Il-Linja l-Ħadra, jew il-Konfini tar-Rakkont Tagħna

Diskors fit-tnedija u daħla ppubblikata fil-ġabra ta’ novelli ta’ Clare Azzopardi, Il-Linja l-Ħadra (Merlin, 2006)

Diskors waqt it-tnedija ta’ Il-Linja l-Ħadra

Dr Adrian Grima

Il-Linja l-Ħadra huwa xogħol straordinarju. 

Clare Azzopardi qed tikteb il-lingwa letterarja bil-Malti mill-ġdid. U proprju għaliex il-letteratura Maltija tafha sew, u tirrispettaha u tħobbha, ix-xogħlijiet tagħha mhumiex riproduzzjoni ta’ l-aħjar kitbiet li għandna, jew ritorn lejn letteratura li għadda żmienha mitt sena ilu, imma kontribut intelliġenti u frisk, minkejja li jista’ jidher irreverenti. Ma tirrispettax tradizzjoni billi tikkupjaha; tirrispettaha billi tagħniha b’xogħol ġdid li, għax ġdid, jagħti ġieħ ukoll lil dak li nkiteb qabel.

Stilistikament u tematikament dawn in-novelli huma mnebbħin minn osservazzjoni metikoluża ta’ dak li ngħaddu minnu ġo fina u dak li qed iseħħ madwarna. Imma s-suċċess ta’ dawn in-novelli huwa wkoll riżultat tal-qari klubi, biex nuża espressjoni ta’ Trevor Żahra, ta’ l-awtriċi: taqra letteratura bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan; milli jidher anki bl-Iskoċċiż issa. 

Dan l-aħħar, fuq xogħol ta’ Inizjamed, attendejt il-Festival Letterarju prestiġjuż ta’ Galway fl-Irlanda, u n-novella “Il-Linja l-Ħadra” ta’ Clare Azzopardi kienet hemm, fl-antoloġija tal-Festival, fost ix-xogħlijiet ta’ wħud mill-ismijiet il-kbar tal-letteratura internazzjonali kontemporanja.  

Għax dawn huma novelli li jitkellmu l-lingwa letterarja kontemporanja. Ir-rakkonti ta’ Il-Linja l-Ħadra setgħu nkitbu minn esponenti ewlenin tan-novelli fl-aqwa ċentri letterarji barra minn Malta. Forsi għall-ewwel darba fl-istorja letterarja tagħna, awturi bħal Clare Azzopardi, bid-determinazzjoni u kultant ir-ras iebsa meħtieġa ta’ min għandu l-ħila u l-intwizzjoni t-tajba, mexjin pass pass ma’ dak li qed jiġri barra mingħajr ma ninfatmu mil-lingwa jew mir-realtajiet partikulari tal-ħajja ta’ kuljum f’Malta. 

Clare Azzopardi tfassal in-novelli tagħha bil-kreattività u r-reqqa ta’ dawk li jieħdu s-sengħa tagħhom b’serjetà kbira. Imma aħna li qed naqraw aktarx li ma nħossu xejn minn din il-metikolożità; anzi, jaf ikun hemm min jieħu l-impressjoni għal kollox żbaljata li dawn in-novelli kapaċi jiktibhom kulħadd. Il-ktieb li nittama li għandkom f’idejkom huwa r-riżultat ta’ snin ta’ xogħol. Dan huwa t-tip ta’ reqqa u umiltà li teħtieġ il-letteratura Maltija għax għandna wisq xogħlijiet letterarji medjokri li ssib min jitkellem fuqhom bħallikieku kienu kapulavuri ta’ Garcia Marquez jew Zadie Smith.

Stilistikament, Clare Azzopardi tinseġ ir-rakkonti tagħha b’mod li jirriflettu l-kontenut ta’ l-istejjer u l-emozzjonijiet li qed tirrakkonta: 

  • In-nota abbandunata f’nofs il-paġna fin-novella “Sodda ta’ l-Ilma” tfakkarna fis-solitudni u l-assurdità tal-karattri waħedhom mal-memorji diffiċli tagħhom. 
  • It-taqsimiet differenti fin-novella “Ir-raġel li waqagħlu l-mobile fil-loki” jirriflettu l-ħajjiet differenti fit-tliet flattijiet fejn jgħixu l-protagonisti. 
  • L-alternanza bejn is-siltiet mingħajr punteġġjatura u s-siltiet ta’ djalogu jew deskrizzjoni f’”Jien ix-Xhud” tirrifletti d-dimensjonijiet differenti li hemm fir-rakkont.
  • F’“/No adjective describe story/,” novella li kelli l-opportunità nitkellem fuqha f’konferenza f’Londra dwar l-Ewropa bħala Fortizza, il-varjetà ta’ lingwaġġi u reġistri tirrifletti karattri, aspirazzjonijiet, kulturi, u ambjenti differenti. Din hija novella dwar il-prekarjetà tal-ħajja klandestina ta’ Adiam, il-familja tagħha u refuġjati oħra, imma hija wkoll novella, fost ħafna affarijiet oħra, dwar l-inkapaċità tal-lingwa li tesprimi l-esperjenzi l-aktar profondi u trawmatiċi tagħna, anki dawk ta’ Rachel u Ruth, in-narratriċi nnifisha. Id-diskors ta’ Adiam, kif tiftakru/tirrakkontah Ruth, huwa mqatta’ biċċiet, bħall-ħajja u l-familja tagħha, u mimli vojt u mistoqsijiet. Adiam u l-ħbieb Maltin li jwasslulna l-istorja tagħha b’sensittività u onestà jridu jitħabtu ma’ lingwa mfarrka biex jikkomunikaw bejniethom għax hija l-unika lingwa li jistgħu jinqdew biha fiċ-ċirkostanzi tagħhom, imma minkejja d-distanzi kulturali u lingwistiċi ta’ bejniethom, jirnexxilhom jifhmu u jfarrġu ’l xulxin.
  • Il-kobba ta’ karattri u vuċijiet differenti f’“Jelly Babies” tirrifletti x-xibka kumplessa ta’ persuni qed jissindikaw lil xulxin u ta’ stejjer li jidħlu waħda fl-oħra.
  • Il-waqfiet fuq l-Underground ta’ Londra bejn Stepney Green u Victoria jservu bħala punti ta’ riferiment tematiku u strutturali għall-memorji u r-relazzjonijiet bejn il-protagonista bla isem tar-rakkont “Il-Linja l-Ħadra” u l-karattri l-oħra, kemm ħutha li huma preżenti fl-istorja kif ukoll il-karattri li jissemmew biss imma huma preżenti daqs jew ġieli iktar minn ħutha. Is-sovrapożizzjoni jew l-overlap bejn id-djalogi li jseħħu f’moħħ il-protagonista u dak li fil-fatt jintqal jirrifletti s-sehem kruċjali tal-memorja fl-overlap bejn in-narrazzjoni u r-realtà.
  • Eżempji bħal dawn hemm kemm trid għax il-qbil bejn l-istil tan-narrazzjoni u l-ġrajjiet irrakkontati jinsab fil-qalba ta’ l-istrateġija narrattiva ta’ Clare Azzopardi.

Il-lingwa kultant vjolenti ta’ dawn in-novelli tirrifletti l-lingwa u l-istejjer li Clare Azzopardi tisma’ u tara ta’ kuljum madwarha. Hija lingwa ta’ ħafna letteratura kontemporanja internazzjonali li tħoss il-ħtieġa li tirrakkonta stejjer diffiċli u kultant traġiċi mingħajr il-melodrammatiċità jew ir-romantiċiżmu li kapaċi jinstema’ barra minn loku jew falz. Mhux kulmin jinqeda b’lingwa qawwija simili għal dik li nsibu f’Il-Linja l-Ħadra jirrakkonta l-ġrajjiet u l-esperjenzi importanti li tirrakkonta Clare Azzopardi b’ħila, imma wkoll b’impenn u b’kuraġġ. Minkejja t-tiġdid kbir li seħħ fil-letteratura tagħna wara l-Indipendenza, għadd ta’ kittieba, u aktarx anki numru kbir ta’ qarrejja, għad għandhom idea romantika fissa tal-lingwa letterarja Maltija. Din hija pożizzjoni konservattiva stramba meta tqis li tant kittieba u qarrejja Maltin għandhom kuntatt ħaj u kontinwu ma’ letteraturi li fihom dawn l-ideat fissi li jxekklu t-tiġdid u jsaħħu l-illużjonijiet ilhom li twarrbu żmien. 

Fil-lingwa deċiża u aggressiva ta’ Azzopardi hemm ukoll ħjiel ta’ rabja kontra l-monopolji tal-ħsieb, kontra l-preġudizzji, kontra komunità li toħnoq bl-iskuża li trid tikkontrolla. F’ħafna mill-karattri hemm rabja kontra tfulija misruqa, kontra razziżmu mifrux, kontra inġustizzji ċari, kontra kultura macho li ma tirrikonoxxix il-prepotenza tagħha. Albert Gatt jara r-rabja bħala l-karatteristika ewlenija ta’ għadd ta’ karattri f’dawn ir-rakkonti, kemm jekk ġejja, bħal fil-każ ta’ Gordon, mill-imġiba vjolenti u abbużiva tal-kbar, u kemm jekk hija riżultat tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni u ftehim fil-konverżazzjonijiet frammentati li twasslilna n-narratriċi tar-rakkont “Il-Linja l-Ħadra.”

Clare Azzopardi kapaċi tirrakkonta l-istejjer komuni tagħha b’ħila straordinarja, u dan huwa s-sigriet ewlieni tas-suċċess ta’ dan il-ktieb. Tirrakkonta b’mod li ħafna mill-karattri u l-mumenti li toħloq jibqgħu mwaħħlin f’moħħok. U nibqa’ naħseb fuq il-mod kif stejjer individwali jintrabtu ma’ l-istejjer tagħna bħala komunità, bit-tensjonijiet kollha li l-ħajja inevitabbilment iġġib magħha. Ngħidu aħna, meta Gordon Grech, fin-novella “Rasi ġo l-Ilma,” iħarrab lil għadd ta’ immigranti minn ċentru ta’ detenzjoni, ma jidhirx li jagħmilha għal raġunijiet ideoloġiċi imma għax iħoss għal min jinsab maqful, bħalma kienu maqfula u maħqura minn missieru hu u oħtu Kristi. Il-ħarba jfassalha wara li jsib ruħu fil-pożizzjoni ta’ min għax b’saħħtu u armat jaħqar lil min ma jistax jiddefendi ruħu – u jiddeċiedi li ma jridx isir bħal missieru, ma jridx jgħaddas ras in-nies taħt l-ilma u jaqtagħhom minn ġewwa. Hemm ukoll ħjiel ta’ sfida fl-att sovversiv tiegħu, ta’ sfida kontra sitwazzjoni perversa li xebbgħetu u li ħolqitha soċjetà li tittratta lil ċerti individwi bħalma missieru kien jittratta lilu u lil oħtu. Fil-mument tal-prova, jirbaħ fuqu l-ispirtu determinat u ribell ta’ ommu Joyce, l-idolu tiegħu u l-unika persuna li kien jitwerwer minnha missieru Djego Grech. 

Mument ieħor li jibqa’ inevitabbilment f’moħħi huwa meta l-protagonista ta’ “Il-Linja l-Ħadra” tirrakkonta djalogu ma’ ommha dwar żewġ membri tal-familja tagħhom li huma lesbjani. Ommha ma tridx tammetti li teżisti din ir-realtà fil-familja tagħhom għax, għall-kuntrarju ta’ bintha, taraha bħala problema, U allura tiċħad, minkejja li bintha tinsisti: 

“Ma jistax ikun qed niżbalja.”

“Mhux importanti.”

“Allura jien miniex importanti?”

“Għandna biżżejjed problemi.”

“Imma din mhix problema…”

(“Il-Linja l-Ħadra”)

It-taqlib psikoloġiku u emozzjonali tal-protagonista ġej ukoll mill-fatt li l-ġenituri tagħha u ħutha jħalluha waħedha bil-mistoqsijiet u l-memorji li jitturmentawha, u juruha li la huma lesti jagħrfu d-diffikultajiet tagħhom u lanqas tagħha.

Kumment ta’ l-aħħar: 

Ħafna mill-aspetti tal-produzzjoni mill-aqwa ta’ dan il-ktieb jirriflettu l-ansjetajiet u l-emozzjonijiet li hemm ġo fih: il-passjoni, il-lingwaġġ qawwi, l-ismijiet kważi moħbija, l-irreverenza, is-serjetà tal-ġrajjiet, il-fraġilità tal-karattri u l-mumenti, il-fil tal-memorja li tiżloq minn idejna. Pierre Portelli, Clare Azzopardi, Chris Gruppetta u l-ħaddiema ta’ l-istamperija Gutenberg għamlu xogħol mill-aqwa li jagħmel ġieħ lil dawn l-istejjer u l-karattri li hemm jissaraw ġo fihom, u lil-letteratura Maltija. 

© Adrian Grima

Il-Ħamis, 6 ta’ Lulju 2006


Il-Linja l-Ħadra, jew il-Konfini tar-Rakkont Tagħna

Daħla ta’ Adrian Grima fil-ktieb Il-Linja l-Ħadra (Merlin 2006)

Dawn ta’ Clare Azzopardi huma stejjer komuni li jiġru lil nies komuni, imma huma wkoll minn dik il-kwalità ta’ stejjer li b’xi mod nibżgħu nirrakkontawhom li ma jmorrux jikkontaminawna bil-biżgħat, bl-inċertezzi, bil-ġibdiet u l-fantasiji moħbija tagħhom li nagħrfuhom minnufih u minnufih inwarrbuhom mid-diskors pubbliku tagħna.

2006

Stilistikament u tematikament (it-tnejn li huma qajla tista’ tifridhom minn xulxin) Il-Linja l-Ħadra huwa xogħol li jisfida l-konfini konvenjenti imma sikwit qarrieqa (għax mgħarrqa fl-illużjonijiet u l-miti) ta’ l-ideat tagħna dwar x’inhi l-letteratura u liema realtajiet għandha tistħarreġ. Clare Azzopardi tikteb dwar tfajliet u nisa, u kultant anki ġuvintur u rġiel, li għandhom ir-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom, u li mhuma se jħallu ’l ħadd jilgħab bihom; dwar tfajliet li għandhom relazzjoni onesta imma diffiċli ma’ ġisimhom, u dwar oħrajn li jaħsbu fuq is-sess fl-isfond tat-twissijiet tal-kbar, konfużi daqshom, li s-sess huwa dnub u lanqas għandek taħseb fuqu; dwar l-omosesswalità bħala tabù, għax jekk mara “tmur ma’ mara dnub triplu” (“Il-Linja l-Ħadra”), u forsi jekk raġel imur ma’ raġel dnub doppju; dwar persuni li qed jippruvaw jiffaċċjaw, u forsi jaċċettaw, il-mard fiżiku u mentali li m’għandhomx kontroll fuqu; dwar żgħażagħ li għandhom relazzjoni skwilibrata ma’ l-ikel u ħafna oħrajn li jħossuhom f’xifer eżistenza sfigurata; dwar żwiġijiet żbaljati u l-kultura li tippermettihom; dwar ħaddiema tal-Gvern, pulizija u suldati, ilkoll bl-istorja irrepetibbli tagħhom; dwar il-biża’ minn, u l-mibegħda għall-bnedmin ta’ razez u kulturi oħra u l-vjolenza li din inevitabbilment iġġib magħha; dwar l-isfruttament ta’ dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom, minn tfal żgħar fil-familji, għal adulti ddestinati li jkunu klandestini.

Ilħna differenti

Clare Azzopardi dejjem tagħtina vuċijiet u perspettivi differenti, u sikwit il-kumplessità tan-nisġiet tagħha tiddiżorjentana jew proprju tistordina, bħalma jistorduna l-ilħna differenti li jtambru ġo fina f’kull esperjenza importanti għalina. Dawn in-novelli jagħtuna l-opportunità li nagħrfu r-realtajiet differenti li ngħixu aħna jew li jgħixu ta’ madwarna. Hu u jirrifletti fuq l-istrateġija narrattiva f’dan ix-xogħol, it-traduttur ta’ dawn in-novelli għall-Ingliż, Albert Gatt, jgħid li “this refusal to ‘tell it straight’ is a crucial aspect of Azzopardi’s fiction. For these stories are seldom tellable as narratives from a single point of view.”[1] L-awtriċi ma tirrakkontax l-istejjer tagħha minn pożizzjonijiet differenti sempliċiment biex tiddefamiljarizza l-esperjenzi “komuni” li jinteressawha, imma l-aktar għax dawn il-vuċijiet u l-perspettivi differenti huma l-affarijiet li trid tirrakkonta. Il-mod kif tfassal l-istejjer u l-istejjer li tirrakkonta mhux biss jimxu id f’id imma tista’ tgħid ukoll li huma l-istess ħaġa. L-awtriċi Ingliża Zadie Smith tinsisti fuq l-importanza tan-nisġa f’kull rakkont: “I do very much believe in plot. Books without plot are meaningless to me because I think plot is the way that people understand their lives, and making narrative is the most human thing there is.[2] Il-bnedmin kontinwament jirrakkontaw għax iħossu l-bżonn li jifhmu u jagħtu forma lill-esperjenzi tagħhom. In-narrattiva, bħall-arti in ġenerali, tagħti forma lil realità perċettibbli permezz tal-kliem meta tqiegħed dak li mhux ċar jew dak li jidher li m’għandux forma f’disinn jew tifsila li kapaċi nifhmu.[3]

Din il-multipliċità ta’ ilħna u esperjenzi, li fiha sikwit naraw dak li Albert Gatt isejjaħlu “kunflitt bejn intenzjonijiet, vuċijiet, mottivi u prinċipji” differenti u kultant opposti, tinħass b’mod speċjali fir-rakkont straordinarju “/No adjective describe story/,” għax il-varjetà ta’ lingwaġġi u reġistri tirrifletti karattri, aspirazzjonijiet, kulturi, u ambjenti differenti. Din hija novella dwar il-prekarjetà tal-ħajja klandestina ta’ Adiam, il-familja tagħha u refuġjati oħra, imma hija wkoll novella, fost ħafna affarijiet oħra, dwar l-inkapaċità tal-lingwa li tesprimi l-esperjenzi l-aktar profondi u trawmatiċi tagħna, anki dawk ta’ Rachel u Ruth, in-narratriċi nnifisha. Id-diskors ta’ Adiam, kif tiftakru/tirrakkontah Ruth, huwa mqatta’ biċċiet, bħall-ħajja u l-familja tagħha, u mimli vojt u mistoqsijiet. Adiam u l-ħbieb Maltin li jwasslulna l-istorja tagħha b’sensittività u onestà jridu jitħabtu ma’ lingwa mfarrka biex jikkomunikaw bejniethom għax hija l-unika lingwa li jistgħu jinqdew biha fiċ-ċirkostanzi tagħhom, imma minkejja d-distanzi kulturali u lingwistiċi ta’ bejniethom, jirnexxilhom jifhmu u jfarrġu ’l xulxin. U Rachel tħossha ħafna iktar bħal Adiam milli bħall-istudenti Maltin l-oħra ta’ l-iskola tagħha, għax bħalma fil-bnedmin hemm wirt vertikali, dak li nirtu mingħand l-antenati tagħna, hemm ukoll wirt orizzontali, dak li niksbu mingħand ta’ madwarna, mill-kotba li naqraw, mit-televiżjoni li naraw, u kif jgħid Amin Maalouf, il-wirt orizzontali, bħal fil-każ tal-ħbiberija ta’ Rachel u Ruth ma’ Adiam, huwa importanti daqs il-wirt vertikali, bħal dak li naraw fir-relazzjoni ta’ Rachel ma’ missierha Ġorġ.

Minkejja d-diffikultajiet lingwistiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-karattri ta’ Clare Azzopardi u ta’ ħafna kittieba kontemporanji li qegħdin jippruvaw jirrakkontaw l-istejjer imbiċċra tagħhom, il-lingwa tibqa’ għodda importanti li permezz tagħha l-bnedmin jifhmu lilhom infushom u lil xulxin. “Language,” tgħid Parita Mukta, “evokes and produces membranes of connections and associations which bind one person to another and to the community.” Fejn tidħol il-ħila tal-lingwa li tirrakkonta l-bnedmin, id-differenza ewlenija bejn Adiam u l-karattri Maltin hija li Adiam lanqas tista’ tinqeda bil-lingwa tagħha. Fil-każ tagħha (u ta’ Rachel meta tmur tgħix l-Ingilterra) “to lose a language which evokes attachments is also a loss of a living connection; it is not that the new language is empty but it does not have the same resonances and it requires effort to connect the sounds to interiority and to relationships with others.”[4] F’dan is-sens hemm qtugħ li jmur lilhinn mill-esperjenza tal-bnedmin kollha li f’waqtiet partikulari ta’ ħajjithom iħossuhom stranġieri f’dinja li donnha ma tridhomx jew ma tifhimhomx.

Meta Adiam tingħaqad ma’ dak li fadal mill-familja sparpaljata tagħha fl-Italja, nafu li tista’ terġa’ titkellem, bil-lingwa tagħha, dwar dak li għaddiet minnu u b’hekk terġa’ tibni ftit mill-ħajja tagħha. Forsi għalhekk, meta tikteb l-ittra tagħha lil Rachel li biha tagħlaq in-novella, il-lingwa tidher aktar magħquda u mexxejja minn qabel. U dan huwa wkoll riżultat tad-djalogu veru li jseħħ bejn il-karattri nisa ta’ “/No adjective describe story/,” ta’ relazzjonijiet li fihom il-persuni jridu jisimgħu u jkellmu lil xulxin dwar uħud mill-esperjenzi l-iktar importanti ta’ ħajjithom.

Nisġa Kumplessa

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ dawn in-novelli straordinarji ta’ Clare Azzopardi hija n-nisġa metikoluża tagħhom. L-awtriċi toħloq lingwa ħajja u sinċiera u tfassal sekwenza ta’ ġrajjiet li kważi dejjem jissorprenduna bil-ħeffa u l-qawwa tar-realiżmu tagħhom. “Il sogno di ogni narratore che si rispetti,” jistqarr il-kittieb Ċilen Luis Sepúlveda, “è quello di essere capace di mantenere viva l’attenzione dell’ascoltatore per tutto il tempo della storia.”[5] Tant huma stejjer b’saħħithom u mexxejja dawn ta’ Azzopardi li minkejja t-toqol tal-ġrajjiet li jirrakkontaw u l-organizzazzjoni metikoluża, jagħtuk l-impressjoni, profondament żbaljata, li mhux diffiċli tikteb stejjer bħalhom. Fl-għażliet stilistiċi u tematiċi fundamentali li tagħmel l-awtriċi fejn jidħol it-tfassil tat-taqsimiet differenti, l-ilħna, it-tonijiet, il-karattri, l-ismijiet, id-djalogi, il-paragrafi, is-sentenzi, il-frażijiet, ir-ritmi, u l-punteġġjatura, hemm il-qofol ta’ l-istrateġija narrattiva dinamika ta’ dawn in-novelli li ħafna drabi jisfidaw l-idea tagħna mhux biss ta’ x’inhi novella imma anki ta’ x’inhi l-letteratura kollha kemm hi.

F’Il-Linja l-Ħadra hemm nisġiet kumplessi li jixhdu l-ħila ta’ min qed jikteb, imma hemm ukoll il-frammentazzjoni tipika ta’ l-idea tagħna tal-lingwa u l-ħajja ta’ kuljum. Azzopardi tipprova ġġib ftit ordni f’din l-eżistenza “mbiċċra” ta’ ħafna minna billi tqassam ir-rakkonti l-aktar rappreżentattivi tagħha f’taqsimiet pjuttost distinti minn xulxin, imma aktarx il-qarrejja xorta jħossuhom diżorjentati għax il-ħajja stess, bil-konnessjonijiet fraġli u bil-lakuni tagħha sikwit tiddiżorjentahom. Is-sens ta’ diżorjentazzjoni jispikka f’ħafna mumenti proprju għaliex bħall-awturi tajbin kollha, l-awtriċi ma tridx toffri l-lingwa stabbilita u l-ispjegazzjonijiet “aċċettati” u għaldaqstant konvenjenti u faċli li kapaċi jissodisfaw lil dawk fostna li ma jridux jagħrfu d-dubji, il-mistoqsijiet, ix-xewqat u x-xenqiet kbar li jinsabu fina lkoll.

Minkejja li tirrakkonta stejjer li fihom infushom huma “komuni,” l-istrateġija narrattiva ta’ Azzopardi xejn mhi komuni. F’waħda mill-aktar novelli qawwijin, “Jien ix-Xhud,” tuża punteġġjatura mill-inqas u l-bumbardament ta’ kliem f’ċerti waqtiet jixhed il-“ġenn” tas-sitwazzjoni u l-emozzjonijiet qawwijin li tirrakkonta. Minkejja li tfassal in-novelli tagħha b’reqqa kbira, din ir-reqqa ma titfix il-leħħa ta’ l-ispirazzjoni li għandhom dawk il-kittieba li kapaċi jsaħħu t-talent naturali tagħhom bit-teknika ta’ min lest li jitkisser f’xogħlu. Jekk xejn, il-ħila tagħha li torganizza l-istejjer tagħha b’mod li qatt ma taf x’inhu ġej jixħet aktar l-attenzjoni tagħna l-qarrejja fuq kull kelma li tikteb, fuq kull taqsima li toħloq, fuq kull djalogu li “tislet” minn fomm il-poplu komuni tal-bidu tas-seklu 21. U minkejja l-organizzazzjoni metikoluża, dawn l-istejjer ma jinħassux stilizzati jew letterarji żżejjed – pjuttost bil-maqlub. Kultant, b’dak li tikteb, Azzopardi kapaċi tagħti l-impressjoni li n-narrattiva tagħha hija sempliċi, li hija riproduzzjoni faċli, forsi fidila wisq u għalhekk prożajka żżejjed, tad-diskors tagħna ta’ kuljum, u li ma tridx wisq biex tikteb stejjer bħal tagħha. Imma kif jistgħu jixhdu dawk kollha li jiktbu jew jippruvaw jiktbu dan mhux minnu, għax in-narrattiva tagħha hija r-riżultat mhux biss ta’ talent mitwieled fiha iżda ta’ reviżjoni kontinwa u ħafna qari ta’ xogħlijiet ta’ kittieba ewlenin, minn Angela Carter, Dacia Maraini u Djuna Barnes, sa John Fowles, Julian Barnes, u Irvine Welsh.

F’Il-Linja l-Ħadra hemm ukoll għadd ta’ osservazzjonijiet metaforiċi li min jaqra dawn in-novelli bl-attenzjoni u l-passjoni li titlob kull kitba tajba ma jistax ma jinnotahomx: “Għandha ħabiba li tgħidilha li ħajjitha qisha l-mappa ta’ l-Underground ta’ Londra” (“Il-Linja l-Ħadra”); “Imbagħad dritt għall-kwartieri. Dawk tas-saqaf taż-żingu u tat-tojlits tal-plastik jiċċaqalqu bħal tal-festi fis-sajf bl-għadira tal-pipì taħthom” (“/No adjective describe story/”); “il-libsa kienet imdendla mis-saqaf kienet qed titbandal maż-żiffa dieħla min-naħa ta’ wara biex toqtlilha r-riħa ta’ moffa twila tlettax-il sena” (“Jien ix-Xhud”); “[Il-ktieb ta’ Djuna Barnes] Kienet ħaditu rħis ħafna. Ħamsin ċenteżmu kollox – daqs cappuccino jbaqbaq bl-imħabba. U kien għadu ġdid fjamant – daqs ħajjitha” (“Ir-raġel  li waqagħlu l-mobile fil-loki”); “U mar-ritmu tat-tisfir ta’ Marjes li toqgħod fuqi u ta’ l-inħir ta’ Jesmar li joqgħod fuqu, jibda jonxor dubju ħdejn l-ieħor” (“Imbagħad darba tasal l-email”); “Din ir-relazzjoni kienet bħal dawk ir-riċetti li jidhru fuq it-televixin għall-ħabta ta’ nofs in-nhar, meta ommi tkun qiegħda b’seba’ għajnejn tara l-kok x’qed jagħmel u kif jispiċċa ttenni dejjem l-istess erba’ kelmiet: Mix-xejn jagħmel ikla dan!” (“Isma’ tini l-business card tiegħek!”); “Daqshekk kien jistmaha, daqs qalziet ta’ taħt maħmuġ.” (“Sodda ta’ l-Ilma”); “Kieku kont hemm kont tieħu gost tara n-nar tiela’ ’l fuq Kristi. U kieku jien kont noqgħod inħares lejn għajnejk jixegħlu bil-fjammi” (“Rasi ġo l-Ilma”); u “Marlene tiftakar dakinhar li Tereża bdiet dieħla minn kamra għal oħra qisha xi ruħ fil-miżbla taċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata li qatt ma sabet mistrieħ” (“Jelly Babies”).

Kenn u Memorji

Bħal ħafna mill-karattri ta’ Clare Azzopardi, il-protagonisti tan-novella “Il-Linja l-Ħadra” qed ifittxu “l-iktar post safe.” Dan ir-rakkont jibda bil-protagonista qed iddawwar ’il ħutha f’belt li tafha għax għexet fiha għal xi snin, imma li għaddiet mill-esperjenza trawmatika ta’ attakk terroristiku, u jispiċċa biha titgħannaq mal-flaxing fil-kamra tal-banju “biex ma tħosshiex weħedha.” Imma l-qarrejja jafu li din mhix għajr soluzzjoni temporanja, għax meta toħroġ mill-kamra tal-banju se jkollha tiffaċċja l-biżgħat u x-xewqat mhux imwettqa tagħha mill-ġdid. Se terġa’ tħares lejn ħutha u lejn missierha u ommha u tistaqsihom, imqar f’qalbha, il-mistoqsijiet siekta imma persistenti li għażlu li ma jweġbux fl-intimità tal-memorja tagħha meta kienet qed tivvjaġġa fuq id-District Line fl-Underground ta’ Londra minn Stepney Green għal Victoria. Ħafna mir-rakkont huwa fil-preżent imma dak kollu li taħseb u tħoss huwa mfassal diġà fl-imgħoddi. Din hija karatteristika fundamentali oħra ta’ Clare Azzopardi li tagħti lir-rakkonti tagħha profondità tematika u temporali li għall-bidu donnha tinħeba wara l-qoxra kontemporanja tal-lingwaġġ u l-ambjentazzjoni. “The past,” tikteb Amal Treacher, “is imbricated, embedded and embodies in the present. The past and the attachments contained within it form who we are. […] The past is relentlessly in the present, inexorably in the here and now.[6] L-imgħoddi jibqa’ ħaj u jossessjonana, jew saħansitra jwaħħaxna.[7]

Fil-karattri femminili tan-novelli ta’ Clare Azzopardi, hemm koinċidenza interessanti bejn il-preokkupazzjoni bil-ġrajjiet u l-mistoqsijiet mhux imwieġba ta’ l-imgħoddi u l-preokkupazzjoni bil-ġisem u d-dehra tiegħu, forsi għax dawn iż-żewġ preokkupazzjonijiet għandhom x’jaqsmu mal-personalità tal-karattri u jixhdu n-nuqqas ta’ kontroll li l-persuni għandhom fuq ċerti elementi tal-personalità tagħhom. Parita Mukta tikteb dwar il-mod kif il-memorji jħallu l-marki tagħhom fuq il-qalb u fuq il-ġisem tal-bnedmin: “memories are inscribed not solely on the mind, but also on the body: they score the face, furrow the heart, flute the lungs, make ravines of hands whose fingers knot into mounds at each survived collision.”[8] Meta wħud mill-karattri nisa u tfajliet jitilfu l-kontroll fuq il-memorji tagħhom u ma jkunux jistgħu jrażżnu l-ħsara psikoloġika li jagħmlulhom jitilfu wkoll il-kontroll fuq il-ġisem tagħhom u partijiet li ma jogħġbuhomx isiru bħallikieku żieda mhux mixtieqa illi kieku jistgħu jeħilsu minnha. Hemm ukoll għadd ta’ karattri, fosthom Kristi (“Rasi ġo l-Ilma”) u Tereża (“Jelly Babies”) li għandhom drawwiet strambi fejn jidħol l-ikel li donnhom jirriflettu qagħdiet mentali u emozzjonali fraġli jew partikulari ħafna u jirreaġixxu kontra sitwazzjonijiet li l-karattri m’għandhomx kontroll fuqhom.

Ġol-kamra tal-banju l-protagonista tistrieħ għal ftit mumenti mill-mistoqsijiet li tistaqsi hi stess lilha nfisha; l-ironija hi li t-tweġibiet tafhom. Taf li missierha, minkejja li jiċħad jew jistqarr li nesa, kien jiġbor l-ikel mingħand waħda mara xiħa fi żmien l-istrajk għax ma kellux biex jitma’ lil martu u lil uliedu, u jistħi juri lil bintu għax jemmen li missier għandu jkun kapaċi jipprovdi għal familtu mingħajr ma jittallab. Il-protagonista taf ukoll li ommha taf li z-zija, jiġifieri oħt ommha, hija lesbjana, u li ommha ma tridx turi – speċjalment lil bintha. Anki oħt in-nanna, omm ommha, kienet lesbjana. Imma dan huwa suġġett tabù li tiksru biss il-protagonista li tħoss il-bżonn li tkun taf, li tifhem dak li hemm madwarha, u forsi xi ftit jew wisq anki fiha (u fina lkoll). Għal ommha, il-lesbjaniżmu huwa problema li tilqgħalha bis-skiet, mhux biss għax hi għarukaża imma għax is-skiet għandu l-iskop li ma jħallix din il-“marda” tkompli tinfirex. Il-protagonista ma tarax il-lesbjaniżmu bħala problema u ma tifhimx għaliex il-familja tagħha għandha tigdeb. Madankollu, il-protagonista stess tħalli s-skiet jirkeb fuq il-komunikazzjoni, bħalma ċ-ċaħda taħkem fuq il-verità, u lil ħuha “tkun trid tgħidlu li issa daqt imutu u allura aħjar ma jibqgħux jitnejku b’xulxin bħal dejjem u minflok jibdew jieħdu l-ħajja bi ftit iktar serjetà,” imma ma tgħidlu xejn.

Minkejja li oħtha “tinsa” li dakinhar tat-tieġ, eżatt qabel ma daħlu fil-knisja, kienet qalet lill-protagonista li ma tħobbx lir-raġel li kienet sejra tiżżewweġ u li kienet se tagħmel l-ikbar żball ta’ ħajjitha, il-protagonista tħoss il-bżonn li tiftakar, li tipprova tikkonferma dan il-fatt traġiku u fl-istess ħin stupidu, anki jekk taf li oħtha, li wettqet l-iżball u qalet dak il-kliem ma kinitx lesta tiftaħ dik il-ferita mill-ġdid. Forsi l-protagonista tipprova tiftakar l-istejjer ta’ ħaddieħor biex timla l-vojt f’ħajjitha, jew biex isserraħ rasha li d-dinja miġnuna, imma hi mhijiex. Donnu l-fatt stess li tiftakar huwa biżżejjed għaliha; donnu ċ-ċaħda ta’ dawk il-qraba li tinterroga, imqar fis-satra ta’ moħħha, ma tostakolax il-loġika stramba, forsi anki patetika tagħha. Wara kollox, kif tispjega Treacher, “a sense of self is formed through the pleasures and disappointments of the shared past of the family.”[9] Jew forsi n-nuqqas ta’ konferma min-naħa tal-qraba hi problema, u s-solitudni tal-protagonista hija riżultat tal-fatt li l-ġenituri tagħha u ħutha jħalluha waħedha b’dawn il-memorji li jitturmentawha, u juruha li la huma lesti jagħrfu d-diffikultajiet tagħhom u lanqas tagħha.

“Ma jistax ikun qed niżbalja.”

“Mhux importanti.”

“Allura jien miniex importanti?”

“Għandna biżżejjed problemi.”

“Imma din mhix problema…”

(“Il-Linja l-Ħadra”)

Iċ-ċaħda tagħhom ta’ dik li hi taraha bħala r-realtà (aħna bħala qarrejja m’għandniex konferma “newtrali” jew “indipendenti” li dak li tiftakar hi huwa dak li seħħ tabilħaqq) tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni psikoloġika mwiegħra tagħha. U minkejja li għandha l-età tagħha, minkejja li għexet u studjat Londra waħedha għal numru ta’ snin, tispiċċa tfittex il-kenn u l-faraġ fis-solitudni tal-kamra tal-banju.

It-taqlib mentali u emozzjonali kbir li jħabbtu wiċċhom miegħu l-karattri ta’ Clare Azzopardi, minn Kristi u Gordon Grech sa Adiam, Rachel, u Ruth; minn henry.vella@gov.mt u Tereża sa Bertu, Karla u Marjo fi tliet flettijiet differenti; minn Martina u Laura sa Nadine Vella l-misjura: dawn ilkoll ifakkruna fit-tiġrib simili li anki aħna, sħabna, u qrabatna niffaċċjaw. U aħna u naqraw, għax dawn huma novelli suġġestivi li kontinwament jisfidaw il-viżjoni ċara u nadifa tagħna tad-dinja u l-istejjer tagħha, nispiċċaw nirrakkontaw l-istejjer tagħna wkoll, lilna nfusna. Test miftuħ awtomatikament jinvolvi lill-qarrejja fil-qari, u fl-aħħar mill-aħħar fil-kitba tiegħu. Dawn il-karattri noħolquhom aħna, skond l-esperjenzi li nafu jew li ġarrabna, skond l-istejjer l-oħra, imqar differenti għal kollox, li qrajna jew smajna jew għexna aħna stess. Dan huwa ktieb li jiftaħ ħafna kotba u ma jippretendix li għandna nkunu kapaċi nsibu t-tarf ta’ kollox.

Il-lingwa kultant vjolenti ta’ dawn in-novelli tirrifletti l-lingwa u l-istejjer li tisma’ u tara ta’ kuljum madwarha. Hija lingwa ta’ ħafna letteratura kontemporanja internazzjonali li tħoss il-ħtieġa li tirrakkonta stejjer diffiċli u kultant traġiċi mingħajr il-melodrammatiċità jew ir-romantiċiżmu li kapaċi jinstema’ barra minn loku jew falz. Mhux kulmin jinqeda b’lingwa qawwija simili għal dik li nsibu f’Il-Linja l-Ħadra jirrakkonta l-ġrajjiet u l-esperjenzi importanti li tirrakkonta Clare Azzopardi b’ħila, imma wkoll b’impenn u b’kuraġġ. Minkejja t-tiġdid kbir li seħħ fil-letteratura tagħna wara l-Indipendenza, għadd ta’ kittieba, u aktarx anki numru kbir ta’ qarrejja, għad għandhom idea romantika fissa tal-lingwa letterarja Maltija. Din hija pożizzjoni konservattiva stramba meta tqis li tant kittieba u qarrejja Maltin għandhom kuntatt ħaj u kontinwu ma’ letteraturi li fihom dawn l-ideat fissi li jxekklu t-tiġdid u jsaħħu l-illużjonijiet ilhom li twarrbu żmien.

Fil-lingwa deċiża u aggressiva ta’ Azzopardi hemm ukoll ħjiel ta’ rabja kontra l-monopolji tal-ħsieb, kontra l-preġudizzji, kontra komunità li toħnoq bl-iskuża li trid tikkontrolla. F’ħafna mill-karattri hemm rabja kontra tfulija misruqa, kontra razziżmu mifrux, kontra inġustizzji ċari, kontra kultura macho li ma tirrikonoxxix il-prepotenza tagħha. Albert Gatt jara r-rabja bħala l-karatteristika ewlenija ta’ għadd ta’ karattri f’dawn ir-rakkonti, kemm jekk ġejja, bħal fil-każ ta’ Gordon, mill-imġiba vjolenti u abbużiva tal-kbar, u kemm jekk hija riżultat tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni u ftehim fil-konverżazzjonijiet frammentati li twasslilna n-narratriċi tar-rakkont “Il-Linja l-Ħadra.”

Barranin għalina nfusna

Minkejja l-episodji ta’ mibegħda razzjali jew biża’ mill-barranin, speċjalment mill-immigranti suwed u dawk iktar somor minna l-Maltin, bħall-Eritrej, minħabba nuqqas ta’ għarfien, preġudizzji antiki, jew atti terroristiċi mdemmija li twettqu fi bliet bħal Londra, Azzopardi tirrakkonta wkoll stejjer ta’ persuni komuni li jinsġu xibka ta’ ħbiberija u solidarjetà li mhijiex motivata minn xi ideoloġija jew reliġjon, iżda aktarx minn reazzjoni istintiva quddiem it-tbatija ta’ bnedmin oħra, huma min huma. Meta Gordon Grech iħarrab lil għadd ta’ immigranti minn ċentru ta’ detenzjoni, ma jidhirx li jagħmilha għal raġunijiet ideoloġiċi imma għax iħoss għal min jinsab maqful, bħalma kienu maqfula u maħqura minn missieru hu u oħtu Kristi. Il-ħarba jfassalha wara li jsib ruħu fil-pożizzjoni ta’ min għax b’saħħtu u armat jaħqar lil min ma jistax jiddefendi ruħu – u jiddeċiedi li ma jridx isir bħal missieru, ma jridx jgħaddas ras in-nies taħt l-ilma u jaqtagħhom minn ġewwa. Hemm ukoll ħjiel ta’ sfida fl-att sovversiv tiegħu, ta’ sfida kontra sitwazzjoni perversa li xebbgħetu u li ħolqitha soċjetà li tittratta lil ċerti individwi bħalma missieru kien jittratta lilu u lil oħtu. Fil-mument tal-prova, jirbaħ fuqu l-ispirtu determinat u ribell ta’ ommu Joyce, l-idolu tiegħu u l-unika persuna li kien jitwerwer minnha missieru Djego Grech.

Bħal Gordon, bnedmin b’rieda soda li jħossu għal ħaddieħor hemm ukoll Rachel, il-ħabiba ta’ Adiam li tisfida lil sħabha razzisti; Ruth, li tibqa’ ħabiba ta’ Rachel, it-tifla ta’ wieħed li kienet toħroġ miegħu, u tirrakkonta l-istejjer tagħha u tal-ħabiba tagħha Adiam; u l-protagonista bla isem ta’ “Il-Linja l-Ħadra” li teħodha kontra l-preġudizzji u min jinqeda bihom biex ixerred il-biża’, il-kunflitti u l-mibegħda, anki fiha. Forsi dawn il-karattri jirrealizzaw, intwittivament, li fl-Ewropa, il-proċess ta’ ibridizzazzjoni jew taħlit kulturali huwa, kif isejjaħlu Caryl Phillips, inevitabbli,[10] minkejja l-popolarità ġdida ta’ l-ideoloġija Faxxista li toffri spjegazzjonijiet razzjali sempliċi u superfiċjali għall-problemi soċjali u ekonomiċi kumplessi li qed jiffaċċjaw in-nies tad-dinja.[11]

Julia Kristeva temmen li jekk nagħrfu li aħna lkoll stranġieri, barranin, ikollna umanità aktar sħiħa. Fi Strangers to Ourselves (1991) Kristeva ssostni li jekk jirnexxilna nifhmu u napprezzaw din ir-realtà nkunu nistgħu nibdew nittrattaw lill-barranin b’inqas tensjoni u b’iktar mogħdrija. Minħabba n-natura problematika u mistura ta’ l-inkonxju, Kristeva tqis li, irridu u ma rridux, aħna lkoll “barranin għalina nfusna.” Barra minn hekk, “We are all confronted continually and inevitability with the strangeness of the Other.” Din hija parti mill-kundizzjoni umana, iżda wħud minna jibqgħu jaraw il-ħajja bħala stramba aktar mill-oħrajn, “and this is not just the strangeness of discovering another person’s ‘ineradicable strangeness.”[12] Dan aktarx jiġri meta, bħal Adiam u familtha, dawn il-persuni jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni li jridu jaħarbu minn pajjiżhom u jaddattaw ruħhom għal realtajiet ġeografiċi, kulturali u soċjali ġodda. L-esperjenza aktarx trawmatika ta’ persuna li jkollha taħrab minn pajjiżha u taqsam il-baħar bil-periklu li, bħal ħafna oħrajn, ittemm ħajjitha fih, ma tistax tkun għal kollox bħal dik ta’ persuna li qed tfittex triqitha f’pajjiżha stess.

It-tfittxija għall-kenn hija tema fundamentali f’Il-Linja l-Ħadra, għaliex ħafna mill-karattri jħossuhom mhedda minn passat imqalleb jew li ma jifhmuhx, minn soċjetà insensittiva u kultant kattiva li tħalli l-preġudizzji u l-isterjotipi jikkondizzjonawha, minn kriżijiet eżistenzjali li ma jifilħux għalihom, minn nuqqas ta’ fiduċja u ġieli antipatija lejhom infushom. Bħal ħafna karattri oħrajn f’din il-ġabra ta’ rakkonti, il-protagonista ta’ “Il-Linja l-Ħadra” tixtieq li kienet “relaxed wisq” bħal ħabibtha li “l-affarijiet li ma jikkonċernawhiex ma jgħaddux minn moħħha.” Hi ma jirnexxiliex tistrieħ mentalment bħal ħabibitha u tispiċċa ddur ’l hawn u ’l hemm fil-preżent u fil-passat, dak li huwa dejjem u inevitabbilment mistħajjel, biex issib “l-iktar post safe.” Il-vjaġġ ta’ tiftix jirnexxilha tagħmlu, bla waqfien, imma d-destinazzjoni ma teżistix. Fil-ħajja, bħal fil-letteratura, fil-mument li mingħalik tkun wasalt fit-tmiem, tirrealizza li l-istorja għadha kemm bdiet tisfratta ġo fik.



[1] Albert Gatt, “On reading the fiction of Clare Azzopardi,” fl-istampa.

[2] Zadie Smith intervistata minn Harriett Gilbert fil-programm radjonfoniku “World Book Club” fuq il-BBC World Service (21/02/2005). Ir-rikording jinsab hawnhekk: http://www.bbc.co.uk/worldservice/programmes/world_book_club.shtml

[3] Peter Widdowson, Literature (London: Routledge, 1999) 102-103: “[…] ‘fashioning’ a perceptible reality for us in its textual ‘shaping’ of the inchoate into comprehensilble designs or patterns.

[4] Amal Treacher, “Welcome home: between two cultures and two colours,” Hybridity and Its Discontents : Politics, Science, Culture, ed. Avtar Brah and Annie E. Coombes (London: Routledge, 2000) 98.

[5] Luis Sepúlveda, Raccontare, Resistere. Conversazioni con Bruno Arpaia (Parma: Guanda, 2002) 40.

[6] Mir-reċensjoni ta’ Amal Treacher tal-ktieb Shards of Memory: Woven Lives of Four Generations,” ta’ Parita Mukta (2002), ippubblikata fil- Feminist Review 75, 137-141 (01 Jan 2003), 138.

[7] Fir-reċensjoni ta’ Shards of Memory, 140, Amal Treacher tikteb li “the past lives on and haunts.”

[8] Treacher, reċensjoni ta’ Shards of Memory, 138.

[9] Treacher, reċensjoni ta’ Shards of Memory, 138. Barra minn hekk, f’“Welcome Home,” 103, Treacher tikteb li “tangible and intangible objects and sensations also constitute a person’s identity for they get internalised and form a person’s sense of self and relationship to the external world. We become, not just through relating to other people but also through relating to actual objects. 1 have internalised sounds, smells, sights which 1 turn to at various moments and at other moments they arise unbidden in my experiences of daily life.”

[10] Caryl Phillips, The European Tribe, 2nd edn. (New York: Vintage, 2000) 133.

[11]The general hopelessness and disillusionment of Western Europe is ideal soil in which to plant Fascist ideology, with its simplistic racial equations for complex socio-economic problems.” Phillips, The European Tribe, 124.

[12] Treacher, “Welcome home,” 97.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s