Murad Shubert, Imbagħad il-Qiegħ

Ritratt meħud f’qiegħ il-baħar minn Joseph Caruana

Għadha kemm ħarġet l-ewwel ġabra tal-poeżija tal-ħabib tiegħi Murad Shubert, Imbagħad il-Qiegħ, li tinsab għall-bejgħ hawnhekk.

Kelli x-xorti nkun involut fil-proċess tal-editjar ta’ din il-ġabra u kull poeżija ddiskutejtha ma’ Murad fit-tul u iktar minn darba. Kull darba li kont naħseb li wasalna Murad kien jibdel vers, iżid jew ineħħi poeżija, jaħseb f’titlu differenti, kważi jibda mill-ġdid.

Ma żammejtx amment, kif kont għamilt ma’ Walid Nabhan meta konna qed niddiskutu Lura d-Dar u Ġrajjiet Oħra li Ma Ġrawx u L-Eżodu taċ-Ċikonji, tat-titli kollha li ħaseb fihom Murad għal dan il-ktieb. Naf li kull darba l-Google Doc li konna qed naħdmu fuqu kien jinbidel ismu u kull darba Murad kien ikollu jfakkarni l-isem il-ġdid.

Murad Shubert

Matul il-proċess ħsibt ħafna fuq ix-xogħol tal-edituri letterarji, fuq il-funzjoni tagħhom bħala assistenti tal-awturi li qatt m’għandhom jieħdu l-kitba f’idejhom. Fil-verità, lanqas li kieku jridu, l-awturi proprja mhux se jħalluhom. Minkejja d-diskussjonijiet twal u regolari, dawn jibqgħu mija fil-mija poeżiji ta’ Murad. Mill-ewwel ittra sal-aħħar waħda.

“Rifuġjat, Tifel”

L-isbaħ ħaġa f’dan il-proċess ta’ editjar li dam sejjer mhux inqas minn erba’ snin, huwa li kelli x-xorti, il-privileġġ, li nsir naf lil Murad aħjar, il-bniedem, il-ħaddiem, u l-kultura letterarja tiegħu. Kien f’dawn id-diskussjonijiet twal u dejjem mimlijin sorpriżi sbieħ li sirt naf kemm iħobb il-poeżija ta’ awturi bħal WISŁAWA SZYMBORSKA, li din il-poeżija tagħha nagħmel aċċenn għaliha fil-kumment tiegħi fuq dan il-ktieb. Kull laqgħa kienet tkun lezzjoni fuq il-letteratura Għarbija, tal-qedem u tal-lum, il-poeżija u l-proża, l-awturi magħrufin u dawk inqas magħrufin. L-ilħna kanoniċi u sikwit dissidenti, bħalm’hu l-leħen poetiku ta’ Murad.

Dejjem iltqajna b’mod virtwali jien u Murad, għax meta niltaqgħu wiċċ imb wiċċ ma jkollniex il-kliem eżatt tal-poeżiji quddiemna u biex titkellem fuqhom irid ikollok il-kliem eżatt. Għal Murad kull kelma tgħodd, kull sinjal tal-punteġġjatura. Għalhekk kien hemm mumenti meta bżajt li m’aħniex se naslu, li l-ktieb se jispiċċa ma joħroġx. Għax Murad perfezzjonista. Forsi ma tobsorx meta tara dawn il-poeżiji qosra, dawn il-vrus mexxejja. Imma fitt. Jaqra u jerġa’ jaqra. Mitt darba. U jaqra x-xogħol ta’ ħaddieħor ukoll. Dak li qed jinkiteb barra. Dak li qed jinkiteb Malta.

“Għolliq”

Għalhekk issa għandna f’idejna ġawhra ta’ ktieb. U awtur li nittama li issa jista’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Anki jekk dan huwa biss il-bidu, ftit minn dak li għandu xi jgħid.

Dawn il-poeżiji minimalisti u sorprendenti ta’ Murad Shubert huma bħal balla. Isibuk mill-bogħod u lanqas tkun taf x’laqtek. Taħseb li l-balla tkun għaddiet żbrixx minn miegħek, qisha memorja stramba. U mbagħad tibda tħoss it-tiċrita fil-laħam il-ħaj. Għax bħat-tmiem u l-bidu ta’ Wisława Szymborska, dawn poeżiji li ma jagħmlux kompromessi. Li mhux lesti jċedu mqar ftit mill-forza tal-umanità mġarrba tal-poeta. Bħal balla, għax jitkellmu bil-metafora u bil-kliem li jintqal bejn tnejn min-nies bil-leħen miksur tal-lejl. Imbagħad hemm it-tiċrita fil-laħam il-ħaj. Il-ġesti delikati ta’ bniedem tad-demm u l-laħam li kulma jrid l-imħabba. Diretta u intensa. Li tidħol sa ġewwa nett. U ssewwi l-ħsara.

Adrian Grima

Fil-qoxra tal-ktieb hemm ritratt meħud f’qiegħ il-baħar mill-Prof. Joseph Caruana li jgħallem fid-Dipartiment tal-Fiżika tal-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta. Il-pubblikazzjoni hija tal-Klabb Kotba Maltin, għax Joseph Mizzi, bħal Walid Nabhan, ħabib kbir ta’ Murad u sieħeb tal-kitba tiegħu wkoll, kellu fiduċja f’dan il-proġett mill-bidu nett.

Murad Shubert fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta 2012

Murad Shubert twieled u trabba f’Hay Mohammadi, raħal l-arti u r-reżistenza f’Casablanca, il-Marokk. F’dan ir-raħal twieled it-teatru modern Marokkin u twieldet ukoll l-arti tal-“ħalqa,” tar-rakkontar tal-istejjer f’post pubbliku, bħas-suq. Ta’ dsatax-il sena kiseb il-baccalauréat fil-letteratura moderna Marokkina, Għarbija u internazzjonali. Fl-università ggradwa fil-liġi u x-xjenza politika. It-teżi tiegħu dwar l-epistemoloġija tax-xjenza politika għadha maqfula fil-kwartier magħruf bħala Habus tad-Dar il-Bajda. F’din il-belt nibtet l-imħabba tiegħu għall-abjad u l-iswed, żewġ kuluri li jqarrqu bina inqas minn oħrajn. Huma ż-żewġ kuluri ta’ Mohammed Choukri fir-rumanz tiegħu Il-Ħobż Waħdu li fih jgħid l-affarijiet kif inhuma, mingħajr ma jbill kisra minn dal-ħobż fil-meraq tal-qerq. L-abjad u l-iswed li fihom Murad Shubert sab lil Choukri laqqgħuh ukoll mal-poeżija ta’ Mahmoud Darwish, keffnuh ma’ Ghassan Kanafani, u sawbuh bil-barka ta’ Salim Barakat u tar-ribell Amal Donkol. Dawn il-poeżiji li għandek f’idejk ħarġu minn din l-għajn imbierka.

Dawn il-poeżiji minimalisti u sorprendenti ta’ Murad Shubert

One thought

  1. Prosit Murad, veru ferhana ghalik. Din hija parti minnek li rrnexilek tohrog minn gewwa, mill- qiegh, mill-fond tieghek. Inti persuna li ghandek hafna x’ toffri. Hu hsieb habib.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s