F’dan il-ktieb ippubblikat minn Inizjamed f’Awwissu 2022, hemm daħla tiegħi u xi poeżiji li qlibt għall-Malti matul is-snin waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
“It-traduzzjoni tgħaqqad it-trufijiet kollha tal-Festival, u din is-sena qed niċċelebrawha permezz tal-antoloġija 𝒙𝒕𝒂𝒒𝒕 𝒍𝒊 𝒌𝒐𝒏𝒕 𝒎𝒆𝒓𝒌𝒖𝒓𝒋𝒖, ġabra ta’ traduzzjonijiet li saru matul l-ewwel 16-il edizzjoni tal-Festival.”

Waqt il-Festival, din il-ġabra kienet għall-bejgħ bil-prezz speċjali ta’ €12 minflok €15 mingħand Mallia & D’Amato Booksellers.
Grazzi kbira lill-edituri Kit Azzopardi, Claudia Gauci u Justine Somerville.
F’din l-intervista li saret f’Awwissu tal-2022 fil-Forti Sant’Iermu matul il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, Nadia Mifsud titkellem fuq il-format tal-laboratorji tat-traduzzjonijiet.
Din hija silta mid-daħla tiegħi għal Xtaqt li kont merkurju:
Il-Poeżija tat-Traduzzjoni
Mhux faċli tgħid meta, jew għall-ħabta ta’ meta Inizjamed “skopriet” is-sehem fundamentali tat-traduzzjoni letterarja fl-iżvilupp tagħha. Imma kieku kelli nagħżel “mument,” imqar għall-konvenzjenza tal-istorja, ngħid li kollox beda meta bdejna nieħdu sehem f’laboratorji tat-traduzzjoni letterarja barra minn Malta. Għax dan wassal biex bdejna norganizzawhom aħna stess hawn Malta. U l-ġenesi ta’ dan il-ktieb tinsab proprju f’dawk il-laboratorji jew workshops bikrija.
Il-formula tgħallimnieha mingħand sħabna l-awturi u l-organizzazzjonijiet fi ħdan Literature Across Frontiers, proġett internazzjonali kollaborattiv li ħadem fuq l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-letteraturi ż-żgħar tal-Ewropa. U l-iktar mingħand Alexandra Büchler, il-mutur li dawwar dak kollu li għamlet l-LAF.
Bħal meta l-ilsna jiltaqgħu ma’ xulxin, meta jiltaqgħu n-nies u jfittxu lil xulxin kultant jiġru affarijiet mhux mistennija. U waqt festival f’Mukkula, il-Finlandja, Alexandra ltaqgħet ma’ Maria Grech Ganado u Immanuel Mifsud, u Maria riedet bis-saħħa li Inizjamed tissieħeb fix-xibka jew xirka ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet tal-LAF. Tant kienet temmen fiha din il-kollaborazzjoni li kienet lesta toħroġ il-flus mill-but biex inkunu nistgħu nieħdu sehem aħna wkoll f’dawn l-inizjattivi ta’ letteratura u traduzzjoni letterarja. Il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar sibna l-għajnuna istituzzjonali u l-fondi ma jbiddel xejn mill-qawwa ta’ dik il-konvinzjoni ta’ Maria li postna, post il-letteratura żagħżugħa u mhux magħrufa tagħna, kien fl-LAF. Kien att ta’ fidi li riegħed lilna lkoll, att ta’ fidi fl-inkontri fundamentali li kapaċi tpaspar il-letteratura, anki meta l-artijiet jinsabu ’l bogħod u l-ilsna jinstemgħu strambi u inaċċessibbli.
Inizjamed twaqqfet fl-1998 u wħud minna, kemm bħala awturi individwali u kemm bħala awturi attivi fi ħdan Inizjamed, konna diġà ilna s-snin insiefru u nikkollaboraw ma’ awturi barranin. Imbagħad fl-2005 isseħibna b’mod uffiċjali fl-LAF. “Kmieni din is-sena,” kitbet Maria Grech Ganado f’artiklu li deher lejn l-aħħar ta’ dik is-sena, “f’isem Inizjamed, iffirmajt kuntratt mal-Literature Across Frontiers għal tliet snin ta’ koperazzjoni letterarja.” Hemm ir-rieda u l-ħeġġa kollha tagħha f’dawn l-ewwel kelmiet tal-artiklu.
Il-formula kienet sempliċi, kważi elementari: awturi minn lingwi u letteraturi differenti, fil-biċċa l-kbira letteraturi Ewropej żgħar, jiltaqgħu flimkien fi grupp żgħir ta’ madwar għaxra min-nies u jittraduċu l-poeżiji ta’ xulxin. Dan jagħmluh permezz ta’ lingwa intermedjarja magħrufa mill-awturi kollha preżenti (ngħidu aħna l-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol) u permezz ta’ konverżazzjonijiet fit-tul mal-awturi tax-xogħol li jkunu qed jittraduċu u li jkunu huma wkoll fil-grupp.
Il-proċess huwa produttiv u kreattiv għax it-tradizzjonijiet ma jsirux biss b’mod mekkaniku minn fuq traduzzjonijiet oħra tax-xogħol oriġinali, ngħidu aħna poeżija bis-Sloven li tinqaleb għall-Malti permezz ta’ traduzzjoni intermedjarja bl-Ingliż jew bil-Franċiż: Sloven → Ingliż → Malti. Huwa kreattiv għax l-awturi li qed jittraduċu jistgħu jisimgħu lill-persuna li kitbet ix-xogħol taqrah bil-lingwa oriġinali; jistgħu jisimgħuha tikkuntestwalizza x-xogħol u tfisser is-sehem tagħha fil-lingwa u t-tradizzjoni letterarja tagħha; u jisgħu jiddiskutu wkoll it-traduzzjoni tax-xogħol partikulari ma’ awturi oħrajn li jkunu qed jaqilbuh huma wkoll fil-lingwa u l-letteratura tagħhom. Jiġifieri għalkemm hemm id-“dnub” li t-traduzzjoni mhix qed issir direttament mill-verżjoni “oriġinali” tal-poeżija, hemm il-vantaġġ li t-traduzzjoni qed issir bħala parti minn proċess ta’ skambju informat u kreattiv ħafna. Il-vantaġġ l-ieħor hu li l-poeżija qed jittraduċuha poeti, esperti tal-mestier.