Ħerqan ħafna għal din it-tnedija (doppja) ta’ Allat tal-Landa. ta’ Mario Cardona, pubblikazzjoni ta’ Horizons. Mario għandu alla għalih fejn tidħol il-kitba tal-poeżija. Din poeżija dejjem onesta, dejjem imqanqla, u biex nuża żewġ klixejiet f’salt, kolta u popolari fl-istess ħin. Għandu ħila mhux tas-soltu, naħseb, li jikteb (jew aħjar jitkellem) b’mod fin u intelliġenti, u fl-istess ħin immedjat u aċċessibbli. U l-onestà tiegħu taqta’ fil-laħam il-ħaj.
Dwar l-ewwel tnedija l-Manikata
Fit-tnedija, mal-awtur se jieħdu sehem Adrian Grima, li kiteb id-daħla tal-ktieb; Pawlu Mizzi, l-artist grafiku li ddisinja l-qoxra tal-ktieb; Sarah Sultana, li ddoqq is-sassofonu; Victor Jacono, senior lecturer fl-Institute for the Creative Arts tal-MCAST u direttur ta’ xogħlijiet tad-drama; Sarah Camilleri, part-time lecturer fl-MCAST; Therese Vella, għalliema rtirata mill-Manikata li tħobb tikteb u tħobb il-mixjiet li spiss jgħadduha mill-mogħdija ta’ fuq ir-Razzett tal-Qasam u jwassluha fuq Irdum id-Delli; Malcolm Borg, assistent direttur responsabbli miċ-Ċentru tal-Agribusiness tal-MCAST; Leanne Ellul, lecturer tal-Malti fil-Junior College; u l-aħwa Cardona, ulied l-awtur, Sara, Rebekka u Martina.