L-Ispettaklu tan-Nazzjon

Fl-atti tal-ewwel konferenza dwar L-Istat tan-Nazzjon li saret f’Ġunju tal-2021 hemm kitba tiegħi dwar “L-Ispettaklu tan-Nazzjon.” L-intervent kont għamiltu fis-sessjoni dwar “Kultura, Arti u Komunikazzjoni: mill-Feniċi sa Facebook” u fil-ktieb hemm ukoll il-kitbiet tal-kollegi tiegħi Immanuel Mifsud u Vicki-Ann Cremona.

Il-konferenza kienu mexxewha Dr Vincent Marmarà u Lou Bondì li huma wkoll l-edituri ta’ dan il-ktieb ppubblikat mill-Klabb Kotba Maltin. Il-ktieb qed jinbiegħ mill-ħwienet ewlenin u minn fuq is-sit elettroniku tal-KKM bil-prezz ta’ €25.

Din hija t-taqsima konklużiva tal-intervent tiegħi dwar “In-Nazzjon f’Soċjetà tal-Ispettaklu“:

Biex nitkellmu fuq in-nazzjon Malti rridu nżommu f’moħħna li aħna qed ngħixu f’dik li fl-1967, b’mod tassew profetiku, Guy Debord sejħilha “s-soċjetà tal-ispettaklu.” L-ispettaklu jippreżenta ruħu fl-istess ħin bħala s-soċjetà nfisha, bħala parti mis-soċjetà u bħala mezz biex isseħħ l-għaqda. Bħala parti mis-soċjetà, l-ispettaklu huwa l-punt ta’ riferiment ta’ kull viżjoni u kull kuxjenza (jew konoxxenza); l-ispettaklu mhux ġabra ta’ immaġni imma r-relazzjoni soċjali bejn in-nies li sseħħ permezz tal-immaġni.

Nafu li n-nazzjonaliżmu huwa essenzjalment ħolqien tas-seklu 18 u 19 u nafu wkoll li Benedict Anderson bassar li n-nazzjonaliżmu kellu jmut mewta naturali fl-aħħar tas-seklu 20 biex floku jidħlu kredijiet oħrajn, bħal dak tal-koperazzjoni mill-qrib bejn pajjiżi differenti fuq bażi sovranazzjonali (bħal fl-UE). Imma nafu wkoll, kif ammetta Anderson, li n-nazzjonaliżmu ma mietx u baqa’ jintuża, anki f’Malta, fl-ispettaklu tad-diskors pubbliku u l-ikonografija kollettiva tal-mezzi tax-xandir bħala kredu li joffri sens ta’ appartenenza u ta’ stabbilità identitarja, imqar jekk falza.

Fl-1988, qabel ir-rivoluzzjoni tal-internet li amplifikat dan il-fenomenu, Debord kiteb li “l-firxa wiesgħa ta’ stravaganzi tal-mezzi tax-xandir tistrieħ fuq il-logika ħarxa tal-ispettaklu.” Fl-essenza tagħha, is-soċjetà tal-ispettaklu tagħti prominenza lill-elementi li jixtiebhu ta’ bejnietna, u ssebbaħhom, waqt li tiċħad u tħassar id-differenzi. Biex kollox jibqa’ f’postu u kollox jibqa’ l-istess. Biex l-ilma qiegħed tal-poter dominanti ma jitqanqalx.

Fis-seklu 21, il-kitba letterarja u s-saġġistika, ġeneru li jeħtieġ li jinfirex iktar fil-kultura Maltija, iridu joffru alternattiva kredibbli għall-falsifikazzjoni tar-realtajiet kumplessi tas-soċjetà Maltija. Iridu jirrakkontaw ir-realtajiet individwali, il-komunitajiet differenti, il-lingwaġġi, u l-esperjenzi, u b’hekk jiddekostruwixxu n-narrattivi l-kbar li ma jħalluniex niffaċċjaw, u forsi anki nsewwu, il-qasmiet profondi fil-komunità “nazzjonali” tagħna. Malta mhix maqsuma bejn żewġ tribujiet ta’ ħomor u blu. Hija maqsuma bejn ponn individwi mhux eletti b’saħħa ekonomika u politika sproporzjonata, b’armata sħiħa ta’ fizzjali f’kull qasam tas-soċjetà li jaqdu lis-sidien tagħhom u lilhom infushom, u maġġoranza li trid tkompli għaddejja b’ħajjitha minkejja li taf li hi wkoll parti mill-ispettaklu.

F’Malta għandna ċittadini bil-giljottina tal-kera jew tas-self imdendla fuq għomorhom. Għandna ħaddiema b’ħajjithom sospiża fil-prekarjat. Għandna wkoll ċittadini bla ċittadinanza u bla drittijiet li qed jerfgħu l-briks, inittfu t-tiġieġ, jaħslu l-platti, u jiġbru l-iskart imma li lanqas post fl-ispettaklu ma għandhom.

Is-soċjetà tal-ispettaklu ma tibnix nazzjon.

Il-filmat tal-konferenza tal-2021 jinsab hawnhekk.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s