Il-Gvern irid ikompli jinvesti fl-ilsien Malti. Diġà qed jinvesti l-flus fi proġetti importanti li se jkollhom effett fit-tul. Imma issa jrid jibda jimpjega nies speċjalizzati. Bħalma għamel fil-qasam tal-Kultura u tal-Ktieb.
B’dan il-mod ikun qed joħloq għadd ta’ impjiegi ta’ kwalità li mbagħad huma stess jiġġeneraw aktar xogħol u investimenti.

F’diskussjoni fuq il-kampanja tal-President tar-Repubblika, “L-Ilsien Malti għal Qalbi” fil-programm TVAM fuq l-istazzjon nazzjonali tat-22 ta’ Ġunju 2022, jumejn wara t-tnedija tal-kampanja, il-preżentaturi, Pablo Micallef u Mario Xuereb, u l-mistednin tagħhom, Thomas Pace u Justine Somerville, tkellmu fuq il-ħtieġa li jkollna aktar riżorsi diġitali bil-Malti, speċjalment għat-tfal. Għax l-ikbar sfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom illum il-Malti, skont l-esperti li qed imexxu l-kampanja, huma li:
- hemm ġenituri li qed jagħżlu li ma jkellmux lil uliedhom bil-Malti
- it-tfal mhux qed isibu biżżejjed riżorsi diġitali sbieħ u intelliġenti bil-Malti li jħabbtuha tajjeb mal-aqwa prodott bl-Ingliż Amerikan.
Jidher li l-Ministeru tal-Kultura approva l-fondi għal għadd ta’ proġetti importanti, fosthom xogħol fuq dizzjunarju awtorevoli aġġornat, u ċekkjatur elettroniku tal-Malti li nafu li l-Gvern ikkommetta ammont kbir ta’ flus għalih.
Xogħol li jġib ix-Xogħol
Nies li kapaċi joħolqu dawn ir-riżorsi għandna. Ir-rieda li noħolquhom għandna wkoll. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u entitajiet oħrajn fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jaħdmu f’dan il-qasam. L-għalliema tal-Malti qed jagħmlu l-almu tagħhom ukoll. Imma issa hemm bżonn qabża kbira, investiment li jibni fuq dak li diġà sar u joħloq għadd ta’ impjiegi marbutin mal-Malti, mar-riżorsi diġitali, mal-promozzjoni tagħhom, u l-bqija.
Il-Gvern diġà għandu entità tiegħu li ilha taħdem bla heda f’dan il-qasam. Imma l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għandu riżorsi finanzjarji limitati u nuqqas kbir ta’ impjegati. Ħafna mix-xogħol isir b’mod volontarju minn nies ta’ ħila u qalb kbira imma li l-ħin tagħhom huwa limitat għax għandhom xogħol ieħor. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk.
Issa l-Gvern irid iwettaq il-missjoni tiegħu u jinvesti bil-kbir fl-ilsien Malti: fir-riżorsi umani u fir-riżorsi diġitali. Din il-kampanja tal-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika hija opportunità oħra biex nixprunaw lill-Gvern, u speċjalment lill-Ministeru tal-Kultura li taħtu jaqa’ l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, biex jinvesti l-flus fl-impjiegi u aktar proġetti li jsaħħu u jiżviluppaw l-ilsien Malti.
Il-kwistjoni tal-binja tal-Kunsill ukoll hija ċentrali. Il-liġi tal-Malti stess tistabbilixxi li jrid jitwaqqaf “Ċentru Nazzjonali tal-Ilsien Malti li, minbarra li jservi bħala s-sede tal-Kunsill, joffri riżorsi stampati u awdjoviżivi meħtieġa lill-membri tal-għaqdiet tal-Malti, istituzzjonijiet u persuni oħra interessati” [Art. 5 (3, i)].
Il-mudell diġà jeżisti: il-Kunsill Malti għall-Arti għandu l-binja, il-fondi u r-riżorsi umani li għandu bżonn. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu l-fondi u r-riżorsi umani li għandu bżonn. Dawn huma entitajiet li jiġġeneraw ferm iżjed ġid minn dak li ninvestu fihom bil-fondi pubbliċi. It-talent li l-Gvern joħroġ f’dawn l-oqsma l-ħaddiema jsarrfuh f’ħames talenti: Bil-ħiliet tagħhom. Bid-dedikazzjoni tagħhom. Bir-rieda tagħhom. U fuq kollox bl-effetti li jħallu fil-komunità.
Issa l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jrid jingħata l-istess riżorsi strutturali: Binja, impjegati li jinkludu esperti tal-lingwa u ħaddiema li jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni, il-komunikazzjoni u l-aspetti tekniċi, u fondi biex għaqdiet u kumpanniji privati jaħdmu fuq il-proġetti mmexxijin minnu.
Investiment li joħloq il-ġid
L-investiment li sar mill-Università ta’ Malta fid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena huwa eżempju tajjeb tal-mod kif l-investiment li jsir jiġġenera ferm iktar ġid milli jidher. Minn tliet letturi tal-post, id-Dipartiment illum għandu għaxar letturi tal-post u mal-erbgħin lettriċi u lettur li jaħdmu magħna part-time. Għax l-investiment fin-nies iġib ix-xogħol, u x-xogħol iġib ix-xogħol. U llum għandna mijiet ta’ studenti, Maltin u barranin, li jagħmlu korsijiet tal-Malti ta’ matul il-ġurnata u ta’ filgħaxija, u mijiet ta’ barranin li jistudjaw il-Malti, l-aktar minħabba x-xogħol tagħhom. Jiġifieri minbarra li l-Università qed tiġbed ħafna studenti ta’ kull età u ta’ kull ġens, qed iddaħħal ukoll il-flus minħabba t-tagħlim ta’ kwalità li toffri. Barra minn hekk qed tagħti servizz kbir lill-komunità u lin-nazzjon. Dan minnu nnifsu jiġġenera l-ġid.
Ngħidu aħna, mingħajr ix-xogħol kbir li qed isir fid-Dipartiment tal-Malti, speċjalment ir-riċerka li qed jagħmlu l-istudenti f’kull qasam tal-lingwa u l-letteratura Maltija, programm attraenti bħal Ilsienna fuq TVM ma kienx ikun possibbli. Mingħajr id-Dipartiment il-pubblikaturi kien ikollhom inqas materjal x’jippubblikaw, id-disinjaturi inqas xogħol x’jiddisinjaw, u l-bqija. Għax ix-xogħol iġib ix-xogħol.
Jekk il-gvernijiet tagħna jridu jsaħħu l-ilsien Malti, jekk iridu tassew joħolqu impjiegi ta’ kwalità f’bosta oqsma marbutin mat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali, iridu jinvestu iktar flus fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, kunsill tal-Gvern stess.
Il-Ministeru tal-Kultura

Il-Kunsill twaqqaf fl-2005 u f’dawn is-snin tgħallem ħafna kemm mill-ħidma tiegħu stess kif ukoll minn dak li qed jagħmlu entitajiet simili barra minn Malta. L-ideat hemm qegħdin. In-nies hemm qegħdin. il-ħiliet hemm qegħdin. Jonqos biss id-deċiżjoni u d-determinazzjoni tal-Ministeru tal-Kultura li jinħolqu għadd ta’ impjiegi u jintlaħqu għadd kbir ta’ nies bir-riżorsi li jipproduċu.
Il-mazz jinsab f’idejn il-Gvern.
Ħadt gost naqra din il-publikazzjoni. Jiena barrani li sar iħobb il-lingwa Maltija li skoprejtha jum wieħed. Nitkellem bl-Ingliż u varji lingwi Rumanzi – fost oħrajn – u grazzi għall-għarfien tal-Għarbi li kelli, meta skoprejt il-Malti ma tantx kelli nistudjah, għax meta wieħed jgħaqqad għarfien tal-Għarbi m’għarfien ta’ lingwi Rumanzi, kapaċi jifhem kważi kollox b’Malti. Ovvjament, il-Malti għadda minn sekli sħaħ ta’ iżolazzjoni lingwistika, u bħala riżultat żviluppa identità proprja għalih innifsu, u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għad-differenzi, imma wara dan mhuwiex daqshekk diffiċli, fl-opinjoni tiegħi. U kemm hu lsien affaxxinanti!
F’kull każ (wara dik l-introduzzjoni t-twila), nittama li s-sitwazzjoni li l-Malti jinsab fiha titjieb. It-teknoloġija kapaċi jkollha effett kbir fuq it-tfal fejn jidħol l-iżvilupp lingwistiku tagħhom; fl-Istati Uniti kien hemm każi fejn xi tfal bdew jitkellmu b’aċċent Brittaniku wara li raw is-serje Brittanika Peppa Pig, u fil-Portugall hemm tfal u żgħażagħ li bdew jużaw xi termini tal-Portugiż Brażiljan, minħabba li l-maġġoranza tal-kontenut maħluq bil-Portugiż jiġi mill-Brażil.
Dawn il-fenomeni juru li t-teknoloġija hi għodda qawwija ħafna – kieku hemm aktar kontenut ta’ kwalità għolja bil-Malti disponibbli għat-tfal u ż-żgħażagh, forsi setgħu jibdew jgħożżu l-lingwa u jaraw il-valur tagħha.
Grazzi ta’ dawn il-kummenti interessanti, Adam Young. Iva, aħna wkoll għandna tfal jitkellmu b’aċċent Ingliż Amerikan minkejja li l-lingwa ewlenija tagħhom hija l-Malti u l-Ingliż tal-Maltin huwa storikament influwenzat mill-Ingliż tal-Ingilterra.