Studju tiegħi, “Is-Soċjetà Ġwejda ta’ Dun Karm,” dwar il-mod kif Dun Karm jirrappreżenta lis-soċjetà Maltija ideali tiegħu, għadu kemm deher f’ħarġa nru 140 tas-sena XXXIV tar-rivista Knisja 2000 tal-Ordni tad-Dumnikani (April-Ġunju 2022). L-editur ta’ din rivista huwa Patri Raymond Gatt OP u t-tema ta’ din il-ħarġa hija “Dun Karm: Għadu Rilevanti?.” Verżjoni elettronika sħiħa ta’ din il-ħarġa ssibuha hawnhekk.
Fl-artiklu tiegħi, permezz ta’ analiżi kritika tal-poeżija “Kennies” u riferimenti għal poeżiji oħrajn, niddiskuti dik li l-Prof. Oliver Friggieri jqisha bħala “l-kuxjenza soċjali” ta’ Dun Karm u l-pożizzjoni ta’ Mario Azzopardi li Dun Karm kien moħħu biex jiddefendi l-pożizzjoni privileġġjata tiegħu u qajla ta kas tat-tbatijiet tal-maġġoranza tal-poplu. Filwaqt li ma naqbilx li għandna niġġudikaw ix-xogħol tal-kittieba, fosthom dak ta’ Dun Karm, skont dak li jidhrilna li kellhom jiktbu, ngħid ukoll li m’għandniex nattribwixxu lil Dun Karm vokazzjoni li ma kellux.
Fl-istudju tiegħi nikkonkludi li fil-poeżiji tiegħu Dun Karm jibni soċjetà Maltija ideali li tistrieħ fuq l-ordni morali konservattiv tal-Knisja Kattolika ta’ żmienu li fih kulħadd irid jirrispetta l-ġerarkija stabbilita u “joqgħod f’postu.”
Ara l-Werrej u l-ewwel paġna ta’ dan l-istudju hawnhekk.
Ara Knisja 2000, nru 140 …

- Fr Raymond Gatt OP., Editorjal
- Prof. Charles Briffa, It-Testment Poetiku ta’ Dun Karm
- Dr Josette Attard, Dun Karm minn perspettiva Estetika-Letterarja
- André P. DeBattista. “Iżda daqsek lil ħadd” – L-Element Patrijottiku u Nazzjonali f’Dun Karm
- Prof. Adrian Grima. Is-Soċjetà Ġwejda ta’ Dun Karm
- Dr Mario Cutajar. L-element ġeografiku fil-poeżija ta’ Dun Karm
- David Calleja. Il-pajsaġġ u l-ambjent naturali fil-poeżija ta’ Dun Karm Psaila
- Patrick J. Sammut. L-element reliġjuż fil-poeżiji ta’ Dun Karm Psaila
- Wayne Farrugia, L-element femminili fil-poeżija ta’ Dun Karm 87
- Fr David Torpiano, Ir-rilevanza dejjiema tal-versi Pawlini ta’ Dun Karm Psaila
- Tarċisju Zarb, ‘Waħdi’ u ‘Wied Qirda’ – Riflessjoni dwar żewġ poeżiji ta’ Dun Karm
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb jista’ jikkuntattja lil P. Raymond Gatt O.P., fuq l-email gattray@yahoo.com jew fuq l-indirizz postali, Patrijiet Dumnikani, Kunvent San Duminku, Triq San Duminku, Valletta VLT 1603.

Hemm bosta ħarġiet interessanti ta’ Knisja 2000, fosthom fuq Patri Ġwann Xerri, Ġustizzja, Impenn u Solidarjetà u fuq Il-Knisja u s-Sette Giugno.