Daħla għall-ktieb tal-poeżiji ta’ John P. Portelli, Taħt iċ-Ċirasa
F’poeżija bikrija miktuba f’April ta’ l-1973 li fiha jiddjaloga ma’ Victor Fenech dwar ir-raħal rurali fejn twieled u trabba, John Portelli jistqarr li “l-għabex mitoloġiku” li nebbaħ lil Fenech hu jħossu jegħreq fis-skiet tiegħu, “f’dal-vojt misterjuż li jispiċċa / min jaf fejn.” Tidher li hija stqarrija dwar ir-relazzjoni diffiċli tiegħu ma’ raħal dak iż-żmien kien iħossu ċkejken u aljenat, aktarx għax kien jafu sewwa u ma kellux ix-xorti, jew ir-rieda, li jarah minn barra.
Imma jidher li qed jitkellem ukoll dwar Malta, li wħud mill-poeti tal-ġenerazzjoni tas-snin sittin, fosthom Victor Fenech, rawha “lubiena” jew saħansitra rieqda, forsi aljenata minħabba ċ-ċokon u l-insularità tagħha, forsi sempliċiment indifferenti. Għax fil-ġenerazzjoni tas-sittinijiet għal kuxjenza ġdida u qawwija taċ-ċokon u l-klawstrofobija ta’ Malta, imma għad hemm ukoll, minkejja l-kritika, romantiċizzazzjoni tar-raħal rurali.

Ċassi fl-Eżistenza
Ma’ din id-dimensjoni lokali tinħass l-esperjenza tal-ħajja nfisha li fiha, bħal Karmenu Vassallo, Portelli jħossu bla saħħa u bla kontroll: “Iva, ħabib, qed negħreq.” Malta tiġi taqa’ u tqum mill-ħtiġijiet tal-Maltin li jridu jemanċipaw ruħhom, u lil pajjiżhom, anzi fejn tista’ xxekkilhom – tema rikorrenti fil-letteratura tas-sittinijiet; imma f’Portelli, bħal f’Karmenu Vassallo ta’ Nirien (1938), anki l-ħajja hija indifferenti.
U għalhekk f’dawn il-poeżiji sikwit hemm sens qawwi ta’ l-impotenza tal-bnedmin “ċassi fl-eżistenza” jistennew “ix-xorti” tagħhom. Bħal fil-funtana misterjuża ta’ Rużar Briffa, fil-funtana ta’ “Ix-Xorti” ta’ Portelli (u fil-ħajku ta’ l-aħħar) hemm il-ħolm u x-xewqat ġwejda mgħarrqin fl-ilma jistennew, imma donnhom rassenjati, li xi forza ssalvahom. Il-ħajja hija “nassa eterna / la taqbad / la terħi…” għax il-bnedmin huma maqbudin mhux biss bejn dak li jixtiequ u dak li jistgħu jwettqu imma anki, ġieli, bejn xewqat differenti li jiġbdu, bħal fil-logħba tal-ġbid tal-ħabel, kontra xulxin. Hija ħajja li donnha tixħet lill-bnedmin f’sitwazzjoni ddisprata li fiha l-unika fejda mhix il-fejda nfisha imma x-xewqa li toffri mqar l-illużjoni tal-fejda.
Ix-xewqa għall-ħelsien min-nassa tinħass sewwa fil-mużikalità u r-rima ta’ ħafna versi li jfittxu fis-soluzzjonijiet stilistiċi tradizzjonali t-tweġiba għall-forom ġodda, u fl-istess ħin antiki, ta’ inġustizzja li donnha hija ingredjent inevitabbli tad-DNA tal-ħajja u tal-bnedmin. Anki l-kobor ta’ l-ilma jitgerbeb bil-ħeffa f’Niagara “jittappan” – dan hu l-verb li jagħżel Portelli – “bir-raxx / li toħloq / qawsalla” minkejja li din suppost tawgura bidu ġdid, ġejjieni aħjar. Forsi l-qawsalla ħafifa hija r-rebħa tal-futur, tar-rieda ta’ l-individwi, fuq il-passat goff u tqil li jrid igerbibhom. Imma l-qawsalla hija wkoll mument, ikkonfermat mis-sinjal tal-mistoqsija fl-aħħar tal-poeżija, waqt li l-ilmijiet ta’ “Niagara Falls” huma ċertezza, forza li ma tegħlibhiex. F’dan is-sens, ir-ritmu konsistenti ta’ l-ilma u ta’ l-istil, miksur biss mill-mument tal-mistoqsija fl-aħħar tal-poeżija, huwa konferma ta’ l-impotenza ta’ l-individwi quddiem il-qawwa għal kollox superjuri u inkontrollabbli tal-ħajja.
Fil-ħajku nru. 6 il-ħajja tidher mhux biss bħala indifferenti jew krudili imma bħala qarrieqa għax tistadek.
taqbeż il-ħuta
jinħeba f’ħalqha l-ganċ
baħar kaħlani
Bħal fil-każ ta’ l-għasafar tal-passa, bla ma trid taħseb f’għexieren ta’ klandestini mrekknin fuq xi qoxra tal-baħar perpura, resqin lejn l-art imwiegħda bla ma jafu li l-ilmijiet kapriċċużi se jħarbtuhom qabel ma jaslu.
Nagħdab
Imma f’Taħt iċ-Ċirasa ta’ John Portelli hemm ukoll ir-rabja kontra dinja li fiha l-bnedmin jabbużaw mill-poter tagħhom, kemm dak ekonomiku kif ukoll dak politiku, fis-sens dejjaq u wiesa’ tal-kelma, biex jibnu l-imperi tagħhom fuq il-fdalijiet li jħalli t-tifrik ta’ ħaddieħor. F’“Nagħdab” u xogħlijiet oħrajn, il-poeta jeħodha qatta bla ħabel kontra n-neoliberiżmu: kontra r-regoli li jfasslu d-diriġenti sinjuruni tal-kumpanniji l-kbar biex iħarsu l-interessi tagħhom kontra dawk li ma jifilħux jiqfulhom; kontra l-ipokreziji tal-mexxejja li jippridkaw mod u fil-ħajja pubblika u privata tagħhom jagħmlu mod ieħor; kontra “l-individwaliżmu esaġerat” li jinkoraġġixxi lil dawk li jifilħu biex iħawlu huma u jiġu jaqgħu u jqumu mill-ġid komuni; kontra l-individwi u l-establishment politiku u ekonomiku li ħsiebhom biex iberrdu u jitfu l-għadab ta’ dawk kollha li jispiċċaw minn taħt f’sistema inġusta; kontra l-vanġelu tal-konsum u l-illużjoni li l-kapitaliżmu joffri libertà u għażla ħielsa.
John Portelli jagħdab kontra dan kollu mhux biss bil-passjoni ta’ l-intellettwali li ma jaħsilx idejh mir-responsabbiltajiet li għandu lejn uliedu u lejn is-soċjetà inġenerali imma anki bil-konvinzjoni infurmata u ffurmata ta’ filosfu u edukatur li l-għadab biss, dak li jifqa’ “l-għata / marida” (“Benninni”), dak li jheżżeż “ir-regħba / setgħana / li toħnoq / kull ħjiel / ta’ ħajja / ferħana” (“Ix-Xita”), għandu l-ħila jbiddel l-istatus quo u jsewwi l-inġustizzji individwali u strutturali. In-neoliberiżmu jipponta fuq il-kontroll tal-kollettiv permezz ta’ l-individwu (“hawn ħadd ma jista’ għalina,” “Dak in-Nhar”), fuq il-kontroll tal-ħsibijiet, ix-xewqat u l-istinti tiegħu, u għaldaqstant jibża’ li l-manipulazzjoni tiegħu tista’ taħrablu minn idejh u tittrasforma ruħha f’għadab kontra s-sistema. In-neoliberiżmu jrid il-kwiet; l-għadab (dak li ma jinxtarax, la bil-flus u lanqas biċ-ċejċa tal-poter) huwa l-għadu ewlieni tiegħu għax iqalleb l-ilma qiegħed u l-ftit li jkunu fuq jissugraw li jispiċċaw isfel, bħall-maġġoranza.
Għalhekk ir-riċetta tal-president Amerikan lill-poplu maħsud tiegħu wara l-atti terroristiċi tal-ħdax ta’ Settembru, 2001, kienet ixtri u insa, biex ir-rota tibqa’ ddur u ma jinbidel xejn:
U Bush mingħajr tlaqliq
ħeġġiġhom
biex ikomplu jixtru u jbigħu
bħas-soltu
għax hawn
ħadd ma jhedded
ix-xeltiet tan-neoliberiżmu.
“Dak in-Nhar”
Il-bejgħ, ix-xiri u l-gwerra jimxu id f’id. Għax f’idejn dawk li għandhom il-poter, il-gwerra hija mezz ta’ kontroll, konferma u tisħiħ tal-poter morali u politiku, u għalhekk ekonomiku, tagħhom (bħal fil-gwerra ta’ l-Iżrael kontra l-Libanu fis-sajf ta’ l-2006 li tissemma f’“Iż-Żwieġ,” “Maqbuda” u l-ħajku nru. 82). Din hija gwerra maħsuba, ikkalkulata, razzjonalizzata. Il-gwerra li jibża’ minnha n-neoliberiżmu hija dik li tinbet, bla kontroll, fi ħdanu, kontrih u kontra l-interessi tiegħu. U din il-gwerra hija sikwit riżultat ta’ moħħ li jimraħ, bħalma jagħmel Portelli f’“Jimraħ il-Moħħ,” għax spirtu verament ħieles jibqa’ jistaqsi sakemm isib tweġiba konvinċenti, u jekk iħoss il-ħtieġa qalila li jiżbroffa “mir-rassa” ebda kliem ħelu mhu se jrażżnu.
Il-poeta jagħdab ukoll, ngħidu aħna f’ħajku nru. 53, kontra l-prepotenza tal-bnedmin ma’ ħlejjaq oħrajn tan-natura:
jillitikaw
ħajjet il-bumerin:
miżbla demmija.
Ir-rabja tiegħu donnha tinsab kollha fil-kelma “miżbla,” għax minkejja d-dibattiti mqanqla dwar il-kaċċa, il-massakru (diżgustanti) tal-bumerin ikompli. Għax din il-prepotenza kontra ħlejjaq l-oħrajn jidher li mhix ħlief varjazzjoni fuq it-tema rikorrenti tan-natura prepotenti tal-bnedmin.
Il-Prepotenza tal-Poter
Katina b’saħħitha ta’ tliet ħajki (76-78, u magħhom ħajki nru. 87 u 91) taqbad it-tema ta’ l-edukazzjoni formali li ma tidhirx fil-poeżiji ta’ l-ewwel taqsima tal-ktieb. Il-kritika tal-poeta kontra l-iskola hija ħarxa u bla kantunieri: l-“għalliema bierda” jitterrorizzaw lill-istudenti u t-tagħlim jibda biss fis-sajf meta t-tfal jeħilsu mill-klassi u l-ispirtu tagħhom jista’ jimraħ. Portelli jixli lis-sistema edukattiva li qed ixxekkel l-edukazzjoni “naturali” ta’ l-istudenti – nifhmu li kważi kważi mingħajr l-iskola t-tfal imorru ħafna aħjar, għax is-sistema toqtol l-ħeġġa u l-kurżità mitwielda fihom. Meta l-għalliema jsibu ruħhom waħedhom jiżvugaw l-enerġija distruttiva tagħhom f’xulxin u bejniethom “jiffermenta / l-antagoniżmu.” Fil-metafori tat-terroriżmu u l-fermentazzjoni hemm ħjiel ċar tar-rabja kollha mhux biss ta’ poeta u missier imma anki ta’ professur tal-filosofija ta’ l-edukazzjoni li konxjament qed jixli b’falliment traġiku lill-professjoni tiegħu stess.
F’“Bla Tmiem” Portelli jara t-traġedji ta’ “Dal-marċ funebri / ma jispiċċa qatt” tal-klandestini fil-baħar Mediterran u f’ibħra oħrajn bħala tort ta’ l-“ingann tas-setgħana,” dawk li bin-narrattiva falza tagħhom fir-realtà dominanti tal-konsum u fuq il-mezzi tax-xandir iddominati minn ftit korporazzjonijiet u individwi, li ffabrikaw dinja konvenjenti li fil-fatt ma teżistix ħlief għalihom. Is-setgħana huma wkoll dawk li jabbużaw mill-poter kbir jew ċkejken tagħhom biex jistagħnew minn fuq dahar it-traġedji tal-vittmi tas-sistemi inġusti fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin u dawk bejn il-pajjiżi.
Bħal fil-poeżija ta’ Karl Schembri “Biljett Miftuħ,” Portelli joħlom b’“pajjiżi mingħajr fruntieri” fejn l-ispirtu u l-moħħ, imma anki l-ġisem (għax inkella tkun biss illużjoni) huma liberi (“Xewqat”). Wara kollox l-għasafar huma “emigranti” dejjiema u l-bagalji tagħhom dejjem vojta (ħajku nru. 15). Però jeżistu wkoll “fruntieri mingħajr pajjiżi,” dawk li jinbnew bejn il-bnedmin fir-rapporti ta’ bejniethom, u dawk li jinbnew fi spazji, bħall-baħar Mediterran, jew fiċ-ċentri ta’ detenzjoni għall-immigranti, jew Guantanamo, fejn suppost mhemmx fruntieri. Għalhekk il-ħajku nru. 16 jikkummenta b’ironija dwar l-għasafar “klandestini” li ħarbu “bla viżi u passaporti,” ħaġa li l-bnedmin, li nippretendu li huma ħlejjaq “superjuri,” ma jisgħux jagħmlu.
Anki l-libertà tal-kelma hija magħluqa wara ħitan inviżibbli imma reali għax, minkejja l-mantra tal-libertà li suppost igawdu, dawk il-bnedmin li m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex igawdu din il-libertà m’għandhomx dritt għaliha. Is-sistema, li minn barra tidher miftuħa u ugwali (għax hekk jgħidulna), taġevola lil min hu b’saħħtu u xxekkel lil min hu dgħajjef. U għalhekk, bħal fil-każ ta’ l-immigrazzjoni klandestina u l-qerda salvaġġa ta’ l-ambjent (“Kollox Bħal Dari?” u ħajku nru. 53) il-vittmi u dawk li l-inqas igawdu huma wkoll dawk li l-inqas għandhom ċans jiftħu ħalqhom u jinstemgħu.
V Formation
F’din il-ħajja diffiċli li fiha jseħħu affarijiet inspjegabbli u fejn il-ħolm jibqa’ “fieragħ / jissielet għall-ftehim,” il-poeta, bħal f’“Nofs Qamar,” irid xorta waħda jipprova jifhem x’inhu s-sens ta’ l-eżistenza. It-tweġiba għal John Portelli jidher li tinsab fil-“Kreattività,” fil-ftehim bejn il-bnedmin u l-armonija man-natura, u fl-imħabba li minflok issir tebgħa fuq il-ħoġor ta’ l-imgħoddi, tibqa’ tirreżisti.
Il-poeta jinħakem mill-enerġija ħallieqa tax-xmara tbaqbaq u l-bżieżaq “jiżfnu / valz Messikan” (ħajku nru. 28) u mis-sens ta’ komunità u armonija tal-
papri ħabrieka
itiru V formation
kedd il-ħarifa
(ħajku nru. 23)
L-għasafar ibiddlu l-pożizzjonijiet tagħhom f’din il-formazzjoni b’mod regolari biex l-għeja tat-tajran tinfirex indaqs fuq l-għasafar kollha. U b’dan il-mod iserrħu lil xulxin u fl-istess ħin jibqgħu mexjin ’il quddiem.
Dr. Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Tkellem f’bosta konferenzi fl-Ewropa, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u Puerto Rico. Ippubblika l-poeżiji tiegħu f’Malta u f’bosta pajjiżi. http://www.adriangrima.com