Walid Nabhan, Lura d-Dar

Arkiklu fil-gazzetta Illum u diskors fit-tnedija tal-ktieb

Il-Lingwa Mxattra tal-Letteratura

Adrian Grima | Ippubblikata fil-gazzetta Illum

Walid Nabhan, Lura d-Dar, u ġrajjiet oħra li ma ġrawx (Klabb Kotba Maltin, 2009). 92 paġna, €7

Dawn in-novelli b’nisġa kumplessa ta’ psikoloġija, filosofija u politika u ta’ karattri li ma jinsewx – għax ma jistgħux u ma jridux – jistabbilixxu lil Walid Nabhan, Palestinjan imwieled il-Ġordan u llum ċittadin Malti, bħala wieħed mill-awturi l-aktar awtentiċi tal-letteratura Maltija l-ġdida. Nabhan jirrakkonta l-istejjer tiegħu b’intensità emottiva u fl-istess ħin b’ironija, bi stqarrijiet qosra qishom daqqiet u b’ripetizzjonijiet kultant twal u retoriċi. Jirrakkonta stejjer, bħal “Lura d-Dar fir-Ritratt ma’ Bin Laden,” li jqallbulek il-lejl ta’ taħt fuq, għax taf li mhumiex stejjer.

Kultant donnu jersaq lejn il-Malti mill-ġenb, u l-lingwa jxattarha. Iżda l-lingwa tiegħu hija qabelxejn lingwa letterarja, kostruzzjoni tiegħu li għandha l-pedamenti tagħha fl-idjoma attwali imma li jkollha tiffaċċja t-trasformazzjonijiet tal-awtur li kontinwament ifittex il-kelma, il-frażi, ir-ritmu, it-ton, is-sintassi li tesprimi, jew imqar tersaq viċin ħafna li tesprimi dak li jixtieq jesprimi.

Id-dimensjoni l-oħra tal-kitba ta’ Walid Nabhan li tolqot lili hija l-mod kif juża l-metafora, speċjalment fuq medda ta’ paġni, b’mod li jispostja l-idjoma attwali u l-lingwa letterarja stabbilita. Ngħidu aħna, it-tarf tal-miġemgħa nies miġburin madwar il-qabar ta’ Toni fejn hemm Marisa isir it-tarf tad-dinja li bena Toni fi 28 sena. Bejn it-tarf tal-miġemgħa u t-tarf tad-dinja hemm biss virgola. U għalhekk it-trasformazzjoni sseħħ f’tebqa’ t’għajn imma l-effett tagħha jibqa’ qisu seħer fuq l-istorja. Fejn tidħol il-metafora, l-effett li joħloq Walid Nabhan, ġieli permezz tar-ripetizzjoni, huwa iktar qawwi, iktar fit-tul, iktar fundamentali minn dak ta’ bosta strateġiji letterarji oħra.

Meta lesta l-ewwel abbozz ta’ dan il-ktieb, naħseb għall-ħabta ta’ Ottubru tal-2008, it-titlu kien

IL-ĦOFRA

u ġrajjiet oħra li ma ġrawx

“Il-Ħofra” kienet referenza għall-isem tal-ewwel novella, li wara saret “Għadni Ġej minn Hemm,” isem u novella li fil-fatt jirrappreżentaw tajjeb waħda mill-metafori ewlenin tal-ktieb. Toni, Marisa u Emad jiltaqgħu minħabba l-vojt li hemm ġo fihom, jew saħansitra permezz ta’ dak il-vojt. Marisa u Toni trabbew mingħajr familja tradizzjonali f’istitut u Emad kellu jitbiegħed mill-familja tradizzjonali tiegħu minħabba ċ-ċirkostanzi storiċi li sab ruħu fihom. L-ewwel darba li tissemma, il-ħofra hija dik li jniżżlu lil Toni fiha, dik li ma joħroġ minnha ħadd. Imma fis-sentenza ta’ wara n-narratur Emad jestendi mill-ewwel ix-xbieha tal-ħofra għall-qagħda ta’ Toni wara t-tradiment ta’ Marisa, “il-ħofra li għamlitlu f’ħajtu” li “kienet ħafna akbar” u “ħafna aktar mudlama” minn dik li fiha niżżlu lil ġismu; il-ħofra li ħaffritlu Marisa kienet “il-ħin kollu tespandi u titwessa’,” “l-unika ħaġa li aktar ma tieħu minnha aktar tikber.”

Nieħdu l-impressjoni li bħall-ħofra psikoloġika u emozzjonali dejjem tikber ta’ Toni, għal Walid Nabhan, il-memorja u r-rakkont, dawn in-novelli nfushom, huma ħofra li dejjem tespandi, għax “hu u jipprova jifhem xi ġralu, kien qed iwessa’ l-ħofra tiegħu stess mingħajr ma kien konxju x’inhu jagħmel.” F’xena oħra sintomatika tal-proċess ta’ tbattil tal-memorja, Emad jibqa’ ossessjonat bil-mument li fih oħtu Fajruż, fl-ajruport ta’ Amman, tara lilu jinbela’ għal dejjem mit-taraġ mekkanizzat tal-istorja.

L-iktar element li jittikani f’dawn in-novelli  huwa r-rappreżentazzjoni sterjotipika tan-nisa, dawk li għandhom “ċippa għall-biki,” dawk li jew jittradixxu, għax ifittxu l-interessi tagħhom, jew iħobbu bla kundizzjonijiet, għax tal-familja, imma aktarx jidhru psikoloġikament dgħajfa.

Imma jibqa’ l-fatt li Walid Nabhan huwa vuċi awtentika ewlenija fil-letteratura postkolonjali Maltija għax jirrakkonta minn pożizzjoni mhux tas-soltu, minn barra, imma bil-lingwa, bl-idjoma, ta’ ġewwa, bħalma qed jagħmlu bosta kittieba immigranti fl-Italja, bħal Hamid Ziarati ta’ Il meccanico delle rose, imwieled l-Iran, u Tahar Lamri ta’ I sessanta nomi dell’amore, imwieled l-Alġerija. Il-perspettiva ta’ Walid Nabhan hija dik ta’ barrani li mhux barrani, ta’ wieħed ta’ ġewwa li mhuwiex għal kollox ta’ ġewwa; huwa rakkont minn barra u fl-istess ħin minn ġewwa.

Għalija Walid Nabhan, wieħed mill-kittieba ewlenin tal-ġenerazzjoni l-ġdida, huwa ta’ ġewwa.


Blurb Adrian Grima

Dawn ir-rakkonti huma bħal dak l-aħdar rari li tarah fil-bidu tar-rebbiegħa, liriċi u aggressivi. Jirrakkontaw l-assurdità donnha inevitabbli tan-natura umana, bl-istaġuni konfużi tagħha, bis-seħer li tnissel fina u l-biża’ li ma jħalliniex norqdu. Walid Nabhan huwa l-osservatur u l-protagonista fl-istess ħin, il-manipulatur u l-vittma tal-istorja. Fl-isfond tar-realtajiet kulturali, politiċi u medjatiċi mqallba tas-seklu 20 u 21 jinseġ relazzjonijiet ta’ mħabba u vjaġġi personali ta’ skoperta u telfien, u jaqla’ memorji mqalfta li fihom naraw anki lilna nfusna. Nabhan jirrakkonta bil-ħeffa ta’ narratur mitwieled li qed jixxala bil-bidu tar-rebbiegħa u bl-onestà ta’ waħda mill-vuċijiet ewlenin tal-letteratura Maltija l-ġdida.

Is-Sibt, 11 ta’ April, 2009

Dawn ir-rakkonti huma bħal dak l-aħdar rari li tarah fil-bidu tar-rebbiegħa. Walid Nabhan huwa l-osservatur u l-protagonista fl-istess ħin, il-manipulatur u l-vittma tal-istorja. Jirrakkonta relazzjonijiet ta’ mħabba u vjaġġi personali ta’ skoperta u telfien fl-isfond tar-realtajiet imqallba tas-seklu 21. Nabhan jirrakkonta bil-ħeffa ta’ narratur mitwieled li qed jixxala bil-bidu tar-rebbiegħa u bil-ħila maħduma u bl-onestà ta’ waħda mill-vuċijiet ewlenin tal-letteratura Maltija l-ġdida.

Adrian Grima

L-Ispjegazzjoni fit-Tarf u stejjer oħra                  

Adrian Grima dwar in-novelli ta’ Walid Nabhan

Il-Ħamis, 5 ta’ Novembru, 2009

Il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta

Dawn in-novelli b’nisġa kumplessa ta’ psikoloġija, filosofija u politika u ta’ karattri li ma jinsewx, għax ma jistgħux u ma jridux, jistabbilixxu lil Walid Nabhan bħala wieħed mill-awturi l-aktar awtentiċi tal-letteratura Maltija l-ġdida. Nabhan jirrakkonta l-istejjer tiegħu b’intensità emottiva u fl-istess ħin b’ironija, bi stqarrijiet qosra qishom daqqiet u b’ripetizzjoni kultant twal u retoriċi. Kultant donnu jersaq lejn il-Malti mill-ġenb, u l-lingwa jxattarha. Iżda l-lingwa tiegħu hija qabelxejn lingwa letterarja, kostruzzjoni tiegħu li għandha l-pedamenti tagħha fl-idjoma attwali imma li jkollha tiffaċċja t-trasformazzjonijiet tal-awtur li kontinwament ifittex il-kelma, il-frażi, ir-ritmu, it-ton, is-sintassi li tesprimi, jew imqar tersaq viċin ħafna li tesprimi dak li jixtieq jesprimi.

Id-dimensjoni l-oħra tal-kitba ta’ Walid Nabhan li tolqot lili hija l-mod kif juża l-metafora, speċjalment fuq medda ta’ paġni, b’mod li jispostja l-idjoma attwali u l-lingwa letterarja stabbilita. Ngħidu aħna, it-tarf tal-miġemgħa nies miġburin madwar il-qabar ta’ Toni fejn hemm Marisa isir it-tarf tad-dinja li bena Toni fi 28 sena. Bejn it-tarf tal-miġemgħa u t-tarf tad-dinja hemm biss virgola. U għalhekk it-trasformazzjoni sseħħ f’tebqa’ t’għajna imma l-effett tagħha jibqa’ qisu seħer fuq l-istorja. Fejn tidħol il-metafora, l-effett li joħloq Walid Nabhan, ġieli permezz tar-ripetizzjoni, huwa iktar qawwi, iktar fit-tul, iktar fundamentali minn dak ta’ bosta strateġiji letterarji oħra.

Meta lesta l-ewwel abbozz ta’ dan il-ktieb, naħseb għall-ħabta ta’ Ottubru tal-2008, it-titlu kien

IL-ĦOFRA

u ġrajjiet oħra li ma ġrawx

“Il-Ħofra” kienet referenza għall-isem tal-ewwel novella, li wara saret “Għadni Ġej minn Hemm,” isem u novella li fil-fatt jirrappreżentaw tajjeb waħda mill-metafori ewlenin tal-ktieb. Toni, Marisa u Emad jiltaqgħu minħabba l-vojt li hemm ġo fihom, jew saħansitra permezz ta’ dak il-vojt. Marisa u Toni trabbew mingħajr familja tradizzjoni f’istitut u Emad kellu jitbiegħed mill-familja tradizzjonali tiegħu minħabba ċ-ċirkostanzi storiċi li sab ruħu fihom. L-ewwel darba li tissemma, il-ħofra hija dik li jniżżlu lil Toni fiha, dik li ma joħroġ minnha ħadd. Imma fis-sentenza ta’ wara in-narratur Emad jestendi mill-ewwel ix-xbieha tal-ħofra għall-qagħda ta’ Toni wara t-tradiment ta’ Marisa, “il-ħofra li għamlitlu f’ħajtu” li “kienet ħafna akbar” u “ħafna aktar mudlama” minn dik li fiha niżżlu lil ġismu; il-ħofra li ħaffritlu Marisa kienet “il-ħin kollu tespandi u titwessa’,” “l-unika ħaġa li aktar ma tieħu minnha aktar tikber.”[1] Nieħdu l-impressjoni li bħall-ħofra psikoloġika u emozzjonali dejjem tikber ta’ Toni, għal Walid Nabhan, il-memorja u r-rakkont, dawn in-novelli nfushom, huma ħofra li dejjem tespandi, għax “hu u jipprova jifhem xi ġralu, kien qed iwessa’ l-ħofra tiegħu stess mingħajr ma kien konxju x’inhu jagħmel.” F’xena oħra sintomatika tal-proċess ta’ tbattil tal-memorja, Emad jibqa’ ossessjonat bil-mument li fih oħtu Fajruż, fl-ajruport ta’ Amman, tara lilu jinbela’ għal dejjem mit-taraġ mekkanizzat tal-istorja.[2]  Emad jistqarr, u fih Walid Nabhan, li kull meta jdawwar l-istorja f’rasu jaqbdu sturdament,[3] elaborazzjoni mhux mistennija tal-figura tal-ħofra, iżda elaborazzjoni koerenti, għax l-isturdament, id-diżorjentament huwa tip ta’ ħofra, varjazzjoni fuq it-tema tal-vojt. Nabhan ikompli jesplora l-esperjenza tal-vojt meta d-direttur tal-laboratorju tal-isptar ġenerali f’Malta jsir jaf li hu Palestinjan u Emad, u sħabu l-Maltin miegħu, ikun irid l-art tibilgħu, jgħib fix-xejn tad-distanza li ma tistax tinqata’ bejn storja u oħra.[4] Il-memorja u r-rakkont isiru ħofra dejjem tikber għax ma’ kull persuna li tħobb li tniżżel fil-“ħofra eterna” “tpoġġi parti minnek innifsek sakemm fl-aħħar ma jibqagħlek xejn aktar xi tpoġġi ħlief il-qoxra ta’ barra.”[5] U għalhekk paradossalment, il-kitba ta’ dawn in-novelli donnha timplika proċess kostanti ta’ żvujtar, ta’ tbattil. “L-unika ħofra li taf tibla’ l-ħofor kollha” nafu liem’hi. U forsi għalhekk donnha l-esperjenza tal-kitba tqarreb lill-awturi, jew ċerti awturi, lejn l-esperjenza tal-vojt aħħari.[6] Il-wiċċ l-ieħor tal-ħofra huwa l-ingombru tal-ħsibijiet, u allura tas-sens ta’ ħtija.[7] Il-memorji, l-istejjer huma mimlijin ħtijiet. “Il-mejtin x’jagħmlu bit-tifkiriet” jistaqsi Emad fl-aħħar tar-rakkont li jiftaħ ir-rakkonti l-oħra kollha beraħ quddiemna. “Ħafna mejtin kulma jkunu jridu ftit spjegazzjoni, u l-ispjegazzjoni hemm qiegħda, fit-tarf.”[8] Anki l-kuntentizza hija vojt, għax meta Emad, Marisa u Toni kienu iżgħar fl-età, “il-vojt kien is-sigriet tal-ferħ kollu li kellna.”

Naħseb li l-metafora tal-ħofra u l-mod kif jiżviluppaha tul l-ewwel rakkont ta’ din il-ġabra jagħti ħjiel tajjeb ta’ waħda mill-istrateġiji narrattivi l-aktar speċjali ta’ din il-ġabra. Imma hemm ħafna oħrajn, fosthom il-ħafna varjazzjonijiet tal-għodda retorika tar-ripetizzjoni, bħalma rajna fil-każ tat-trasformazzjoni tal-figura tat-“tarf” fl-ispazju ta’ żewġ kelmiet, u l-versatilità fl-użu tas-sintassi, bħal meta jikteb: “Iżda dik l-għaxija ma tfaċċa ħadd minn wara x-xejn u baqgħet il-purtiera tas-skiet ċassa daqs l-għajnejn mitfija ta’ Toni.”[9]

Aktarx l-iktar element li jittikani f’dawn in-novelli – u hawnhekk Walid diġà qed jitbissem – huwa r-rappreżentazzjoni sterjotipika tan-nisa, dawk li għandhom ċippa għall-biki, dawk li jew jittradixxu, għax ifittxu l-interessi tagħhom, jew iħobbu bla kundizzjonijiet, għax tal-familja, imma aktarx jidhru psikoloġikament dgħajfa.

Walid Nabhan huwa vuċi awtentika ewlenija fil-letteratura postkolonjali Maltija għax jirrakkonta minn pożizzjoni mhux tas-soltu, minn barra, imma bil-lingwa, bl-idjoma, ta’ ġewwa, bħalma qed jagħmlu bosta kittieba immigranti fl-Italja, bħal Hamid Ziarat ta’ Il meccanico delle rose, imwieled l-Iran, u Tahar Lamri ta’ I sessanta nomi dell’amore, imwieled l-Alġerija. In-novella “Għadni Ġej minn Hemm” jirrakkontaha Ġordaniż li jgħix Malta, li malajr jiskopri li hu mhuwiex individwu imma “razza, fil-każ tiegħi razza maħmuġa u mhux kapaċi u injoranta u ħalliela u ma tistax tara mara.”[10] In-narratur jassumi, bħalma jagħmel f’novella oħra jisimha Wiċċ Jitbandal f’Wiċċ l-Ilma,” li l-qarrejja tiegħu, inevitabbilment Maltin, jafu fejn hu Erbed, li jifhmu l-ġrajjiet kumplessi tal-Ġordan u l-Iżrael, li jifhmu x’jiġifieri twaddab ġebla fuq “okkupant Lhudi f’Nażaret.” Il-perspettiva ta’ Walid Nabhan hija dik ta’ barrani li mhux barrani, ta’ wieħed ta’ ġewwa li mhuwiex għal kollox ta’ ġewwa; huwa rakkont minn barra u fl-istess ħin minn ġewwa. Għalija Walid Nabhan, wieħed mill-kittieba ewlenin tal-ġenerazzjoni l-ġdida, u l-istejjer straordinarji tiegħu, huwa ta’ ġewwa.


[1] Nabhan 10.

[2] Nabhan 15.

[3] Nabhan 10.

[4] Nabhan 13.

[5] Nabhan 11.

[6] Nabhan 12.

[7] Nabhan 15.

[8] Nabhan 21.

[9] Nabhan 19.

[10] Nabhan 13.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s