F’Ġunju u Lulju tal-2022 ħadt sehem f’dokumentarju mifrux fuq erba’ episodji dwar Oliver Friggieri. Id-dokumentarju nkiteb minn Kit Azzopardi u l-produzzjoni kienet f’idejn il-kumpanija iVision. Il-preżentatriċi kienet l-attriċi Angele Galea u l-qari ta’ siltiet mix-xogħlijiet ta’ Oliver Friggieri sar minn André Mangion.
Staqsewni, fost l-oħrajn, dwar Oliver Friggieri bħala kollega fuq ix-xogħol. Jien niftakru bħala ħabib, dħuli, simpatiku, dejjem attent għal dak li qed jiġri madwaru, dejjem inkwetat u fl-istess ħin dejjem jiċċajta; dejjem bin-nies ġejjin ikellmuh; moħħu fl-istudenti u l-ħtiġijiet tagħhom; dejjem għaddej b’xi proġett ta’ kitba, qari; dejjem ipinġi waqt il-laqgħat twal tad-Dipartiment u mbagħad iqum f’salt meta nitkellmu fuq l-istudenti u fuq il-prospetti ta’ xogħol tagħhom wara li jiggradwaw; u dejjem jizzika lill-ħabib kbir tiegħu Arnold Cassola.
Dwar il-viżjoni tiegħu ta’ Malta bħala pajjiż Mediterranju, għedt li fix-xogħlijiet letterarji tiegħu tista’ tgħid li qatt ma jsemmih b’ismu għax, kif kien jgħidli, “qiegħed kullimkien”: il-Mediterran tal-qedem, tal-istorja; tal-baħar u tal-pajsaġġ tipiku tagħna. Kien jara l-Mediterran bħala verżjoni makroskopika ta’ Malta; il-Mediterran tat-twemmin; tar-rabta tal-bnedmin man-natura. Għalih kien il-Mediterran Taljan u Latin, u l-Mediterran Kattoliku. Fl-istess ħin kien jara wkoll l-ilsien Malti bħala sintesi tal-Mediterran. Imma l-Mediterran tiegħu huwa essenzjalment Ewropew. Oliver Friggieri qatt ma pproblematizza l-kunċett tal-Mediterran bħala kostruzzjoni kolonjali, bħala ħolqien tal-Ewropej.
Għalija, Friggieri ħabb qabelxejn lill-familja, lil Malta, lill-kelma, lill-istudenti, lill-ħolqien, lis-siġar, l-annimali, imma mhux lit-teknoloġija.