċ l-ilma.
Meta l-endekasillabu, il-vers per eċċellenza tat-tradizzjoni, jiltaqa’ mar-rakkonti tas-seklu 21, Norbert Bugeja jissogra li jegħrqu t-tnejn u mill-inkontru/skontru ta’ bejniethom ma jibqa’ xejn ħlief il-konferma li mhumiex magħmulin għal xulxin. Imma minflok, dan il-vers, bir-ritmu sod tiegħu, bl-għarfien ta’ l-istorja, bil-wirt poetiku ta’ ħsejjes u stejjer li huma parti integrali minnu, jagħti direzzjoni u forza lir-rakkonti sikwit frammentati ta’ seklu forsi ftit iktar diżorjentat minn ta’ qablu.
L-endekasillabu jankra lil dawn il-poeżiji fit-tradizzjoni Maltija u fit-tradizzjoni kontinentali li għaġnitha imma fl-istess ħin joffri qafas sod li jipprojetta lix-xogħol ta’ Norbert Bugeja fuq livell internazzjonali. Għax dawn li jirrakkonta huma esperjenzi marbutin sew mar-realtà rurali/urbana ta’ Malta, imma jirrakkontahom b’lingwaġġ poetiku li kapaċi jqanqal lil qarrejja u lil udjenza fi bnadi oħra li, almenu għal dik il-minoranza globali li tgħix relattivament tajjeb, id-dinja qed issir dejjem iktar interkonnessa u interdipendenti. Madankollu, minkejja l-esportabilità tagħha, il-letteratura mhix maqtugħa fl-arja; ġejja minn post partikulari. Bilfors jeżisti post li fih jinħoloq ix-xogħol letterarju, u skond Glissant, illum, aktar minn qatt qabel, ix-xogħol letterarju huwa marbut mal-post, għax huwa permezz tax-xogħol letterarju li tintwera r-relazzjoni bejn dan il-post u t-“totalità-dinja.”[13]
À quoi assistons-nous précisément aujourd’hui ? À la naissance difficile d’une autre sorte de communauté faite de la totalité réalisée de toutes les communautés du monde, réalisée dans le conflit, l’exclusion, le massacre, l’intolérance mais réalisée quand même, parce que nous ne rêvons plus de la totalité-monde, nous sommes dans une phase avec la totalité-monde, nous sommes dedans.[14]
It-totalità-dinja hija “d-dinja kif teżisti fir-realtà tagħha u kif teżisti fix-xewqat tagħna.”[15]
L-antropologa Virginia Monteforte, li għamlet ukoll riċerka fuq il-letteratura kontemporanja Maltija tgħid li l-identità llum ma tistax tkun aktar ir-riżultat tad-differenza u tal-firda, kemm minħabba l-kriżi li qed jiffaċċja n-nazzjon (prodott storiku u astratt li twieled fis-seklu 19) bħala entità kompatta u unika, bil-konfini tagħha ċari, kif ukoll minħabba li dan wassal biex il-kulturi, il-lingwi, id-drawwiet u l-bqija ma baqgħux marbutin ma’ territorju partikulari. “L’identità, così come nel passato (e noi mediterranei dovremmo saperlo) è frutto dell’amalgama di storie, viaggi, lingue e situazioni.”[16] U din id-diversità tinħass sew fil-poeżija polivokali ta’ Norbert Bugeja, bil-vuċijiet u l-eki ta’ persuni, epoki u testi differenti jiltaqgħu flimkien f’endekasillabu li jagħti direzzjoni u identità lix-xogħol mingħajr ma jeqred id-diversità tal-vuċijiet, bħallikieku totalità-dinja poetika. “Nous sommes des individus,” jgħid il-kittieb mill-Martinique, Patrick Chamoiseau, “nous échappons aux cultures communautaires et le champ qui nous est donné est la “totalité monde” dans laquelle nous devons construire nos systèmes de références et nos systèmes de valeurs de manière individuelle.”[17] Bħal Chamoiseau, Bugeja jikkrea l-identità kumplessa tiegħu f’totalità-dinja.
Jankra l-memorji tiegħu xi mkien
Glissant jemmen li qed naraw it-twelid ta’ tip ta’ komunità differenti, magħmula mit-totalità konkreta tal-komunitajiet kollha tad-dinja, magħġuna mill-kunflitt, mill-esklużjoni, mill-massakru. Dak li għall-poeti tradizzjonali kien biss ħolma li tgħaqqad u tuniversalizza, illum sar għalina qabża diffiċli f’dinja-kaos, dinja imprevedibbli.[18] Norbert Bugeja jirrakkonta bniedem li jrid jankra l-memorji tiegħu xi mkien, li b’xi mod irid jorjenta ruħu, li jrid jisma’ vuċi tiggwidah, jew almenu tikkonslah; li jrid imiss ma’ l-imħabba, f’mumenti u postijiet differenti, imma fl-istess ħin iridha tibqa’ għal dejjem; li jrid jemmen; li qed ifittex belt, hawn imma kullimkien, li tilqgħu ġo fiha, omm u maħbuba, narratriċi u udjenza. Bugeja jirrakkonta spirtu u ġisem li m’għandhom kwiet imkien, imma fl-istorbju tat-toroq tal-bliet, tal-barijiet u l-mega-kunċerti, dejjem ifittxu l-kwiet u l-memorja kemm jista’ jkun imbiegħda li tagħmel minn dak il-kwiet intern belt bi fwejjaħ u lwien, raħal familjari.
Bugeja huwa maħkum, u forsi għalhekk ukoll taffaxxinana l-personalità tiegħu, mill-“erranza,” l-istat li tiġġerra, u mill-ġarr, l-istat li tinġarr (“deriva”), li jitkellem fuqhom Glissant. Meta niġġerrew jew ninġarru minn post għal ieħor inkunu qed nesprimu “l-ġuħ” tagħna għad-dinja (“la fame verso il mondo”); dan il-vagabondaġġ jimbuttana biex niskopru mogħdijiet madwar id-dinja. Meta ninġarru nkunu qed nuru l-ħila tagħna li nkunu disponibbli għal kull tip ta’ emigrazzjoni possibbli. Glissant jara fil-ħila tagħna li ninġarru l-virtù tat-totalità; hija r-rieda, ix-xewqa, il-passjoni li nsiru nafu t-totalità, id-dinja kollha kemm hi, imma anki l-virtù li nikkonservaw għax l-iskop li nsiru nafu d-dinja kollha mhuwiex li niddominawha, jew nagħtuha sens wieħed. “Il pensiero dell’erranza ci difende dai pensieri di sistema.”[19]
Fl-aħħar tal-“Ballata għal Poetessa b’Xuxitha Ħamra” ispirata mill-belt ta’ Lodève fin-nofsinhar ta’ Franza u mill-poetessa Lhudija Iżraeljana Tal Nitzan,[20] hemm tifla li, wara li tistaqsi lil ommha “għaliex dar-riħ” u “għaliex did-dalma?” fil-belt li “ntilfet f’xagħar il-poetessa,” li “tilfet ir-riedni ta’ ġisimha,” tirkeb ir-rota u tintilef hi wkoll, minn jeddha, “fl-anarkija tal-maltemp.” Hija poeżija dwar il-belt-mara, imma wkoll dwar il-poeżija u dwar it-taqlib u t-telfien li jiġbidna lejha. It-tifla, bħall-poeta, titbiegħed minn ommha, mill-kenn tal-magħruf, u taqdef għal ġo dinja ta’ taħt fuq, ġol-konfużjoni li toffri l-esperjenza poetika, ġod-“dlam” li jħarbat l-iskemi magħrufa u ċ-ċertezzi u jonfoħ, bħar-riħ, ħajja “stramba,” ġdida fil-belt tagħna. Bħall-poeżija, il-belt hija ppopolata mill-ilħna, mill-“kliem misjur” u s-sillabi; mill-“aċċenti” u “l-kadenzi;” mis-“sentenzi” u l-frażijiet; bħal fil-poeżija bix-xagħar imħabbel ta’ l-endekasillabu, fil-belt hemm anarkija fl-ordni, it-telfien fid-direzzjoni, ir-ritmu sostnut u aħmar-imqanqal tal-ħelsien mill-iskemi.
F’din il-kollezzjoni hemm riferiment għal ritmu ieħor, għal kollox differenti mix-xagħar ħieles, destabbilizzanti u anarkiku tal-poetessa (il-kelma “xuxitha,” bil-ħoss mifrux, melliesi tax-“x” u l-ftuħ ta’ l-“a” aħħarija, hija minnha nfisha suġġestiva ħafna), fil-poeżija “Awtomatika għall-Bniedem,” waħda mill-eqdem poeżiji (miktuba fl-1999).[21] Fil-fabbrika maħkuma mir-ritmu ossessiv tat-“tikk bumm tikk bumm,” il-bniedem ikollu jsir ritmu ieħor, ikollu joqgħod għall-magna indifferenti u vjolenti li jsib ruħu wiċċ imb’wiċċ magħha u li ftit li xejn għandha bżonnu – kemm iqabbadha. Tant hi d-dinja li hu issa parti minnha li hi lanqas tissemma b’isimha, mhemmx bżonn – id-dell tagħha jdallam lill-poeżija kollha kemm hi. Issa l-magna saret ommu, għajnejha jsegwu kulma jiġri, u dan it-taħbit aggressiv u ripetittiv huwa t-taħnina l-ġdida tiegħu. Fl-aħħar tal-poeżija, bid-dmija ma’ l-ingwanti li jfakkruk fit-tadam tal-bottijiet issiġillati, jew bil-kontra; fil-mument (donnu ta’ inizjazzjoni) meta jrid jiffaċċja l-fatt li l-ġrajja tiegħu mhix aktar tiegħu għax saret bott issiġillat, qisu bomba li kif tiftaħha tisplodi, il-ġuvni jiggranfa mal-memorji ta’ ommu u ta’ tfulitu li fadallu qabel jintilfu għal dejjem fil-linja tal-produzzjoni tal-ġrajjiet donnhom dejjem iktar deumanizzanti tal-ħajja. Fid-disprament tad-demm ħiereġ u ta’ solitudni eżistenzjali profonda, Bugeja jfittex lil ommu bħala punt ta’ riferiment psikoloġiku u morali imma anki r-ritratt tagħha li għandu fil-portmoni huwa mtertaq.
Iż-żewġ toppi żgħar jaqbżu fil-bitħa
It-tfulija titfaċċa kullimkien f’dawn l-istejjer, tfulija għajnejha kbar u miftuħin qed iħarsu lejn dinja li ssaħħar u toffri sensazzjonijiet qawwijin u intimi, “il-kuluri ta’ tfulitek” (“bliet, fil-bogħod,” IV), tfulija li hija bitħa li “tisker bil-kuluri” (“Futbol,” “toroq ħiemda li għexna – talba,” II) imma dinja li hija spiss indifferenti, li fiha t-tifel ifittex il-punt ta’ riferiment ta’ l-omm jew tal-memorja, speċjalment meta jikber u d-dinja li taffaxxinah tiddiżorjentah. Wieħed mill-mumenti pjuttost rari ta’ rima f’dan il-ktieb ilaqqa’ flimkien “bil-kejl” (“jbigħ il-ġrajjiet u l-karawett bil-kejl”) u “l-lejl” (“u jixtri l-ħolm li tilef tul il-lejl”) fl-aħħar strofa bil-korsiv (donnha ruħu biss għadha ħajja, jew ħolmet il-poeta) ta’ poeżija dwar tifel f’Bejrut fi żmien il-gwerra ta’ l-Iżrael kontra l-Libanu fis-sajf ta’ l-2006 (“Minn Bejrut sa Wied Bekaa”). Setgħet kienet gwerra oħra, imma mhijiex, għax l-istorja għandha l-ġrajjiet individwali u uniċi tagħha wkoll, u jeħtieġ nirrakkontawhom, u mhux nitfgħuhom fir-ready mix konvenjenti ta’ xi tip ta’ storja jew interpretazzjoni universali tal-bnedmin. Il-poeżija tiftaħ bit-tifel li qabel ma raqad, (jew miet) reġgħet ġietu “t-togħma / ta’ tifel vjola jħares lejn il-baħar,” imma wkoll “tal-magni jwerdnu bejn ħuġbejh sewdiena” u ġol-“qoffa karawett u tamal merħi.” Meta nerġgħu naqraw il-poeżija għandna mnejn naraw f’dik il-qoffa l-ġisem għadu sħiħ tat-tifel, magħmul minn għadam u laħam, li l-ilwien tal-poeżija (il-vjola, l-iswed, id-demm li jħaddar/jiħdar) iħabbru d-destin miktub għalih fis-sema (mill-ajruplani tal-mewt Iżraeljani). Fil-mument li fih jintuwixxi t-telfien tiegħu, it-tifel jfittex, u jsib minnufih, il-kenn tas-sensazzjonijiet sbieħ li jassoċja mal-baħar. Hija l-memorja li jrid jieħu miegħu; dawk is-sensazzjonijiet imbiegħda/fil-qrib biss fadallu (“they’re all that’s left you,” “Via Fori Imperiali, Wara l-Kunċert”).[22]
Fil-ktieb hemm għadd kbir ta’ riferimenti għat-tfulija u għat-tfal u ma tinħassx differenza kbira bejn is-sessi jew bejn l-ispazji li fihom jinsabu. Fit-tfal li qed iħarsu ’l quddiem hemm id-distanza minn dinja kbira li għad trid tasal, waqt li fit-tfulija li għaddiet hemm id-dinja ta’ nostalġija, kważi kważi kattiva, li toqros lill-kbar. Il-poeżija ta’ Norbert Bugeja, minkejja li hija x-xogħol ta’ poeta żagħżugħ li twieled fl-1980, spiss tinkiteb u tingħex f’dawn l-ispazji ta’ xewqat li ma jistgħux jitwettqu għax huma marbutin mal-passat jew ma’ futur li mhux se jagħti dak li nistennew minnu. Jista’ jkun li l-poeżija kollha tinkiteb fl-ispazju bejn ix-xewqat u dak li fil-fatt iseħħ, imma donnha l-poeżija ta’ Bugeja tivvjaġġa f’dawn l-ispazji iktar mis-soltu. “U jekk qatt jasal għada,” jikteb fil-poeżija nru. III tat-taqsima “bliet, fil-bogħod,”
u tistaqsini
x’nimmissja mill-belt xwejħa ta’ tfuliti,
niftakar lejla ta’ qubbajt u stejjer
u ħars ibaqbaq, lewn il-ġigġifogu.
F’“Għand Vicki, Barbikju,” hemm sens ta’ eternità fit-tfal “qed jiċċaċċraw fil-bitħa” u fit-“tfajla liebsa bħas-smewwiet”: fil-bitħa hemm sens ta’ ċentru u komunità, ta’ konvivjalità u enerġija, ta’ preżent u wirt qadim, ta’ ħeffa innoċenti u għeruq umani kulturali u fondi. Fil-mara tiżfen lejl sħiħ waħedha f’“Café Jubilee, Ritratt” u “liebsa żifna sewda” l-poeta jara “ż-żewġ toppi żgħar jaqbżu fil-bitħa,” il-“bar” (urban) isir bitħa (rurali), għax donnu fil-qbiż tagħha hemm ix-xewqa ossessiva ta’ ritorn lejn il-bitħa tat-tfulija. Dan wara li t-tifel li kiber, bil-“qoxra aktar, aktar iebsa” tiegħu, ikun qata’ xewqtu li jmur lil hinn, jaqbeż il-lift u saħansitra anke ’l Bighi u d-dinja l-magħrufa biex “jaħrab” belt nannuh (“bliet, fil-bogħod,” IV).
F’Bugeja hemm l-ansjetà li toħloq ix-xbieha tat-“tifel / li ried jitwieled u sab ruħu mdendel / mas-sider xott li nibet fuq ix-xagħri” (“bliet, fil-bogħod,” VII); hemm l-ansjetà tal-memorja tat-tifla “f’nofs it-triq wiċċha nervi / ta’ ħames snin u nofs” (“l-aħħar mil jew tnejn ta’ love okonedo”); imma hemm ukoll ir-raġel-tifel fqir ta’ “Via Fori Imperiali, Wara l-Kuncert” li ma rnexxilux, kif ma jirnexxilux dan il-poeta, jarmi t-tifkiriet “qabel l-ewwel kantuniera” u baqa’ jqalleb, għalxejn,
fil-bongs u l-fliexken ħodor għal xi lejla
li tilqgħu bħal daru,
li tmellislu xagħru,
li tiżfen u tkanta l-istess storja bħalu.
Fiċ-ċirku kenni tar-rima (u l-assonanza) li jinħoloq bejn “daru,” “xagħru” u “bħalu” u tas-sustanzi li jistorduh (idur fl-istess imkejjen, bħalma jagħmel il-ħoss fir-rima u l-assonanza) hemm is-serħan li qed ifittex, il-memorji sbieħ li fadallu.
Ir-raġel-tifel żgħir jissaħħar iżda fl-istess ħin jirtogħod fit-trijanglu qadim mimli passjonijiet kbar tal-kelma, in-natura u l-mara (mit-alla mara) f’“Mythodea;” jiġi biex jaħkem imma minflok jinħakem, jitwerwer minħabba l-ġmiel tal-qedem. Ir-raġel-“tifel ċkejken” ifittex b’kunfidenza l-inkontru bejn il-mument preżenti u l-qedem, bejn il-kelma ta’ issa mqiegħda fuq xufftejh u l-baħar ta’ dejjem (“Wara d-Diska li Nħobbu Tant”), imma l-esperjenza jiskopri li hi ikbar minnu. U t-tifla li ma rnexxilhiex tlaqqa’ t-triq li sabet ruħha fiha mal-ħolm il-kbir togħsfor għax “qalbha ma felħitx” (“Eleġija għat-Tifla li Ħolmot fit-Triq”). Ħafna drabi r-riferimenti għat-tfal u t-tfulija jikkoinċidu ma’ riferimenti għall-memorja: F’“Tango għat-Turġien tad-Dijuballi” (“turġien,” III) il-memorja ssir saħansitra ħaġa waħda ma’ l-istorja ta’ “tifla ggranfata / mal-pjiegi mkemmxa ta’ dublett” li kellha taħdem ta’ prostituta depersonalizzata u t-tfulija tagħha saret għadd ta’ “bili għadhom stirati ma’ l-art” u jfakkruha fit-tfulija bbalzmata. Fil-Bliet ta’ Norbert Bugeja il-memorja hija sikwit is-salib it-toroq fejn jiltaqgħu u jweġġgħu dak li hemm u dak li seta’ jkun, bħal meta x-“xiħa bla snien” ta’ “Għal Dak Li Baqa’ – Eleġija” “tiftakar” lill-artist Malti ta’ nisel Naplitan Giuseppe Calì, li twieled u miet il-Belt Valletta (1846-1930), u li kien pinġa x-xenarju għall-opra La Vergine del Castello li kienet qed tittella’ fit-Teatru Rjal meta nħaraq fl-1873.[23] Il-memorja hija s-salib it-toroq fejn titkisser it-tifla-prostituta b’ġisimha mħaffer (“Tango għat-Turġien tad-Dijuballi”) li taħbat mal-ġisem ħieles tat-tifla li timraħ u tiddisinja kif jidhrilha l-futur fir-rima “tjur,” “iddur,” “lavur” (“Għal Dak Li Baqa’ – Eleġija,” f’“turġien,” V). Fil-klassi tal-Mużew ukoll, is-subien jisimgħu mingħand is-superjur l-istorja Kristjana ta’ kif il-Ħallieq bagħat lit-tifel tiegħu, tifel bħalhom, “għax ried li aħna wkoll inkunu wliedu” (“L-Ewwel Klassi,” f’“toroq ħiemda li għexna – talba,” I): hija storja speċjali li fiha l-memorja tirrappreżenta t-twaħħid ta’ l-imgħoddi mal-preżent u l-futur; hija l-istorja ta’ kif dak li nixtiequ u dak li nistgħu nkunu jsiru ħaġa waħda permezz ta’ tifel (speċjali). Pierre Reverdy jgħid li l-poeżija tinsab f’dak li ma jeżistix, f’dak li jonqosna.”[24]
L-identità f’dinja li qed tikkreolizza ruħha
Il-poeżija ta’ Norbert Bugeja tesplora postijiet u ilħna mhux magħrufa bis-sens ta’ avventura u bl-intensità ta’ bniedem li għandu minn fejn jitlaq u għandu fejn jerġa’ lura, imqar lejn il-bitħa (privata) jew il-pjazza (pubblika, imma komunitarja) tal-memorja. Édouard Glissant jikteb li jeħtieġ li nitilqu minn post (partikulari) u nimmaġinaw id-dinja bħala ħaġa waħda, it-totalità-dinja.[25] It-teżi tiegħu, li xandarha lejn tmiem is-seklu għoxrin, hi li d-dinja qed tikkreolizza ruħha, li l-kulturi tad-dinja, li qed jiltaqgħu b’mod simultanju u għal kollox konxju, qed jinbidlu waqt li jagħtu bejniethom u jiġġieldu gwerer bla ħniena kontra xulxin. Imma t-tibdil u t-taħlit qed iseħħ ukoll permezz tal-progress fl-għarfien, fil-kuxjenza u t-tama li permezz tagħhom nistgħu ngħidu li l-umanitajiet ta’ llum (juża proprju l-plural) qed jabbandunaw, bi tbatija, il-konvinzjoni antika u profonda li l-identità ta’ persuna tingħaraf u hija valida biss jekk teskludi l-identità ta’ kull persuna oħra. Glissant jgħid li huwa proprju f’dan it-tibdil diffiċli li qed iseħħ fil-ħsieb tal-bnedmin li “nixtieq li nimxu flimkien.”[26] Jista’ jkun li l-ġrajjiet fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin, bir-ritorn ta’ ideoloġiji fundamentalisti u razzisti tal-lemin estrem, jagħtu ħjiel ta’ rigress lejn konċezzjoni superfiċjali u assolutista ta’ l-identità, konċezzjoni li tirkeb fuq l-isterjotipi ta’ reliġjon, razza, u kultura, u fl-istess ħin tirfidhom f’taħlita verament splussiva li tinqeda b’manipulazzjoni ċinika tal-perċezzjoni mgħawġa tar-realtajiet li ngħixu.
Imma f’Norbert Bugeja tinħass il-kreolizzazzjoni tad-dinja: il-bnedmin u l-postijiet li jirrakkonta huma Maltin daqskemm huma barranin, u d-distinzjoni bejniethom mhijiex sinifikattiva għax dawn il-personaġġi u l-ispazji “barranin” huma parti mill-kuxjenza kollettiva tagħna bħala Maltin u bħala ċittadini tad-dinja (qed nirreferi għal dawk li jgħixu relattivament tajjeb u għandhom ir-riżorsi tal-komunikazzjoni umana u teknoloġika f’idejhom). Għaldaqstant, dawn ir-realtajiet medjatiċi u mhux li jsemmi Bugeja, u oħrajn bħalhom, huma parti mill-kuxjenza tagħna f’dinja kreolizzata: il-kantant u mużiċista Grunge Nord-Amerikan Kurt Cobain (1967-1994); il-kantant pop Spanjol Enrique Iglesias; il-grupp Ladysmith Black Mambazo ta’ l-Afrika t’Isfel; il-grupp Nord-Amerikan R.E.M. u l-album klassiku Automatic for the People ta’ l-1992 (jingħad li Kurt Cobain kien qed jisma’ dan l-album ftit qabel ma qatel ruħu b’idejh fil-5 ta’ April, 1994 – hu u Michael Stipe ta’ l-R.E.M. kienu ħbieb, u d-diska “Everybody Hurts” ta’ Stipe f’dan l-album hija reazzjoni għal epidemija ta’ suwiċidji fost iż-żgħażagħ Nord-Amerikani);[27] il-kantawtur Irlandiż Damien Rice; il-kantant u showman Taljan Adriano Celentano; l-artist drammatiku u espressjonista magħruf bħala El Greco, imwieled Kreta bl-isem ta’ Doménicos Theotokópoulos (1541-1614), imma assoċjat mar-Rinaxximent Spanjol; Scheherezade mir-rakkonti Għarab ta’ l-Elf Lejla u Waħda; il-kunċert mis-sensiela “Old Friends” ta’ Paul Simon u Art Garfunkel quddiem 600,000 ruħ f’Ruma fl-2004; l-album ta’ mużika klassika Mythodea (Music for the NASA Mission: 2001 Mars Odyssey) (2001) tal-kompożitur Grieg Vangelis;[28] il-gwerra ċivili fil-Libanu fis-snin 70 u 80 tas-seklu 20 u l-attakk fuq il-Libanu mill-Iżrael tas-sajf ta’ l-2006; l-istorja, aktarx “tipika,” ta’ tifla, Love Okonedo, li ma tridx tara ’l ommha, immigranta Ugandiża, titlaq; it-toroq tal-belt Franċiża ta’ Lodève (fejn isir festival importanti tal-poeżija tal-Mediterran, Voix de la Méditerranée), b’Għarbi anzjan iħares lejn is-sema u x-xagħar ta’ poetessa Iżraeljana-Lhudija; in-nies ta’ fuqhom senduqhom li jgħixu fuq il-bankini ta’ Great Portland Street f’Londra; il-kumpannija multinazzjonali Taljana tal-ħwejjeġ Miss Sixty, bi ħwienet mad-dinja kollha; il-J&B Scotch Whisky; il-Monasteru ta’ Santa Maria de las Cuevas ta’ Sevilja u n-nuċċali tax-xemx tad-ditta Gucci; il-Guadalquivir, l-itwal xmara fl-Andalusija; it-torero Morante de la Puebla f’arena f’Sevilja, u l-Plaza de San Lorenzo; il-kumpless kummerċjali tad-ditta El Corte Inglès fit-triq magħrufa ta’ Las Ramblas f’Barċellona, bit-“trussardi, zegna, fnac u valentino” u bil-Baħri li jgħix taħtu, fuq il-bankina,…
Barra minn hekk, u forsi dan huwa aktar importanti għax huwa parti mill-istrateġija narrattiva tal-poeta, dawn il-Bliet ta’ Bugeja huma mimlijin vuċijiet, lingwi u testi differenti, mil-lirika tal-kanzunetta “Bookends Theme” ta’ Simon and Garfunkel li sservi bħala qafas għall-poeżija “Via Fori Imperiali, Wara l-Kunċert” sa “Burn It Blue” tal-kantawtur Brażiljan Caetano Veloso,[29] “Paloma Negra” (lirika ta’ Adan Sanchez)[30] tal-kantanta Messikana mwielda l-Kosta Rika, Chavela Vargas,[31] “Bailamos” (1999) ta’ Enrique Iglesias, il-lirika ta’ Jim Morrison, “People Are Strange,” ta’ The Doors, u vuċijiet minn kwartier tal-Belt Valletta fil-poeżija “Tango għat-Turġien tad-Dijuballi.”[32] Hemm il-vers “Chi del gitano i giorni s’abbella?” u t-tweġiba “La zingarella!” tal-kor taż-żingari fl-Ewwel Xena, “La Gitana,” tat-Tieni Parti ta’ l-opra Il Trovatore ta’ Verdi (b’librett ta’ Salvadore Cammarano),[33] u silta mil-lirika ossessiva ta’ “Woman like a man”[34] ta’ Damien Rice f’“Għal Dak Li Baqa’ – Elegija.” Hija dinja kumplessa, rikka, mimlija ilħna melodjużi u oħrajn ħoxnin, kliem ta’ mħabba u kliem ħażin, memorji, sensazzjonijiet, eki.
Bejn tħarħira u oħra ta’ nifisha maqtugħ
inħażżeż il-profil tal-belt ta’ taħti:
mijiet ta’ garigori mdendla ’l isfel
żigarelli jperpru
mas-saqaf ta’ festin li issa ntemm.
Għax il-vjaġġ fil-qigħan tal-Belt Valletta u l-ħajjiet li jabitaw fiha huwa vjaġġ multi-sensorjali tal-poeta fil-vuċijiet li jisma’, is-sensazzjonijiet li jxennquh u jfixkluh, il-memorji li jixegħluh… Fir-rumanz ta’ Amin Maalouf Le Periple de Baldassare,
in-narratur u protagonista vjaġġatur Baldassare Embriaco jispiċċa jaqbel max-xejħ Abdel-Bassit li meta tivvjaġġa ’l bogħod tkun qed tfittex dak li hemm ġo fik. “A quoi bon parcourir le monde si c’est pour y voir ce qui est déjà en moi?”[35]
Glissant jikteb li l-fenomeni tal-kreolizzazzjoni huma importanti għax jiftħu t-triq għal mod ġdid kif ngħixu d-dimensjoni spiritwali ta’ l-umanitajiet (għal darb’oħra fi plural li jisfida l-konċezzjoni tagħna ta’ l-identità waħdanija ta’ umanità kollha), mod li jimplika rikompożizzjoni tal-pajsaġġ mentali ta’ l-umanitajiet kontemporanji: il-kreolizzazzjoni titlob li l-elementi kulturali li jiltaqgħu u jikkonfrontaw ’il xulxin ikollhom “valur indaqs” biex iseħħ proċess veru ta’ kreolizzazzjoni.[36] Fi Bliet il-vuċijiet u t-testi jinsabu fil-poeżiji proprju għaliex il-bniedem huwa s-salib it-toroq tagħhom, u l-poeżija ta’ Bugeja tirrifletti din il-pożizzjoni tal-bnedmin sensittivi li jridu jisimgħu u jintgħaġnu, konxjament, minnhom u jiffurmaw personalità “waħda” ħajja li l-ħin kollu tinbidel. Id-diskors dirett ta’ tant personaġġi magħrufin u mhux jagħtina ħjiel ta’ dinja kumplessa magħmula minn bnedmin differenti, uniċi, mhux minn tipi “universali” jew “veritajiet kbar” li qishom umbrelel li jiġbru kollox taħthom; fit-toroq ta’dan il-ktieb hemm nisġa sħiħ ta’ ħsejjes u stejjer, ta’ kliem ta’ mħabba minn taħt l-ilsien u trasgressjonijiet, ta’ tonijiet u emozzjonijiet uniċi. Huma elementi fundamentali fi ħdan strateġija poetika sħiħa li tippreżenta nisġa li tixbah il-kakofonija apparenti ta’ vuċijiet li tisma’ u stejjer li tiftakar int u għaddej jew għaddejja fi Triq ir-Repubblika jew Las Ramblas, jew f’bar… Il-ħafna vuċijiet awtentiċi (għax mhux stilizzati) tal-personaġġi fil-ktieb jagħtu kulur u varjetà ritmika u narrattiva kbira lill-poeżija ta’ Bugeja.
Il-popli Ewropej u l-kulturi tal-Punent xerrdu fid-dinja l-idea li kull identità għandha għerq uniku – idea li tfaċċat mill-ġdid fid-dibattitu dwar ir-referenza għall-kultura Nisranija fil-Kostituzzjoni Ewropea li eventwalment ġiet abbandunata – li għandu l-ħila jeskludi kull nisel ieħor. Din il-konċezzjoni tmur kontra n-nozzjoni, li skond Glissant illum “reali” fil-kulturi komposti, ta’ l-identità bħala fattur u riżultat ta’ kreolizzazzjoni, u għalhekk ta’ l-identità bħala riżoma,[37] ta’ l-identità mhux aktar bħala għerq wieħed imma bħala għerq li jiltaqa’ ma’ għeruq oħra. Hemm min jiċħad din il-konċezzjoni plurali, multipla ta’ l-identità, għax jibża’ li tfisser li l-identità “tiegħu” se tinbela’ minn identitajiet oħra. Din hija konċezzjoni perikoluża għax timplika li dawk li jaħsbu hekk jibżgħu li meta “jiltaqgħu” ma’ ħaddieħor ikunu qed jissograw li jitilfu dak kollu li hu tagħhom.[38] Timplika wkoll li jridu jiffossilizzaw il-perċezzjoni tagħhom infushom.
Dan il-biża’ ma jinħassx f’Bugeja, forsi għax jirrikonoxxi li hu wild il-Mediterran li minnu nnifsu huwa baħar/reġjun li minn dejjem għex it-taħlit. Il-Mediterran qatt ma jissemma, għax Bugeja qiegħed fih, imma jinħass fir-riferimenti għall-Birgu, il-Belt Valletta, Bighi u l-Port il-Kbir inġenerali; il-Mistra, il-Fawwara, Għar Lapsi, Filfla, Bejrut, il-Libjani, Sevilja, Barċellona, Ruma, Lodève, Mythodea. Bugeja jagħtina l-impressjoni li jirrikonoxxi li kull darba li jiltaqa’ ma’ persuna oħra, ma’ ton, espressjoni, esklamazzjoni, l-għarfien u għalhekk ukoll il-personalità tiegħu jistagħnew. Dawn huma poeżiji dwar inkontru li minkejja li huwa sensiela ta’ vjaġġi ta’ skoperta sikwit iseħħ f’ambjent fejn il-poeta u n-nies li jiltaqa’ magħhom malajr jagħtu kunfidenza ’l xulxin u jitkellmu. Fl-ewwel poeżija tal-ktieb li jibda bit-taqsima “bliet, fil-bogħod,” kemm il-persuni bejniethom u kemm il-belt u l-poeta malajr jersqu lejn xulxin u s-sinestesija straordinarja ta’ Bugeja tikkonferma l-mod kif il-poeta jinternalizza l-belt, u forsi anki viċi-versa: “Leħnek ġo dan il-post fih riħa stramba;” u mbagħad, “Minn triq għal triq ġrejt wara l-fwieħa tiegħek.” Il-poeżija tintemm kif bdiet, bil-kliem “int sabiħa,” stqarrija diretta u intensa f’kuntest kumpless li tfakkarna fil-poeżija ta’ mħabba ta’ Pablo Neruda (ngħidu aħna “Bella”), poeta li Bugeja jistqarr li jinfluwenzah ħafna.[39] Din l-ewwel poeżija tal-ktieb tagħti indikazzjoni tajba ta’ dak li ġej, tas-sorpriżi fil-belt li jiltaqa’ magħhom il-poeta meta jabbanduna l-ispazji li jaf biex jissogra inkontri ġodda li jqarrbuh ħafna lejn il-konvivjalità li ħalla warajh, u dan jidher fl-armonija tar-rima, mhux mistennija, li tfeġġ fl-aħħar tal-poeżija bejn l-għaġin (l-ikla ta’ min laqa’ lilu u lil sieħbu), ix-xhur u s-snin (ir-rakkonti u l-memorji) u l-ġiżi miftuħin (is-sensazzjonijiet pożittivi).
Għaldaqstant il-ktieb jibda bil-poeżiji mnebbħa u ambjentati primarjament fil-Birgu fi “bliet, fil-bogħod,” jimxi lejn “spanja,” jesplora s-“subborgi ta’ qalbha,” jerġa’ lura lejn Malta bil-poeżiji ispirati mill-Belt Valletta f’“turġien” u jispiċċa fl-“oikos,” il-punt ta’ riferiment ewlieni ta’ Bugeja fit-taqsima “toroq ħiemda li għexna – talba”: jibda bħala vjaġġ ’il barra u jispiċċa bħala vjaġġ ta’ ritorn lejn l-imgħoddi li jistabbilixxi ruħu bħala l-oikos ewlieni tal-ġabra kollha. Imma anki f’dak il-vjaġġ ’il barra tinħass kontinwament il-preżenza ta’ l-oikos ta’ Bugeja, ta’ l-esperjenzi li jqishom bħala l-punt ta’ riferiment tiegħu fil-vjaġġ tal-ħajja, esperjenzi li jagħtina ħjiel tagħhom fl-aħħar taqsima tal-ktieb. Il-vjaġġ ta’ Bliet jibda diġà nofs triq bejn id-“dar” u l-bliet imbiegħda, imma r-ritorn mhuwiex lejn dan in-nofs triq aktarx prekarju, la ’l hemm u lanqas ’l hawn, imma lejn id-dar, l-oikos proprja.
Il-ħajja f’nofs il-grawnd
Il-ġrajjiet u d-diskorsi ta’ l-aħħar taqsima tal-ktieb, fosthom it-talbiet, huma dawk tat-tfulija tal-poeta fil-komunità tas-Siġġiewi li Bugeja jirrakkonta b’nostalġija, imma wkoll, inevitabbilment, b’ċertu niket: il-Mużew, Dun Ġorġ Preca u “l-kliem li għadhom jiktbu / fuq fommi l-kwiekeb meta nħares lejhom” (“L-Ewwel Klassi”); il-futbol u “l-ħajja f’nofs il-grawnd, iddur u tagħqad” (“Futbol”); il-pasturi, “il-barxiet suwed li skoprejt ġo qalbi” u l-Missier li jieħu ħsieb uliedu (“Pasturi”); il-ġenna tal-lezzjoni tas-superjur (“Lezzjoni”); “jien u int” waħedna, lanterni ċkejkna u dgħajfa, “infittxu s-salvazzjoni / fil-melodija ħelwa tal-Bambin” (“Purċissjoni tal-Milied”); ir-ritwal ta’ nostalġija mnikkta ta’ “wied ifur bi stejjer / u bi ġrajjiet ħelwin” (“Ritwal”); il-ftira ta’ ġuvni smajjar “mimlija bil-kappar u ħolm iċafċaf,” li “f’għajnejh ħomor bil-melħ hemm skorfna xiħa,” u “l-baħar mimli togħma ta’ rużarju” (“Baħar”); u t-t-trejqa mqallba u mnikkta “li kaxkritna / sa dil-kappella, fommha flaġellat” (“Ħamis ix-Xirka”). Il-vjaġġ jintemm bl-ambigwitajiet tad-“daħka mdallma fuq ħaddejna” u l-grif “fuq il-ferħ tal-bieraħ,” bil-ġisem imtertaq ta’ l-Ecce Homo, u l-qawmien mill-mewt imħabbar f’Ħamis ix-Xirka. L-aħħar żewġ versi ta’ din il-poeżija u tal-ktieb jitkellmu dwar is-solidarjetà u l-faraġ li Kristu joffri lil “kull min jibki miegħek”: huma versi ta’ fidi f’Alla li jilqa’ lil min hu fil-bżonn fil-belt stranġiera tal-ħajja, bħalma jintlaqgħu ż-żewġ “barranin” fl-ewwel poeżija tal-ktieb. Imma l-aħħar taqsima tal-ktieb titkellem ukoll dwar il-faraġ u l-kenn li toffri n-natura, speċjalment fl-aħħar żewġ poeżiji, li fihom in-natura u l-fidi Kattolika jitħabblu f’xulxin, bħal f’sinestesija:
Il-baħar mimli togħma ta’ rużarju,
kull posta tfissed lill-irdum bħal mewġa,
kull Sliema tleqq fuq dahar it-tfajjel smajjar
bħal perli żgħar idubu fl-aħħar sħana …
Fi tmiem il-ħames misteru, “qarnita żgħira tixref rasha” biex “tbus ix-xefaq lewn oranġjo mistħi” u tgħid is-Salve Regina (“Baħar”), għax in-natura titlob u fl-istess ħin hija talba fiha nfisha u kollha kemm hi. Ix-xbihat evanġeliċi tal-ħlejjaq tan-natura, il-ħuta u l-ħaruf, li jidhru lejn tmiem l-aħħar poeżija tal-ktieb, “Ħamis ix-Xirka,” jikkonfermaw l-interdipendenza tal-fidi u n-natura u t-tentattiv tal-poeta li jtemm dan il-vjaġġ tiegħu bl-armonija tal-qbil. Iżda s-sensazzjoni li nibqa’ biha jien bħala qarrej hija dik ta’ ekwilibriju diffiċli, ta’ tempju “qaddis, erotiku” u “baħrin samrana jfittxu l-art imwiegħda” (“Fil-Monasteru ta’ Santa Maria de las Cuevas, wara nofsinhar”), ta’ vjaġġ li jibqa’ “mqalleb” u “mnikket,” ta’ kappella b’“fommha flaġellat” u mhux ta’ magna tal-ħasil li tlaħlaħ it-tbenġil kollu tal-vjaġġ.
Bħala vjaġġatur il-poeta ma jistax jeħles mir-riskju u l-ansjetà tal-vjaġġ. Din l-ansjetà, jgħid Georges Van Den Abbeele, hija ekonomika: il-bniedem jibża’ li ma jkunx lest fil-ħin u li ma jkunx ħejja l-”proviżjonijiet” meħtieġa.[40] Il-bniedem jibża’ li jġarrab telf kbir: jibża’, ngħidu aħna, li jitlef l-assi finanzjarji tiegħu, li jitlef ħajtu jew is-saħħa mentali, li jitlef triqtu. Wara kollox, f’kull vjaġġ hemm il-possibbiltà li l-vjaġġatur qatt ma jerġa’ lura, li jisfa eżiljat. Min-naħa l-oħra, il-logħba tal-vjaġġ tattira lill-bniedem għax minnha jaf li jista’ jiggwadanja affarijiet bħall-esperjenza, l-għerf, u l-poter, u jżid mal-ġid tiegħu; għalhekk dil-logħba tista’ titqies bħala investiment ekonomiku. Minn studji semjotiċi li saru fuq it-turiżmu nstab li t-turisti jsiefru għal raġunijiet ekonomiċi u ideoloġiċi, u l-esperjenzi kulturali li jiġbru jużawhom biex iżidu l-valur soċjali tagħhom fil-komunità fejn jgħixu.
Kemm jekk il-vjaġġ jissarraf f’telf, u kemm jekk jissarraf fi qligħ, il-qafas ekonomiku tiegħu jimplika li hemm proprjetà li tista’ tikber jew tintilef. Barra minn hekk, biex ikun hemm ekonomija tal-vjaġġ, jiġifieri l-possibbiltà ta’ approprjazzjoni u esproprjazzjoni, jeħtieġ ukoll li fit-transazzjoni jkun hemm xi ħaġa li ma tinbidilx, li magħha jista jitkejjel it-telf u l-gwadann. Fil-poeżija ta’ Bugeja, il-punt ta’ riferiment fiss, jew l-“oikos,” jinsab fil-memorji tat-tfulija u l-omm. “Oikos” hija l-kelma Griega għal “dar,” u minnha ġejja l-kelma “ekonomija.” Mingħajr punt ta’ riferiment ekonomiku fiss ma jistax ikun hemm telf jew gwadann; mingħajr dar fissa ma jistax ikun hemm vjaġġ. Bl-oikos wieħed ikun jista’ jifhem il-vjaġġ.[41] Skond Van Den Abbeele,
The positing of an oikos, or domus (the Latin translation of oikos), is what domesticates the voyage by ascribing certain limits to it. The oikos defines or delimits the movement of travel according to that old Aristotelian prescription for a “well-constructed” plot, namely, having a beginning, a middle, and an end.[42]
Il-vjaġġatur jikkonċettwalizza l-vjaġġ skond il-punt tat-tluq, il-punt tal-wasla, u d-distanza spazjali u temporali ta’ bejniethom. Dan jinħass sew fi Bliet għax il-perspettiva ta’ Bugeja hija dik ta’ bniedem li jara d-dar tiegħu fil-kumunità Kattolika kennija li jagħtiha ħjiel tagħha, komunità ispirata minn omm naturali u minn Missier-Alla li fil-ġuf tagħha “qagħad jinsiġni” (“Pasturi”).
Bit-tqegħid ta’ l-oikos il-vjaġġ ta’ Bugeja, isir ċaqliq ċirkulari: il-vjaġġ jitlaq u jispiċċa fl-oikos li jservi ta’ punt ta’ riferiment traxxendentali li jorganizza u jiddomestika naħa partikulari billi jiddefinixxi l-punti l-oħra kollha skond il-punt ewlieni. Jekk nifhmu l-vjaġġ b’dan il-mod inkunu qegħdin nagħtuh tifsira teleoloġika, jiġifieri nkunu qegħdin norbtuh ma’ għan jew destinazzjoni partikulari. Din il-viżjoni teleoloġika tirfed l-argument ta’ l-ekonomija tal-vjaġġ, għax dan l-argument jimplika t-tentattiv li l-vjaġġ ma jitħalliex jaqbeż ċerti limiti, jiġifieri jinżamm fiċ-ċirku magħluq tad-dar, ta’ l-oikos. Mill-banda l-oħra, din il-konċezzjoni magħluqa donnha ġġib fix-xejn l-idea ċentrali li vjaġġ huwa ħruġ ’il barra mill-ambjent li miegħu l-bniedem huwa familjari.
Home, the very antithesis of travel, is the concept through which the voyage is “oikonomized” into a commonplace. Hence, while the voyage can only be thought through this “economy of travel,” the economy is precisely that which conceptually stops or puts an end to the voyage by assigning it a beginning and an end in the form of the oikos.[43]
Biex nikkonċettwalizzaw il-vjaġġ irridu tabilfors il-preżenza ta’ punt fiss ipprivileġġjat. Dan l-oikos, però, nistgħu nagħżluh jew inqegħduh f’postu biss wara li l-vjaġġatur ikun telqu. Biex id-dar tkun teżisti tassew jeħtieġ li tintilef: dan huwa r-riskju li jieħu Bugeja, anki fuq livell poetiku formali. Il-konċettwalizzazzjoni tad-dar ma sseħħx qabel ma l-vjaġġatur jitlaq mid-dar; id-dar, biex ngħidu hekk, ma teżistix, sakemm ma jkun jeżisti xejn ħliefha. Biex ikun hemm dar il-vjaġġ irid ikun diġà beda.
Les lieux sont plus forts
Fir-rakkont tiegħu dwar l-ewwel esperjenzi tiegħu ta’ mħabba u sess, “Mes premières fois,”[44] Xavier Girard jitkellem fuq kif l-ewwel esperjenza ta’ sess hija l-mument ideali, imma fl-istess ħin teżisti infinità ta’ l-ewwel drabi, irriducibles entre elles, et toujours à venir, commes les etats du desir […];”l-ewwel darba dejjem għadha ġejja, bħall-istati ta’ xenqa. Ma teżistix l-ewwel darba, qatt. L-ewwel darba hija idea tat-tfal żgħar, ħlieqa tal-magażins, “une idée de midinette, un truc de magazine.”[45] Fil-poeżija ta’ Norbert Bugeja, kull esperjenza hija esperjenza intensa ġdida, kull darba hija l-ewwel darba; u l-post għandu sehem determinanti fil-qawwa ta’ din l-esperjenza. Għax fi Bliet jinħass, forsi inevitabbilment, li l-postijiet huma iktar b’saħħithom mill-azzjonijiet tal-bnedmin.
l’endroit, la circonstance s’avéraient plus décisifs, plus marquants que les actes eux-mêmes, comme si ce que l’on fait, exactement, à cet instant précis, n’était rien au regard de l’intensité du moment, de ce qui l’a précédé et de la vibration du lieu. […] Les détails dont on se souvient alors ne valent qu’ensevelis sous l’énormité du moment, dans l’éclat terriblement localisé des souvenirs.[46]
It-tifel ta’ “Mythodea” jinbela’ mill-post u mill-mument u jidher li ma jista’ jagħmel xejn. Tidher li hija inizjazzjoni qawwija li tissorprendih u taħkmu, li tintroduċih, irid jew ma jridx għall-passjoni aggressiva, vjolenti tal-“grigalata xebba tvenven / ma’ ħluq l-għerien sakemm iġġibhom vjola,” u fl-assonanza bejn “staħa” u “ġara” fi “thenna w staħa, ma qal lil ħadd b’li ġara” hemm l-għeluq difensiv u l-intimità, is-seħer ġdid u l-iskoperta mqanqla ta’ (kull) l-ewwel darba. F’“Mythodea,” it-tifel-poeta msaħħar jitriegħed, kif titriegħed is-sintassi fil-vers stramb “u wrejtu, u rak, u wrejt, u rak, u beża’,” jinsab għal kollox f’idejn il-post u ċ-ċirkostanzi, qed jiskopri l-“għera,” l-“għarwien” u l-“għerien.” Il-postijiet huma aktar b’saħħithom mill-azzjonijiet. Girard jirrakkonta li l-ewwel esperjenzi tiegħu ta’ sess huma mwaħħlin f’moħħu bħal bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija li jum fost l-oħrajn, huwa u jilgħab, isibhom tifel mirdumin taħt it-tifrik, u jmur jiġri kemm jiflaħ ifittex il-kbar biex jeqirduhom.[47]
L-istess spirtu ħieles, jew maħkum, skond kif tarah, jinħass fl-att poetiku nnifsu. L-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi, jgħid il-poeta u attivista politiku Aimé Césaire, hija l-kelma, l-ewwel il-kelma.[48] U din tieħu l-ħajja fil-mument tal-qari, fil-laqgħa mal-qarrejja jew ma’ l-udjenza, bħalma t-tifel ta’ “Mythodea” jieħu l-ħajja quddiem is-senswalità sonorja u femminili ta’ Mythodea u l-Fawwara. Meta nġarrbu dik il-kelma ħielsa u maqbuda fl-istess ħin, it-test kollu, jiġifieri r-relazzjoni tagħna miegħu f’dak il-post u dak il-mument, jinfetaħ. Meta ninterpretaw test letterarju, mhix kwistjoni ta’ x’sens se nagħtuh, ta’ kemm dan is-sens huwa liberu jew kemm għandu bażi soda; għall-kuntrarju l-kwistjoni hija kemm napprezzaw il-pluralità tiegħu.[49] It-test ideali huwa “une galaxie de signifiants, non une structure de signifiés.” M’għandux bidu, huwa riversibbli; u tista’ tidħol għalih minn postijiet differenti u l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jitqies bħala d-dħul prinċipali.[50] Għax il-kliem, dak li “għadhom jiktbu / fuq fommi l-kwiekeb meta nħares lejhom,”[51] jinsab lilhinn mill-kontroll semantiku u emottiv tal-poeti jew tal-qarrejja u l-udjenzi; il-poeta li jikteb, f’Bugeja bħal f’Neruda, jidher bħala l-messaġġier ta’ qawwa ferm akbar minnu. F’ “La Poesía,”[52] xogħol li jħeġġiġna biex naqrawh Bugeja nnifsu,[53] Neruda jikteb li l-poeżija sabitu hi u ma jafx minn fejn ħarġet, hux mix-xitwa jew mix-xmara. Lanqas jaf kif u meta; jaf biss li ma kinux ilħna, ma kienx kliem jew skiet; il-poeżija bdiet issejjaħlu minn triq, mill-friegħi tal-lejl. Imbagħad, f’daqqa waħda, missitu u hu ħassu “parti pura mill-abbiss,” ħassu jdur ma’ l-istilel, “mi corazón se desató en el viento,” qalbu nħallet fir-riħ.
Ir-rwol tal-letteratura, jikteb Glissant, għandu x’jaqsam mad-diversità; il-poeti jridu jimirħu lilhinn mis-suġġettività tagħhom – mhux biex jersqu lejn sistema totalitarja imma biex jersqu lejn “intersoggettività del Mondo‑tutto.” Il-poeti ma jistgħux jippretendu li jsibu l-verità biss fiċ-ċirku ristrett tas-suġġettività tagħhom.[54] Glissant jemmen li r-rwol tal-kittieba huwa li jesprimu l-immaġinarju tad-dinja. Biex jesprimu dan l-immaġinarju l-kittieba jridu jaħsbuh, imma mhux fis-sens ta’ ħsieb marbut ma’ l-informazzjoni: huwa ħsieb li jista’ jkun intwittiv, li jista’ jieħu forom partikulari ħafna. Aħna ma ngħixux fl-arja, fis-sħab li hemm madwar id-dinja: aħna ngħixu f’postijiet partikulari. “Meta niktbu rridu nitilqu minn post partikulari u nimmaġinaw it-totalità tad-dinja.” Dan il-post indispensabbli m’għandux ikun territorju li minnu nħarsu lejn il-ġirien tagħna minn wara l-ħajt għoli tal-konfini magħluqin tagħna u bix-xewqa moħbija li nġegħluhom iħaddnu l-istess ideat u ġibdiet tagħna. Jeħtieġ inbiddlu l-immaġinarju, minkejja li, u proprju għaliex il-poteri politiċi, ekonomiċi, militari u kulturali jridu jġibu ’l kulħadd l-istess, jriduna nsiru minestra waħda; Glissant jemmen li rridu nbiddlu l-mentalità u l-ġibdiet ta’ l-umanità tal-lum permezz tal-poetika, l-arti tal-poeżija,[55] għax il-poetika mhix l-arti tal-ħolm jew ta’ l-illużjoni imma hija mod kif taħseb fuqek innifsek, mod kif taħseb fuq ir-relazzjoni miegħek innifsek u mod kif tesprimi dik ir-relazzjoni. “Kull poetika hija xibka” (ta’ relazzjonijiet).[56] Il-letteraturi, speċjalment fil-Punent u fl-Ewropa, kienu msejsa, bil-moħbi, fuq l-idea li l-valuri espressi mil-letteratura ta’ kultura partikulari jew minn letteratura nazzjonali – fejn hemm in-nazzjonijiet – jistgħu jsiru valuri universali, validi għad-dinja kollha. Glissant jemmen li dan huwa użu ħażin tal-post. Il-post huwa neċessarju, imma, fejn jidħlu l-valuri, ma tistax tesportah. Ma tistax tiġġeneralizza valuri partikolari, imma tista’ tikkwantifika t-tipi kollha ta’ valuri partikulari, mhux biex toħroġ minnhom valuri universali, imma biex minnhom tagħmel riżoma, għalqa, tessut, nisġa ta’ valuri differenti imma f’kuntatt bejniethom u jidħlu f’xulxin. Hemm baħar jaqsam bejn din il-pożizzjoni u l-fehma li l-valur tiegħek se jsir valur universali.
Patrick Chamoiseau jsostni li l-problema tal-kitba tal-Punent kienet li meta “xeħtet lilha nfisha fuq id-dinja,” anki permezz tal-kolonizzazzjoni, kellha tendenza favur astrazzjoni universalizzanti, jiġifieri li tippreżenta l-valuri tagħha bħala universali: “cela arrangeait les occidentaux puisque qu’elle leur permettait de diffuser leurs propres valeurs et leurs propres conceptions du monde.” Kull darba li persuna mill-gżejjer Antilles, mill-Afrika jew mill-Indja riedet tkun “universali,” kellha t-tendenza ssir bħan-nies tal-Punent għal elf raġuni u waħda. Chamoiseau jgħid li hu u sħabu dejjem riedu jżommu ’l bogħod minn din il-kelma “universalità” biex juru li għalihom kien iktar importanti jsibu l-armonija bejn id-differenti għax “oċċidentalizzazzjoni” pprova ressaqhom lejn l-uniformità, u dan kien ifisser it-telfien ta’ l-“univers” tagħhom. “C’est le chatoiement de diversité culturelle et d’imaginaire qui va nous montrer ce qui fait l’unité humaine, le fond commun.”[57]
Il-proġett li jemmen fih Glissant huwa dak li naħsbu fuq il-valur tagħna f’inkontru mal-valuri tat-totalità tad-dinja. Dan iqisu proġett ikbar, u iktar nobbli u ġeneruż minn dak li tippretendi li l-valur tiegħek jista’ jkun, jew saħansitra għandu jkun valur validu għad-dinja kollha. Glissant jemmen li “għandna nabbandunaw l-idea ta’ l-universali. L-universali huwa illużjoni, ħolma qarrieqa.” Jeħtieġ naħsbu fit-totalità tad-dinja bħala totalità, fost l-oħrajn bħala totalità ta’ valuri partikolari. Dan ikun pass fundamentali għax ibiddel, mingħajr ma nindunaw, il-biċċa l-kbira ta’ l-informazzjoni dwar il-letteratura kontemporanja tad-dinja.[58] B’dan il-mod il-ħsibijiet reġjonali jsiru ħsibijiet ċentrali u ma jkunx jeżisti iżjed la ċentru u lanqas periferija. Fir-riżoma tat-totalità tad-dinja, iċ-ċentru u l-periferija huma nozzjonijiet sorpassati/li mxejna lilhinn minnhom/spiċċaw.[59]
Fil-bidu tas-seklu 21, ħafna nies fi bnadi differenti tad-dinja, li mhumiex il-maġġoranza imma għandhom influwenza kbira proprju minħabba l-aċċess li għandhom għall-mezzi ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, huma esposti għall-messaġġi superfiċjali li jwasslu l-istazzjonijiet tat-televiżjoni, ir-radjijiet u l-ġurnali. Dawn il-mezzi ta’ l-informazzjoni, li l-kbar fosthom, dawk li jilħqu lil kulħadd, huma mmexxijin minn mhux iżjed minn għaxar korporazzjonijiet trasnazzjonali, bħal Time Warner,[60] li qed jitimgħuna l-illużjoni li nistgħu nsiru nafu d-dinja permezz ta’ sensiela ta’ servizzi bil-filmati ta’ żewġ minuti jew tlieta. F’dawn l-aħħar għoxrin sena, in-numru ta’ kumpanniji ewlenin fl-Istati Uniti fil-qasam tal-midja naqas bin-nofs. Maurice Hinchey jispjega li “Most of the survivors are controlled by fewer than ten huge media conglomerates. As media outlets continue to be gobbled up by these giants, the marketplace of ideas shrinks.” Ftit li xejn hemm spazju għal ilħna ġodda u indipendenti. U l-kumpanniji li baqa’ ftit li xejn huma obbligati li joffru ġurnaliżmu ta’ kwalità u li tista’ torbot fuqu.[61] Robert W. McChesney, akkademiku ewlieni, juri kif, fl-aħħar mill-aħħar, is-sistema tal-midja-kummerċjali globali hija politikament konservattiva għax dawn il-ġganti kummerċjali jgawdu mill-istruttura soċjali li teżisti madwar id-dinja u mhux fl-interess tagħhom li jkun hawn xi forma ta’ tibdil mill-qiegħ ta’ l-istrutturi li ħafna minnhom huma profondament inġusti: “any upheaval in property or social relations – particularly to the extent that it reduces the power of business – is not in their interest.”[62] Mill-banda l-oħra Marcelle Padovani titkellem fuq ġurnalisti żgħażagħ li, bit-teknoloġija f’idejhom, jaslu għal interpretazzjonijiet u konklużjonijiet dwar kwistjonijiet kumplessi: “Sbarcano come marziani su problemi che hanno una storia.” Biex jevitaw dan l-iżball iridu jaqraw ħafna u jinformaw ruħhom sew.[63] Iridu jkunu lesti li jisimgħu lil ħaddieħor, li jistabbilixxu kuntatt ma’ l-oħrajn, li jifhmu realtajiet, personalitajiet u problemi differenti biex ikunu jistgħu jirrakkontawhom.[64] Għall-kuntrarju llum għandna sitwazzjoni li fiha “The best journalism is pitched to the business class and suited to its needs and prejudices.” Mad-divertiment leġġer u eskejpista li toffrilna l-midja ewlenija llum hemm l-idea li l-konsumiżmu, l-ugwaljanza bejn il-gruppi soċjo-ekonomiċi fis-soċjetà u l-individwaliżmu huma xi ħaġa naturali, saħansitra ġeneruża u tajba, waqt li l-attiviżmu politiku, il-valuri ċiviċi u l-attivitajiet kontra s-suq huma marġinalizzati, tal-ftit boloh jew iffissati.[65]
Il-poeżija u l-letteratura inġenerali jagħtuna immaġinarju aktar reali tat-totalità tad-dinja u skond Glissant dan l-immaġinarju jservi bħala kontrapiż għall-illużjoni medjatika ta’ l-għarfien tad-dinja. Għaldaqstant, il-kittieba kisbu mill-ġdid ċerta rilevanza fit-totalità tad-dinja.[66] Norbert Bugeja jgħarrex lilhinn minn dak li jidher fil-wiċċ u jindika esperjenzi u konnessjonijiet li mhemmx post għalihom fil-mezzi ta’ komunikazzjoni dominanti. F’“Eleġija għat-Tifla li Ħolmot fit-Triq”
u torqod għal qalbek
sa x’ħin is-saqaf ta’ fuq rasek jerġa’ jqajmek
biex tfittex bl-amment
rakkont ieħor
Il-poeżija tiegħu mhijiex medhija biss b’dak li jġarrab hu imma kontinwament tisma’ u tirrapporta, b’mod li jinstema’ awtentiku u sikwit determinanti, l-ilħna u l-esperjenzi ta’ l-oħrajn, anki għaliex il-poeta jemmen li dak huwa mod b’saħħtu kif jiskopri u fl-istess ħin isawwar lilu nnifsu. Fil-poeżija “F’Qalbitha Hemm Sajjied,” hu u josserva lis-sajjied ikala “x-xbiek maħfun mis-sirda t’elf ħarifa” u “jtella’ xibka vojta,” il-poeta jistħajjel lilu nnifsu ħuta, kemm “f’ġieħ id-debħa” kif ukoll biex ikun qrib kemm jista’ jkun tas-sajjied iddiżappuntat. Permezz ta’ din il-qrubija lejn bniedem li jrid mill-ħolqien, inkella jibqa’ b’xejn, il-poeta-ħuta, “Bl-aħħar ftit nifs li ħarħar ġewwa ġismi,” jgħum fl-univers tal-baħar u lilhinn jistħajjel li “l-qroll f’qiegħ l-oċean inaqqax ismi,” li l-ġest altruwist tiegħu, bħala ħuta u bħala poeta, jimmortalizzah fil-ħolqien u lilhinn. Bugeja jirrakkonta individwi u l-affinità li jfittxu mal-bnedmin u ma’ l-univers li ma jitlissinx.
Il-poeżija, il-post tat-kontaminazzjoni
Jekk tidħol fid-diversità tad-dinja wara li tkun warrabt jew ċħadt l-identità tiegħek tispiċċa tintilef fi speċi ta’ konfużjoni. Imma l-kunċett ta’ totalità-dinja ma jistax iwassal għall-qerda ta’ l-identitajiet, tad-diversità, għax mhuwiex minestra jew balbuljata li fiha jinħall kollox. Maż-żmien l-idea li identità hija magħmula minn nisel jew għerq wieħed bdiet iċċedi postha biex minflokha tidħol l-idea ta’ identitajiet-relazzjoni, jiġifieri identitajiet riżoma, l-idea inqas intolleranti, inqas settarja. Hija identità li ma toqtolx li dawk li jgħixu madwarha imma li bil-friegħi tagħha tersaq lejhom. F’dan is-sens tista’ teżisti bħala identità mingħajr ma teżisti bħala forza. “L-idea li ma’ l-identità jrid ikollok il-poter u l-forza qed tibda tiġġarraf.” Din mhix utopija. Minkejja dan, l-idea ta’ l-identità b’għerq jew nisel wieħed għadha ħajja u qed tagħmel ħafna ħsara, u dan narawh kemm fiċ-ċokon ta’ Malta, bit-tixrid ta’ fehmiet superfiċjali u estremisti dwar identità Maltija unika u fissa, u f’kunflitti mdemmija fi bnadi differenti tad-dinja fejn mexxejja jinqdew b’dawn l-isterjotipi biex imexxu ’l quddiem l-interessi għal kollox personali tagħhom li jippużaw bħala kwistjonijiet identitarji, bħalma ġara f’nofs is-snin disgħin fil-Jugoslavja, u għadu qed jiġri fi nħawi bħas-Sudan u l-Palestina.[67] L-impressjoni li nieħdu mill-poeżija ta’ Norbert Bugeja, mill-ħafna vuċijiet anonimi imma distinti li nsibu f’kull trejqa tagħha, hi li fl-aħħar mill-aħħar il-kulturi kollha jistagħnew b’xulxin u għaldaqstant jeħtieġu ’l xulxin.
Voglio dire che non è attraverso la forza, attraverso una scelta ideale che si proteggeranno le culture, ma attraverso l’immaginario della totalítà mondo, cioè attraverso la necessità vissuta di questo fatto: che tutte le culture hanno bisogno di tutte le culture.[68]
Lilhinn mill-frażijiet u x-xbihat faċli tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa li jimlew l-immaġinarju kollettiv tagħna bil-ħafna “Bailamos, let the rhythm take you over,” il-poeżija, anki meta tinqeda b’dawn id-diskors aktarx superfiċjali, tirrakkonta l-persuna, il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet profondi, tisfida l-orjentalizzazzjoni ta’ l-Oħrajn, timpenja ruħha kontra d-depersonalizzazzjoni ta’ bniedma li ssir “nokia bla stat / xi mkien fuq difrejn l-atlantiku” (“l-aħħar mil jew tnejn ta’ love okonedo”).
Dawn il-poeżiji huma ispirati u spiss ambjentati fil-bliet, anki għaliex ħafna drabi l-belt titqies bħala l-espressjoni l-aktar sħiħa taċ-ċiviltà minħabba li hija strument topografiku u soċjali li kapaċi jlaqqa’ l-bnedmin u jagħtihom il-possibbiltà li jpartu bejniethom.[69] Iżda bosta studjużi u osservaturi bħal Gianfranco Dioguardi jemmnu li, bil-mod il-mod, iktar ma bdew jikbru, iktar bdiet tonqos/tgħib fil-bliet “l’abitudine alla conoscenza,” id-drawwa li n-nies isiru jafu ’l xulxin, għax il-kuntatti individwali bdew isiru dejjem aktar diffiċli.[70] Jekk naqblu li l-belt hija l-espressjoni spazjali l-iktar tipika taċ-ċiviltà,[71] ikollna ngħidu li r-realtajiet u d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw huma tipiċi taċ-ċiviltajiet tagħna. F’mument wieħed fi “bliet, fil-bogħod” (V), tnejn min-nies jinsabu ma’ mejda jistrieħu fuq grokk wara l-ieħor u jistennew il-kliem ifiġġ. Imma jibqa’ ma jiġix, lanqas, ironikament, minn wara l-ispiker; u jidher li huma ma jistgħu jagħmlu xejn għax m’għandhom ebda poter fuq il-miġja tal-kliem, minkejja li l-grokk suppost iħoll l-ilsien; m’għandhom ebda poter fuq il-poeżija: bħal f’Neruda, il-poeżija ssibhom hi. Imma n-nuqqas tal-kliem jirrifletti d-diffikultà tal-komunikazzjoni, id-distanza bejn grokk u ieħor, bejn storja u oħra. Filwaqt li tirrakkonta, il-poeżija ta’ Bugeja, bħall-belt, tfittex il-komunikazzjoni, l-inkontru bejn in-nies, bejn l-istejjer, bejn il-memorji. “Ma rridu ninsew qatt li l-fenomenu “belt” huwa kkaratterizzat mill-preżenza tal-persuna u mil-laqgħat li tippromwovi u li permezz tagħhom toħloq iċ-ċiviltà ta’ l-iskambji.”[72]
Filwaqt li Dun Karm u l-letteratura stabbilita, mhux biss dik romantika, kienu jħarsu lejn il-belt bħala l-lok tat-taħsir kulturali u morali, fil-belt ta’ Bugeja hemm ritratt, jew aħjar mikrokożmu, tal-fallimenti u l-aspirazzjonijiet tal-bnedmin, ħjiel ta’ l-istejjer li jsawru l-individwi u l-infinità ta’ individwalitajiet. Renzo Piano jara l-belt f’dawl pożittiv bħala l-post tat-kontaminazzjoni, tal-kuntatt fiżiku u reali. Il-belt hija iktar mill-ġabra flimkien ta’ toroq, pjazez, ġonna, bini, u persuni: belt hija “stat tar-ruħ,” “emozzjoni straordinarja.” [73] Belt, bħall-poeżija ta’ Norbert Bugeja, ma tiddisinjahiex, tissawwar waħedha:
una città «è», con le sue strade, la piazza, i mille luoghi dove si incontrano e si fecondano le differenze. […] Un luogo dove non tutto è programmato. Anzi, dove nulla è programmato. Scendi in strada e incontri la gente. Incontri persone che conosci e ti imbatti in sconosciuti, che però entrano nel tuo mondo.
Dil-belt biex jiddeskriviha Renzo Piano se tibqa’ għal dejjem; bħall-poeżija ta’ Bugeja, bid-diwi u bl-influwenzi stilistiċi u tematiċi tagħha, il-belt hija idea antika u moderna fl-istess ħin.[74]
Bħall-belt kontemporanja li sa mit-tnissil tagħha Dioguardi jaraha bħala oġġett mimli maġija li ma tistax titliġġem,[75] il-poeżija ta’ Bugeja hija għajn ta’ enerġija li fiha l-preżenza tal-qarrejja tiġġenera dejjem aktar enerġija. L-effetti tar-riżultati tal-pjanifikazzjoni tal-bliet kontemporanji huma dejjem imprevedibbli u indipendenti mill-proġett inizjali, għax jirrappreżentaw il-prodott ta’ operazzjoni ta’ bricolage, kelma għal qalb Bugeja, li permezz tagħha jingħaqdu l-partijiet separati li flimkien joħolqu l-effett aħħari tal-belt.[76] Imbagħad fil-belt, bħal fil-poeżija, tidħol protagonista ġdida u importanti fit-twettiq tal-belt-ġrajja, tal-ġrajja tal-belt: il-persuna li tużaha. Bil-ħajja tagħha ta’ kuljum, bl-attivitajiet tagħha, il-persuna tinforma u tifforma l-belt, u sadattant tagħti ħjiel tal-kumplessità dejjem preżenti tagħha.[77] “Kull poeżija,” jikteb Bugeja, “tnisslet minn ħinijiet u esperjenzi li jvarjaw ħafna. Spiss it-tallab fi triq f’Londra erba’ snin ilu u t-tfajla tiżfen f’nightclub Għawdxi l-weekend li għadda, isibu rwieħhom fl-istess poeżija. Kultant il-kitbiet narahom jieħdu l-forma ta’ ‘bricolage’ li qed jaqsam spazji u ħinijiet u persuni differenti biex ifittex ‘tifsira’… u kull darba li l-kitba nfisha toħroġ imqarrqa, tiġi ‘poeżija’…”[78]
[1] Roland Barthes, The Pleasure of the Text, trans. Richard Miller (New York: Hill & Wang, 1975) 7. Ħareġ oriġinarjament bħala Le plaisir du texte (Pariġi: Éditions du Seuil, 1973).
[2] Roland Barthes, S/Z (Pariġi: Éditions du Seuil, 1970) 10: “la volupté de l’écriture.”
[3] Barthes, S/Z, 10.
[4] Barthes, S/Z, 11.
[5] Barthes, S/Z, 11.
[6] Angelo Marchese, Dizionario di Retorica e di Stilistica (Milano: Mondadori, 1991) 299.
[7] Alex, Preminger, ed. The Princeton Handbook of Poetic Terms (Princeton N.J.: Princeton University Press, 1986) 276.
[8] Ara V.S. Ramachandran u E.M. Hubbard, Synaesthesia—A Window Into Perception, Thought and Language, Journal of Consciousness Studies, 8, No. 12, 2001, pp. 3–34, 5. “Ordinary language use is rich with synaesthetic metaphors (‘loud shirt’ or ‘hot babe’).”
[9] Ramachandran u Hubbard, Synaesthesia—A Window Into Perception, Thought and Language, 5.
[10] V.S. Ramachandran u E.M. Hubbard, “The Phenomenology of Synaesthesia,” Journal of Consciousness Studies, 10, No. 8, 2003, pp. 49–57, 49.
[11] Ramachandran u Hubbard, “The Phenomenology of Synaesthesia,” 49.
[12] Édouard Glissant, Poetica del diverso, trad. Francesca Neri (Ruma: Meltemi, 1998) 21. Dal-ktieb ħareġ oriġinarjament bħala Introduction à une poétique du divers (1996).
[13] Glissant, Poetica del diverso, 28.
[14] Édouard Glissant, Introduction à une poétique du divers (Montréal: Presses de l’Université de Montréal, 1995) 29.
[15] Glissant, Poetica del diverso, 100.
[16] Korrispondenza bil-posta elettronika (il-Ħamis, 3 ta’ Jannar, 2008).
[17] Savrina Parevadee Chiniene u Patrick Chamoiseau, “Patrick Chamoiseau: ‘dans toutes les cultures, il y a de l’ombre et de la lumière’” Troisième volet d’un long entretien de Savrina Parevadee Chiniene avec Patrick Chamoiseau. (14.02.08) http://www.africultures.com/popup_article.asp?no=7343&print=1 Aċċess 13 ta’ April 2008.
[18] Glissant, Poetica del diverso, 29-30.
[19] Glissant, Poetica del diverso, 100.
[20] Tal Nitzan, li tgħix Tel Aviv, hija poetessa, editriċi u traduttriċi mill-Ispanjol li rebħet bosta premjijiet.
[21] Automatic for the People, li ħareġ fl-1992, kien it-tmiem album tal-grupp R.E.M.. Dan l-album kiseb suċċess kummerċjali kbir u fl-istess ħin intlaqa’ tajjeb ħafna mill-kritiċi.
[22] Simon and Garfunkel, kitba ta’ Paul Simon: “Bookends Theme.” “Time it was, and what a time it was, it was, / A time of innocence, a time of confidences. // Long ago, it must be, I have a photograph. / Preserve your memories, they’re all that’s left you.” Fl-2003, Simon u Garfunkel reġgħu daqqew flimkien meta ngħataw il- Grammy Lifetime Achievement Award. Dan wassal għal sensiela ta’ kunċerti fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, magħrufa bħala “Old Friends,” u wara, fl-2004, saru kunċerti oħrajn f’pajjiżi oħra li laħqu l-qofol tagħhom bil-kunċert b’xejn ħdejn il-Kolossew ta’ Ruma li għalih jirreferi Norbert Bugeja u li għalih attendew 600,000 ruħ.
[23] Fl-1946 ir-rumanzier storiku-romantiku popolari Ġużè Galea kiteb rumanz fuq hekk bl-isem ta’ Meta Nħaraq it-Teatru (Malta: KKM, 2002). Hemm referenzi ghall-ħruq u l-opra f’paġni 176 u 178.
[24] Pierre Reverdy, f’Bernard Friot, L’Agenda du (presque) poète (Pariġi: De La Martinière Jeunesse, 2007).
[25] Glissant, Poetica del diverso, 102.
[26] Glissant, Poetica del diverso, 13-14.
[27] Jingħad li Kurt Cobain aktarx kien qed jisma’ Automatic for the People f’xi żmien qabel ma miet fil-5 ta’ April, 1994. Il-kanzunetta “Everybody Hurts” inkitbet minn Michael Stipe (b’mużika ta’ Bill Berry) bħala reazzjoni għal mewġa ta’ suwicidji fost iż-żgħażagħ. Stipe, li kien ħabib ta’ Cobain, wara kiteb il-kanzunetta “Let Me In” dwar il-mewt ta’ Cobain. http://en.wikipedia.org/wiki/Automatic_for_the_People
[28] http://en.wikipedia.org/wiki/Mythodea. Vangelis jgħid hekk dwar dan ix-xogħol tiegħu: “I made up the name Mythodea from the words myth and ode. And I felt in it a kind of shared or common path with NASA’s current exploration of the planet [Mars]. Whatever we use as a key — music, mythology, science, mathematics, astronomy — we are all working to decode the mystery of creation, searching for our deepest roots.”
[29] http://www.stlyrics.com/lyrics/frida/burnitblue.htm
[30] http://www.tsrocks.com/a/adan_sanchez_texts/paloma_negra.html
[31] http://www.chavelavargas.net/
[32] “turġien,” III.
[33] http://www.operatoday.com/documents/Il_Trovatore.pdf. Ara wkoll http://www.operatoday.com/content/2007/03/verdi_il_trovat_1.php.
[34] http://www.completealbumlyrics.com/lyric/111484/Damien+Rice+-+Woman+like+a+man.html
[35] Amin Maalouf, Le Périple de Baldassare (Pariġi: Grasset, 2000) 62.
[36] Glissant, Poetica del diverso, 15.
[37] Riżoma hija sura ta’ zokk irqiq li jikber mimdud fix-xitla, xi drabi qrib l-art u f’oħrajn taħt il-ħamrija, u li minnu joħorġu l-għeruq.
[38] Glissant, Poetica del diverso, 19.
[39] SHOWCASE @laurahird.com: Selected Poetry by Norbert Bugeja. Translated by Maria Grech Ganado. http://www.laurahird.com/showcase/norbertbugeja2.html
[40] Georges Van Den Abbeele, Travel as Metaphor: From Montaigne to Rousseau (Minnesota, USA: University of Minnesota Press, 1992) vii.
[41]Van Den Abbeele xviii. “The economy of travel requires an oikos […] in relation to which any wandering can be comprehended (enclosed as well as understood).”
[42] Van Den Abbeele xviii.
[43] Van Den Abbeele xviii.
[44] Xavier Girard, “Mes premières fois,” La pensée de midi. Du désir, du plaisir et de l’amour… en Méditerranée, no. 17, janvier 2006, 70-77.
[45] Girard 70.
[46] Girard 74.
[47] Girard 77.
[48] Aimé Césaire fl-Agenda ta’ Friot: “ce qui me vient d’abord à l’esprit c’est d’abord un mot, un mot.”
[49] Roland Barthes, S/Z (Pariġi: Éditions du Seuil, 1970) 11.
[50] Roland Barthes, S/Z (Pariġi: Éditions du Seuil, 1970) 12.
[51] (“toroq ħiemda li għexna – talba,” I, “L-Ewwel Klassi”)
[52] http://www.neruda.uchile.cl/. Mill-ġabra Memorial de Isla Negra (Buenos Aires: Losada, 1964).
[53] SHOWCASE @laurahird.com: Selected Poetry by Norbert Bugeja.
[54] Glissant, Poetica del diverso, 104.
[55] Glissant, Poetica del diverso, 102-03.
[56] Glissant, Poetica del diverso, 104.
[57] Savrina Parevadee Chiniene u Patrick Chamoiseau.
[58] Glissant, Poetica del diverso, 104-05.
[59] Glissant, Poetica del diverso, 105.
[60] F’“The New Global Media,” The Nation, November 29, 1999, Robert W. Mcchesney isemmi l-kumpanniji ewlenin li kien hemm dak iż-żmien: “The global media market has come to be dominated by the same eight transnational corporations, or TNCs, that rule US media: General Electric, AT&T/Liberty Media, Disney, Time Warner, Sony, News Corporation, Viacom and Seagram, plus Bertelsmann, the Germany-based conglomerate.” Id-dħul ta’ Time Warner fl-1998 kien ta’ 27 biljun dollaru Amerikan. http://www.thenation.com/doc/19991129/mcchesney
[61] Maurice Hinchey, “More Media Owners,” The Nation, February 6, 2006. http://www.thenation.com/doc/20060206/hinchey.
[62] McChesney, “The New Global Media.”
[63] Maria Lombardo u Marcelle Padovani, “Una lotta continua contro i cliché,” Maria Lombardo, Scelte (Palermo: Edizioni della Battaglia, 2001) 87.
[64] Lombardo u Padovani 89.
[65] McChesney, “The New Global Media.”
[66] Glissant, Poetica del diverso, 111.
[67] Glissant, Poetica del diverso, 101-02.
[68] Glissant, Poetica del diverso, 102.
[69] Gianfranco Dioguardi, Ripensare la Città (Roma: Donzelli Editore, 2001) 17.
[70] Dioguardi 11.
[71] Dioguardi 45.
[72] Dioguardi 21.
[73] Dioguardi (p. 21) jirreferi għall-intervista ta’ Renzo Cassigoli ma’ Renzo Piano fil-ktieb La responsabilità dell’architetto. “La città è un luogo di contaminazione, di contatto fisico, è un luogo di contatto reale. La città è più di un insieme di strade, di piazze, di giardini, di palazzi, di persone, è uno stato d’animo. E una straordinaria emozione. Una città non è mai disegnata, si fa da sola.”
[74] Dioguardi 21-22.
[75] Dioguardi 55.
[76] Dioguardi 55.
[77] Dioguardi 55.
[78] Korrispondenza bil-posta elettronika ma’ Norbert Bugeja. L-Erbgħa, 21 ta’ Novembru, 2007.
Tfulija Adulta
Diskors ta’ Adrian Grima waqt it-tnedija tal-ktieb ta’ Norbert Bugeja, Bliet (Emma Delezio, 2009), 126 paġna, li deher ukoll fil-gazzetta Illum
Id-direttur tal-films Jean-Marie Straub jemmen li “Test huwa bħal fetħa fil-foresta, hemm ħafna mogħdijiet minn fejn toħroġ. Jekk timponi ħruġ wieħed, ma jibqax test, isir sett ta’ struzzjonijiet.” Il-letteratura ta’ kwalità, bħall-poeżija ta’ Norbert Bugeja, ma tistax trossha f’mogħdija waħda għax tkun qed tittradixxi n-natura miftuħa tagħha. Ma tistax timponi triq waħda biex tersaq lejn test, jew biex toħroġ minnu.

Forsi test letterarju huwa l-foresta nfisha, b’unità apparenti li kapaċi tostor kumplessità organika li iktar ma tmissha iktar titkattar, qisha xena minn film tal-fantaxjenza li fih l-aljeni jimmultiplikaw kull darba li tipprova taħfinhom. B’poeżiji bħal “Cafè Jubilee, Ritratt” u “Wara d-Diska li Nħobbu Tant” hekk jiġrili. (Ħafna mill-poeżiji ilna nafhom is-snin għax Norbert kitibhom fil-kuntest ta’ proġetti kreattivi ta’ Inizjamed.) “Wara d-Diska” flejtha kemm stajt meta aktar minn sentejn ilu bdejt naħdem fuq id-daħla għal dan il-ktieb straordinarju. Imma meta rġajt qbadtha ftit ġranet ilu kienet poeżija ġdida għalija, foresta li nafha sew u ma nafha xejn. Fasslitli rotot ideat, qanqlitli emozzjonijiet li ma kontx ġarrabt qabel.
Il-poeżija ta’ Bugeja tinkiteb bil-għan li tisfida, bla mistħija ta’ xejn, l-ideat tagħna dwar il-funzjoni tal-kliem u l-letteratura. Fil-biċċa l-kbira tal-poeżiji fi Bliet hemm xi ħaġa skunċertanti li kontinwament tispustjana, tiskomodana. U mhux faċli tiddeċiedi minn fejn tibda taqrah, kif tkomplih, għax kull bidu jimplika vjaġġ differenti.
Tista’ tibda, ngħidu aħna, mill-aħħar, mit-“toroq ħiemda li għexna – talba.” Post sabiħ biex tispiċċa, jew tibda. Tidher stramba din it-taqsima tal-ktieb – forsi ma tistennihiex fl-aħħar. L-iktar ħaġa li intrigatni kienet il-post li taha fl-aħħar tal-ktieb. Il-poeżiji dwar tfulitu poġġihom fl-aħħar f’sekwenza li donnha teħodna mill-preżent għall-passat imbiegħed. Imma f’din it-taqsima hemm ħjiel tad-destinazzjoni li donnu jrid ifassal Norbert, il-kenn tar-reliġjon u l-figura tal-Missier Alla ħanin, in-nostalġija ħelwa, konxjament romantiċizzata, tat-tifel u t-tfulija. Il-ktieb jibda b’oħtu Nicole fid-dedika, dik li għexet miegħu t-traġitt mit-tfulija għall-adultezza, u jispiċċa bit-tfulija u sħabu tas-Siġġiewi li għexha magħhom.
Fil-fatt tista’ taqra dan il-ktieb mod ieħor, tivvjaġġa minn tfulija għal oħra. Hemm ħafna iktar tfulija f’dawn il-poeżiji milli taħseb. Jekk tittawwal fl-irkejjen, kultant moħbijin, tal-kbar, issib it-tfulija, bħalma ssibha fil-“mara liebsa żifna sewda” ta’ “Cafè Jubilee, Ritratt,” jew fil-poetessa b’xuxitha ħamra li tirkeb ir-rota bla kelm’ oħra u tintilef fl-anarkija tal-maltemp. Hemm ukoll it-tfulija, fost l-oħrajn, fl-idejn bl-ingwanti quddiem il-magna tal-bottijiet li f’waqt ta’ dmija jfittxu l-memorja mtertqa tal-“Mamà” assenti li “int biss għalija.” It-tfulija tal-aħħar taqsima hija kważi ċelebrazzjoni – imma fil-bqija tal-Bliet, bħal fil-poeżija verament emozzjanti ddedikata lil Leslie Vassallo, hija sikwit moħbija jew miżmuma kemm kemm taħt il-wiċċ u dejjem fraġli.
Tista’ timxi minn memorja għal oħra: żomm f’moħħok biss li għal Norbert Bugeja l-memorji huma finta, imma kulm’ m’għandna memorji – kulm’aħna memorji. (“Via Fori Imperiali, Wara l-Kunċert”)
Jew tista’ taqbad il-“Preludju għall-Belt ta’ Taħtna,” poeżija oħra li għextha, bħallikieku għall-ewwel darba, jien u naqraha mill-ġdid, u tuża lilha bħala l-gwida tiegħek. Hija poeżija dwar il-qedem tal-belt, ix-xewqa u t-trawma tagħna; u bħall-Intermezz tal-“Kafè fuq il-Port,” hija poeżija dwar kif il-qedem jasal qabilna.
Jekk hemm fil komuni bejn il-bliet Maltin u barranin, esterni u ġewwenin ta’ Bugeja, hija l-multipliċità u l-multidimensjonalità: il-ħafna wċuħ, il-ħafna mumenti, il-ħafna turmenti tal-belt u l-bliet li nabitaw u jabitawna. Mhux ta’ b’xejn “Dil-belt” imqallba ta’ Bugeja tinsab “b’sugħajha f’ħalqha għal-lest / biex taqla’ kollox,” (“Requiem għal Dak Li Baqa’”) donnha l-unika soluzzjoni li għandna biex tindaf mill-ispettri tal-passat li huma iktar preżenti mill-preżent.
Jekk hemm belt waħda (għall-bidu l-ktieb kien se jkun jismu “Belt”) hija t-tiftixa intensa li tissarraf sikwit f’sinestesija, fit-tlaqqigħ ta’ sensi differenti u kunfliġġenti. Wara kollox, it-trasformazzjoni f’salt li sseħħ permezz tal-metafora mhix sempliċiment mument jew kumbinazzjoni imma f’Norbert Bugeja donnha hija strateġija narrattiva, bħal meta l-mara ta’ “Cafè Jubilee, Ritratt” issir tifla f’salt, f’żewġ kelmiet (“toppi żgħar”) bla ma tavżana. Minħabba din il-multipliċità mqarba u inevitabbli, u fl-isfond taċ-ċaqliq kontinwu f’kull direzzjoni li jqanqal dawn il-poeżiji, tinħass regolarment, kultant b’mod ossessiv, it-tiftixa għall-“Ħanini, ħanini” li “mindu tlaqt int,” “tħarbtu t-toroq ta’ din il-belt” qadima u dejjem ġdida (“Preludju għall-Belt ta’ Taħtna”) li, bħall-metafora, nippruvaw naħkmuha imma minflok taħkimna hi.