L-Għarusa ta’ Ġużè Diacono

Adrian Grima, Albert Marshall u Ines Farrugia (Ħajr lil Giuliana Barbaro-Sant)

Nhar it-Tlieta, 25 ta’ Ottubru 2022, ħadt sehem f’diskussjoni bħala parti mill-programm marbut ma’ L-Għarusa, produzzjoni teatrali b’direzzjoni ta’ Immanuel Mifsud u disinn ta’ Austin Camilleri. Giuliana Barbaro-Sant, li mexxiet din il-produzzjoni, talbitni biex nieħu sehem f’din id-diskussjoni biex naraw is-sehem ta’ Ġużè Diacono bħala awtur u nikkummentaw fuq l-interpretazzjoni li tat din il-produzzjoni lil dan id-dramm “mistiku” ta’ Diacono.

Fid-diskussjoni, li tmexxiet minn Albert Marshall, ħadet sehem ukoll l-attriċi magħrufa Ines Farrugia li kienet ħadmet il-parti ta’ Soru Wistina fi produzzjoni televiżiva tal-1987 ta’ dan id-dramm u tidher f’ritratt marbut mal-pubblikazzjoni tiegħu fil-ktieb L-Ewwel Jien! u Drammi Oħra ta’ Diacono (Pubblikazzjonijiet Diacono 2003).

Soru Wistina u Marija

Għalija dan huwa dramm dwar l-imħabba, dwar il-passjonijiet spiritwali u karnali tal-imħabba, dwar il-kontradizzjonijiet, il-kunflitti u l-egoiżmi tal-imħabba, dwar il-qrubija skomdu bejn ir-razzjonali u l-irrazzjonali, bejn il-fedeltà u l-ġenn tal-imħabba. Din il-produzzjoni mill-isbaħ ta’ Immanuel Mifsud u l-atturi, bis-sehem ta’ Austin Camilleri li ħa ħsieb il-messa in scena skrupolożament bajda, rajtha bħala kxif bil-mod il-mod, b’mod spiritwali u fl-istess ħin għalkollox grafiku u materjali, tal-umanità essenzjali tagħna, tas-saffi l-iktar profondi tal-imħabba umana.

Fil-verżjoni miktuba tad-dramm, il-karattri ta’ Soru Wistina u Marija għall-bidu rajthom opposti, waħda aktarx mistika u l-oħrajn realista u ħalliema, imma iktar ma bdejt naqra iktar rajthom bħala figuri kumplimentari, stejjer ingastati f’xulxin fi storja waħda ta’ xewqat u xenqat miċħuda.

Fit-tmiem drammatiku tad-dramm li qrajt, Marija taħrab mill-ġenn ta’ Soru Wistina, donnu qed taħrab minn dak li se jiġrilha jekk tibqa’ maqfula fil-ħabs tal-kunvent. Imma fil-produzzjoni ta’ Immanuel Mifsud u l-atturi tiegħu, id-dramm jintemm b’ċelebrazzjoni tal-imħabba biż-żieda ta’ siltiet mill-Għanja tal-Għanjiet tat-Testment il-Qadim u versi oħrajn li jirreferu wkoll għall-Getsemani. F’din il-verżjoni armonjuża, Marija tibni rapport spiritwali u fiżiku mal-kurċifiss li hemm f’nofs ix-xena, Soru Tarċisja titgħannaq ma’ Tuteppi, u Soru Wistina tesprimi b’mod għalkollox fiżiku l-imħabba tagħha lejn Ġesù.

Skont id-didaskalija, tnejn mill-protagonisti huma mara li donnha tilfet rasha u raġel, ġuvni “belhani.” Soru Wistina, li isimha jfakkarna minnufih fil-figura ta’ Santu Wistin u l-istorja ta’ redenzjoni tiegħu mill-pjaċiri tal-ġisem, hija “Mara marida, mixruba, ħarsa issa ħajja issa ċassa. Xi drabi, waqt li tkun titkellem, bħal tintilef f’dehwa estatika, aktarx titkellem waħedha milli tkellem lill-oħrajn” (L-Ewwel Jien! u Drammi Oħra 171). Il-kelma “dehwa” importanti: Erin Serracino Inglott jiddefiniha bħala “dehu ta’ darba; xarba, xeħta tal-ħsieb fuq xi ħaġa, hekk li ma tħallix lil min iqis ħwejjeġ oħra madwaru; telfa tal-moħħ; applikazjoni totali, assorbiment sħiħ li jiġbed aljenazjoni mill-bqija; okkupazjoni u attenzjoni sħiħa f’dak li wieħed ikun jagħmel (jaqra, jikteb, eċċ).” Soru Wistina mitlufa fid-dinja tagħha. Nieħu l-impressjoni li għaliha dan huwa l-uniku mod kif tista’ taċċetta t-traġedja tat-telfa tal-maħbub tagħha, jew almenu b’mod mod tiffaċċjaha. “Dehu,” jgħid Serracino Inglott, huwa l-istat jew il-qagħda ta’ min jedha, stat li jixrob lil dak li jkun għalkollox bla ma jħallih jagħti kas lil ta’ madwaru; telfien; assorbiment komplut. Din hija l-qagħda stramba, kważi inspjegabbli, kif jgħidu Soru Tarċisja u Marija stess, ta’ Soru Wistina.

Marija hija personaġġ interessanti: għandha karattru sod u deċiż u ma tħallix lil min idawwarha kif ġieb u laħaq. Il-każ tagħha ma nistgħux nifirduh minn dak ta’ Soru Wistina. Irridu ninterpretawhom flimkien. F’Marija tispikka l-umanità, id-determinazzjoni, il-ħajja, id-dikjarazzjoni bla mistħija, bla biża’ tal-individwalità tagħha. 

L-ewwel interventi ta’ Marija juru l-umanità tagħha lejn Tuteppi: “Miskin!” (178), “Jaħasra!” (178), u “X’dinja kiefra!” (179). Imma meta Soru Tarċisja tissuġġerilha li se tibqa’ fil-kunvent tirreaġixxi b’rabja u b’disprezz li jikkonferma l-individwalità u l-umanità “reali” (u Realista) tagħha: Ma tridx tibqa’ fil-kunvent ma’ xi ħadd bħal Tuteppi, u tirreferi għalih darbtejn bħala “dal-ħaġa belha!” (184). Ma tridx tinqafel “Ma’ qabda mummji jgerrbu ż-żibeġ! Qabda bla demm, qabda xjuħ qabel il-waqt, ħadd ma jridhom! … iriduk qaddisa bilfors ta’ qalbek…” (184).

Imbagħad id-diskors idur fuqha u fuq il-preżenza tagħha fil-kunvent, prattikament priġuniera: “Nittama li ma ndumx!” (179). Imbagħad tikkummenta fuq l-istat mentali ta’ Soru Wistina: “Kemm m’aħna xejn!” (180). Kollha esklamazzjonijiet. Meta Soru Tarċisja tgħidilha li l-Madre tibża’ li Soru Wistina tagħti skandlu lin-novizzi bi mġibitha, Marija ma taqbel xejn magħha: “U iva, skandlu, miskina…” (180). L-istorja ta’ Soru Wistina tqanqal il-kurżità ta’ Marija, li tammetti li ma fehmet xejn. U Soru Tarċisja tgħidilha li lanqas hi. Imma Marija trid tipproteġi ruħha mill-ġenn tagħha u għalhekk fit-tmiem li jikteb Diacono tirrealizza li jeħtieġ titbiegħed minnha

Il-personalità b’saħħitha ta’ Marija hija karatteristika importanti tagħha. Fit-taħdita tiegħu tal-1972 dwar id-drammi tiegħu, speċjalment Erwieħ Marbuta, li tinsab fuq malti.mt, Diacono jinsisti fuq l-individwalità tal-karattri nisa u jmeri lil xi ħadd fl-udjenza li jgħaddi kumment sessista fuq in-nisa meta jgħid li jagħmlu iktar frattarija mill-irġiel meta tiġri xi ħaġa. Diacono jinsisti li kull mara hija differenti, bħalma kull raġel huwa differenti, u jirrifjuta b’mod deċiż dak li kieku llum inqisuh bħala kumment sessista u maskilista. Diacono kien qed jagħmel it-taħdita tiegħu fl-1972, meta ma tantx kien hemm awturi rġiel li kienu kapaċi jinqatgħu minn rappreżentazzjoni maskilista u partrijarkali tal-karattri nisa: U iktar importanti minn hekk: il-karattru ta’ Marija huwa xogħol tal-1960.

Marija tgħid li bagħtuha l-kunvent għax “iridu jikkmandawli lil qalbi, għax iridu jikkmandawli lil min inħobb” (182). Il-bikja mhix sinjal ta’ dgħufija imma ta’ frustrazzjoni, ta’ diqa, ta’ rabja. L-istqarrija l-iktar sinifikattiva tagħha hi: “Iriduni qaddisa bilfors” (182). Ma taċċettax il-ġudizzju li tissuġġerixxi Soru Tarċisja li “ma ħabbejtx bil-għaqal.” Marija tinsisti, għal darba darbtejn, li “Mhix affari tagħhom! M’iniex tarbija” (182). Fil-kunvent ma tistax tistabar: “Kif trid nistabar – se niġġennen – mela jien se noqogħdilkom imsakkra bejn erba’ ħitan, maqtugħa mid-dinja – jien m’iniex qaddisa” (182). Meta Soru Tarċisja tissuġġerixxi li “Forsi l-Bambin ried li tiġi hawn,” Marija twieġeb minnufih: “Le,, il-bnedmin ġibuni” (183). Huwa kastig tal-bnedmin. “Difnuni hawn. difnuni ħajja. – ħsibt li għax iħobbuni? – għax iħobbuni? Għandek tgħid għax hekk jaqbel lilhom – għax jibżgħu li ntebbgħalhom ġieħhom” (183). Marija tinsisti li għal ġieħhom jibżgħu, mhux għal ġieħha, imma tinsisti wkoll li “ġieħi affari tiegħi – ” (183), u l-qalb ħadd ma jista’ jikkmandaha. Minkejja li sakkruha, “ebda ħajt ma jibdilli qalbi – lil min ħabbejt ħabbejt – minn hawn noħroġ – naħrab, tara naħrabx, imqar ikolli naqbeż! – ” U tinsisti: Ebda ħajt ma jnessihuli – tara kif insibu jistennieni – jien naf xi rrid – ”

F’dan il-mument jagħtiha “Kważi attakk isteriku,” kelma qrib ħafna ta’ “estatiku” li fid-dramm hija marbuta ma’ Soru Wistina. Marija “titlaq tiġri lejn il-ħajt tal-kunvent, tagħti miegħu bil-ponn, tibki u tixher, taqa’ għarkupptejha, tintelaq mal-ħajt” (184). Imbagħad titlob bil-ħniena lil Soru Tarċisja biex tħenn għaliha, “għax se niġġennen,” u hawnhekk il-konnessjoni umana ma’ Soru Wistina ma tistax tkun iktar ċara u diretta. It-tnejn li huma jixxennqu għall-imħabba fiżika, karnali ta’ raġel li hu miċħud minnhom. “Tintelaq f’dirgħajh, taf li int tiegħu, qalbek tħabbat, tħabbat – ” (185). “L-imħabba,” tgħid Marija lil Soru Wistina, “ma tħallikx tagħżel.” Mhux int tagħżel lil min tħobb, imma l-imħabba tagħżillek, jew tagħżlek.

Ftit wara li Soru Wistina tgħidilha, “Ħobbu sa ma twaġġa’ ’l qalbek, tih l-imħabba bi rfus” (189), u “b’ħarsa estatika, tagħfas qalbha b’idejha t-tnejn,” Marija tgħib mix-xena, minn fuq il-palk, u ma nerġgħux narawha. 

Għalija l-protagonisti mhumiex il-karattri. Għalija l-protagonista l-imħabba. It-tribulazzjonijiet tal-imħabba. Imma fl-istess ħin, fit-tradizzjoni Realista li tant jitkellem fuqha Ġużè Diacono, dawn huwa karattri tad-demm u l-laħam, karattri li jridu jistabbilixxu l-individwalità tagħhom, l-indipendenza tagħhom mill-awtur li joħloqhom fil-bidu tad-dramm u mbagħad irid iħalli lilhom jitkellmu u jaġixxu skont ix-xejriet individwali u uniċi tagħhom.

Ir-Realiżmu skont Ġużè Diacono

Fil-ktieb tiegħu Wara Ibsen, xogħol tal-1972 ippubblikat mill-Melitensia Publications, li bir-raġun l-awtur iqisu bħala “l-ewwel volum ta’ storja u kritika drammatika li qatt deher bil-Malti, Ġużè Diacono jitkellem fuq dak li jqisu bħala t-teatru Realista. Din is-silta li ġejja ħadtha mit-tieni kapitlu tal-ktieb li l-awtur stess jgħidilna li huwa taħdita dwar “it-teatru realistiku” (Diacono juża s-sikwit “realista” u “realistiku” minkejja li jidher li jaf sew li huma żewġ termini differenti) li kien għamel fit-Teatru Manoel fl-1968 għall-Manoel Theatre Club.

Dawn ir-riflessjonijiet tiegħu u oħrajn li hemm fil-ktieb Wara Ibsen u fit-taħdita li tinsab fuq malti.mt, jixħtu dawl fuq l-għażliet li għamel fid-dramm L-Għarusa, fosthom meta jitkellem fuq l-osservazzjoni tan-nies komuni, l-imrar, l-ironija, il-kapriċċi, l-inġustizzja u l-istramberiji tal-ħajja ta’ kuljum, l-indifferenza tal-istituzzjonijiet, u l-kliem u l-espressjonijiet “naturali” minn fomm persunaġġi.

Diacono jgħid li għalih “Realiżmu huwa sinċerità, verità, huwa dak Ii joħroġ mill-osservazzjoni u r-reazzjoni ta’ awtur li jħoss il-ħajja, li jintlaqat intimament u jinkedd bit-tiġrib tiegħu nnifsu u ta’ ħaddieħor, Ii jitbaqbaq, li ma jafx jilgħabha la tal-kbir, tas-superjur fuq kollox u fuq kulħadd, u anqas tad-Djoġene ċiniku li joħroġ ifittex moħħ il-bniedem bil-fanal – Ii jikber kemm jikber, jistagħna kemm jistagħna, jibqa’ dejjem il-“little man” fis-sensiela tal-kbar ta’ din l-art, li tibda mill-insett l-aktar umli u ma tintemmx fil-bhima l-aktar feroċi u l-aktar felħana, tibda mill-fqir li m’għandux ħaqq għaxja ta’ lejla u ma tintemmx la fil-miljunarju u anqas fid-dittatur l-aktar assolut” (Wara Ibsen 50).

Imbagħad f’paragrafu ieħor, Diacono jkompli jinsisti fuq l-identifikazzjoni tiegħu tar-Realiżmu ma’ dak li jqisu bħala n-naturali: “lr-Realista jrid iqiegħed fuq il-palk f’termini immedjati l-imrar, l-ironija, il-kapriċċi, l-inġustizzja, l-istramberiji bla ruħ tal-ħajja kull fejn isibhom, u jsibhom f’liema għamla jsibhom. lr-Realiżmu huwa riproduzzjoni tal-umanità fir-relazzjonijiet tagħha mal-valuri materjali u spiritwali; ir-reazzjoni tal-“little man” meta jiltaqa’ mal-qalb iebsa, jekk mhux l-indifferenza, tal-awtoritajiet Ii jintilfu fl-ideali tal-massa, fi problemi kbar, u jinsew lill-individwu, tal-bniedem dejjem żgħir f’idejn id-dadi impersonali tal-ħajja u x-xorti; u dan kollu muri bi kliem u espressjonijiet naturali minn fomm persunaġġi naturali f’ċirkostanzi naturali” (Wara Ibsen 51).


Id-dramm L-Għarusa ttella’ minn Teatru Malta bejn il-21 u t-23, u bejn il-25 u l-31 ta’ Ottubru 2022 fl-Armerija, il-Birgu.

Dan huwa servizz tal-Aħbarijiet ta’ TVM dwar din il-produzzjoni tad-dramm ta’ Diacono.

L-attur Hector Bruno kien għamilha ta’ Tuteppi fil-verżjoni televiżiva ta’ L-GĦARUSA ta’ Ġużè Diacono. Hawnhekk jitkellem dwar din il-produzzjoni l-ġdida: 


Min-nota ta’ Teatru Malta

ID-DRAMM KONTROVERSJALI L-GĦARUSA TA’ ĠUŻÈ DIACONO JITTELLA’ MILL-ĠDID

Dan l-aħħar ilna nisimgħu bl-għarajjes; bejn is-serji fuq it-televiżjoni u t-tiġijiet li seħħu b’abundanza liema bħala dan is-Sajf. Issa, għall-Halloween, għall-ewwel darba mill-1987, il-kumpanija nazzjonali tat-teatru, Teatru Malta, se ttella’ produzzjoni ġdida ta’ L-Għarusa, dramm mistiku miktub minn Ġużè Diacono (awtur fost l-oħrajn ta’ Il-Madonna taċ-ĊoqqaL-Ewwel Jien, u Erwieħ Marbuta) li hu wieħed fost il-lista twila ta’ xogħlijiet tiegħu li qanqlu kontroversja f’Malta.

Biex niċċelebraw il-mitt sena minn twelidu u infakkru 20 sena minn mewtu, fl-istaġun  tal-Halloween ta’ din is-sena, L-Għarusa ser tittella’ mill-ġdid fil-kuruturi storiċi tal-Armerija, il-Birgu. Bid-direzzjoni tal-poeta u ħassieb Immanuel Mifsud u bid-disinn tas-sett mill-artist kontemporanju Malti, Austin Camilleri, din il-produzzjoni ta’ dan il-ġojjell tal-Istorja teatrali Maltija ser tieħu xeħta differenti mir-rappreżentazzjoni oriġinali tal-play. 

B’Marceline Galea fil-parti ewlenija ta’ Sor Wistina,  din il-verżjoni ta’ L-Għarusa li ser isseħħ bejn il-21 u 31 ta’ Ottubru għal udjenza limitata, hija preżentazzjoni teatrali li ġġegħlek taħseb darbtejn bejn dak li qiegħed jintwera quddiemek u dak li verament huwa minnhu. Sor Wistina forsi tidher qisha kull soru-għarusa li normalment naraw madwar pajjiżna, imma propjament qed taħbi sigriet;  wara li titlef lill-maħbub tagħha u tieħu l-wegħda sagra tal-għarusa u ssir soru, taqa’ f’ngħassa ta’ delużjonijiet u tibda tfixkel l-għerusija romantika li darba kellha mal-maħbub tagħha li traġikament għereq quddiem għajnejha mar-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù Kristu. 

Immanuel Mifsud: “Kull xogħol teatrali jrid jiġi addattat. . . it-teatru huwa xogħol kollaborattiv.”

Dan id-dramm li ilu ma jittella’ fuq palk ‘il fuq minn tletin sena ser jgħaqqad uċuħ pjuttost ġodda fix-xena teatrali ma’ artisti li aħna lkoll sirna familjari magħhom lejn l-aħħar ta’ dax-xahar. F’dan fl-istaġun tal-Halloween ingħaqad magħna. Aqta’ l-biljetti tiegħek minn hawn. 

Dan il-proġett huwa f’ko-produzzjoni ma’ Heritage Malta u appoġġjat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u l-Kunsill Malti għall-Arti


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s