Wara li qrajt l-aħbar dwar it-tkeċċija ta’ Mario minn kap tal-Kulleġġ St Albert, ktibt dan il-kumment fuq Facebook. Il-gazzetta Malta Today ippubblikat ukoll din l-istqarrija tar-Rettur u Aġent Kap tal-Kulleġġ u l-bord li ħatar. Hemm għadd kbir ta’ testimonjanzi importanti ta’ kollegi, studenti, ġenituri, u ħbieb ta’ Mario. Hemm ukoll ħafna diqa u rabja.
Dak li għamel matul is-snin jitkellem ferm iżjed minn kull ħaġa li nista’ nikteb jien.

Għażiż Mario,
l-aħbar tat-tkeċċija tiegħek nikktitni ħafna.
Aħseb u ara x’għamlet lilek; lill-familja tiegħek; lill-istudenti li kellhom ix-xorti rari li jitgħallmu mingħandek, tagħlim li jsaħħaħ il-moħħ u l-qalb; lill-kollegi li ħadmu mill-qrib miegħek u tgħallmu mingħandek (bħalma int żgur tgħallimt mingħandhom, għax hekk temmen li għandhom jagħmlu l-edukaturi); u lill-ġenituri tal-istudenti, speċjalment dawk li wliedhom fil-ħajja sabu t-triq għat-telgħa.
Fik, fl-għalliema sħabek, u fil-komunità li ħloqt mal-kollegi tiegħek matul is-snin dawn l-istudenti sabu l-għajnuna biex jitilgħu dik it-telgħa bil-kuraġġ u s-sens ta’ avventura li l-aqwa edukazzjoni kapaċi tnissel fl-istudenti.
Għalhekk nitnikket l-aktar minħabba l-istudenti, dawk li mhux se jkollhom ix-xorti jgħaddu, kif ngħidu bil-Malti, minn taħt idejk. Mhux dawk li jafu x’int, u x’kont kapaċi tagħmel magħhom, u issa qed jikkonfondu u jirrabjaw, imma dawk li mhux se jkollhom iċ-ċans “jgħixu” t-tip ta’ edukazzjoni li titma’ l-moħħ u titma’ l-qalb, u twettaq hi stess dak li tgħallem.
M’għandix dubju li l-valuri li żrajt se jibqgħu f’qalb dik il-komunità li inti u l-għalliema, il-ħaddiema, l-istudenti, u l-ġenituri tal-kulleġġ rawwimtu flimkien, minkejja d-diffikultajiet.
Imma lanqas m’għandi dubju li din id-deċiżjoni, li l-forza morali kollha tagħha tinġabar fil-banalità tal-legaliżmi tal-istqarrija uffiċjali tal-avukat tal-kap il-ġdid, se jkollha impatt negattiv fuq dik il-komunità li bnejtu bil-mod, bis-sabar, bir-rispett, bil-forza tal-konvinzjoni, b’sens ta’ avventura, u b’għarfien kbir u sinċier tal-vokazzjoni tat-tagħlim.
Fid-dinja tibni bil-mod, imma tħott f’kemm trodd salib.
Naf li ma tħobbx tkun iċ-ċentru tal-attenzjoni. Naf li tara lilek innifsek bħala ħolqa u mhux bħala ħallieq. Naf li qed titbaqbaq l-ewwel u qabel kollox biex tiddefendi l-valuri li ħaddantu u ħaddimtu inti u l-kollegi fuq medda twila ta’ snin. Naf li għalik jiġu qabel kull interess personali.
Imma dan huwa l-mument tas-solidarjetà miegħek, dik l-istess solidarjetà lejn ħaddieħor li tant urejt int. Mhux biss bil-kliem, imma bil-fatti.