Concetta Brincat, jew ix-Xempju ta’ Cornelia Melitesi

Meta lestiet l-ewwel rumanz tagħha f’Ottubru tal-1919, il-kittieba mhux magħrufa Concetta Brincat (1870-1940) iffirmat bl-isem ta’ “Cornelia Melitesi.” Iktar tard, taħt id-“Dedika,” dan l-isem qatgħetu bil-lapes u taħtu kitbet “Concetta Brincat.” Imma donnu ma kinitx konvinta li kellha tħassru u baqa’ jispikka iktar minn isimha proprju. 

L-ewwel rumanz semmietu “Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf ġewwa l-Bosk. Ġrajja ta’ Żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża.” Kitbitu fuq 1274 paġna f’31 pitazz tal-iskola. Huwa l-ewwel rumanz bil-Malti miktub minn mara li nafu bih, kważi erbgħin sena qabel Nokkla Sewda ta’ Mary Meylak (1958). Wasal għandna hekk mingħand Nicholas Bonello, ir-raġel tal-proneputija tagħha Desdemona, manuskritt miktub bl-idejn. Maria Simiana ttajpjatu b’ħila u paċenzja kbira u Reno Fenech daru kelma kelma biex jara li l-kliem ikun miktub kif niktbuh illum. Imma ma biddilniex kelma waħda minn dak li kitbet Concetta Brincat. Kif kitbitu hi se nippubblikawh aħna.

Il-Gost tal-Ismijiet

Emilio Lombardi  (1881–1956)

L-isem doppju tar-rumanz huwa tipiku tar-rumanzi popolari bil-Malti fil-forma ta’ faxxikli li kienu joħorġu fi żmien Concetta Brincat, bħal Il-Miljunarju Amerikan jew il-Vittimi tal-Assassin (1920) ta’ Emilio Lombardi. Fl-1912 Lombardi stabbilixxa l-istamperija tiegħu fi Triq San Trofimu, Tas-Sliema, kantuniera ma’ Triq Santa Marija, żewġ minuti mixi ’l bogħod mid-dar li fiha kitbet ir-rumanzi tagħha Brincat fi Triq il-Knisja. L-isem tar-rumanz jindikalna minnufih t-tip ta’ storja li se tirrakkonta: rumanz storiku, ambjentat Pariġi fi żmien “ir-renju tal-biża’ u tad-dmija” tar-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789. 

Il-protagonisti huma l-membri tal-familja ta’ nobbli kunjomha “de Valereux,” fosthom binhom Louis. It-titlu diġà jindika d-direzzjoni li se tieħu l-istorja u l-valur li l-awtriċi se tagħti lill-familja protagonista. Il-kelma bil-Franċiż “valeureux” tfisser, fost l-oħrajn “qalbieni.” Il-kelma “valuruż,” mit-Taljan “valoroso” jew mill-Isqalli “valurusu,” teżisti wkoll fil-Malti, u tfisser “stmat, meqjus sewwa”, imma wkoll “kuraġġuż, ma jibżax mill-għadu jew minn oppożizjoni.” 

L-awtriċi tuża l-kelma “valoruż” darbtejn fir-rumanz: meta titkellem fuq “il-valoruż imperatur tal-Franċiżi, l-imsemmi Napoleone Bonaparti,” li s-suldati Franċiżi “kienu jadurawh għall-valur u l-kuraġġ tiegħu,” u meta tiddeskrivi “tant xwabel antiki u valorużi oħra” li maġenbhom mal-ħajt il-Baruni Louis idendel ix-xabla tiegħu (Kap 4, X). Ortensia u Eduard de Valereux, u wliedhom Louis u Mary-Antoinette se jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna kuntrarji, imma fl-aħħar mill-aħħar se jirbaħ is-sewwa. U waqt li Brincat, Karkariża mil-Laqxija li twieldet f’familja fqira bħall-biċċa l-kbira tal-Maltin ta’ żmienha, kienet tammira r-rikkezzi, l-edukazzjoni u l-manjieri sofistikati tan-nobbiltà Franċiża, kienet tammira l-iżjed l-imġiba nobbli. F’dan is-sens, il-protagonisti t-tajbin tar-rumanz tagħha, sinjuri u fqar, huma lkoll “nobbli” għax ruħhom safja.

Cornelia l-Maltija

Fih il-ħsieb l-isem “Cornelia Melitesi.” U kapaċi jispjegalna affarijiet importanti dwar l-istorja u l-personalità tal-mara li ħolqitu. Naħseb li fl-aħħar mill-aħħar Brincat riedet tippubblika dan ir-rumanz f’isimha proprju, imma fl-istess ħin dan il-psewdonimu huwa bħal manifest fih innifsu. Jidher ċar, ngħidu aħna, li ma tridx taħbi l-fatt li hi mara, minkejja l-fatt li fi żmienha ma jidhirx li kien hemm kittieba nisa Maltin fil-ħajja pubblika, għajr għal Luċija Levanzin Inglott.

Paġna mill-manuskritt ta’ Is-Saħħara Nerelis

“Cornelia Melitesi” jfakkarni fil-Latin u f’Ruma tal-qedem. It-tieni rumanz ta’ Concetta Brincat, li spiċċatu fl-1922 u ffirmatu bħall-ewwel wieħed, huwa ambjentat fi żmien l-imperatur Neruni. Għalhekk mhix kumbinazzjoni li fil-Prologu tal-ewwel rumanz issemmi l-persekuzzjoni tal-Insara f’Ruma ta’ żmien Neruni. Jidhirli li dan il-kuntest jindika kif għandna ninterpretaw dan il-psewdonimu. Jien ħa nibda l-analiżi ta’ dan l-isem maħluq minn siequ, “Melitesi.” 

Skont il-kollega tiegħi Dr Karm Serracino, espert tal-lingwi klassiċi, il-kelma Latina “Melitensis” hija aġġettiv li jfisser “Malti” jew “Maltija.” Il-kunjom ivvintat “Melitesi” aktarx huwa verżjoni żbaljata ta’ “Melitensis.” Minn dat-tip ta’ żbalji hemm ħafna fir-rumanz: minkejja l-edukazzjoni Franċiża mill-aqwa li kellha, Brincat ma kellhiex il-lussu ta’ librerija ma’ saqajha biex tiċċekkja kull isem u kull kelma minn lingwi differenti li użat fir-rumanz tagħha. Fl-istess ħin, jista’ jkun ukoll, kif qalli Dr Serracino, li “Melitesi” hija fil-fatt “korruzzjoni intenzjonata” ta’ “Melitensis.” Għalhekk l-isem letterarju li għażlet biex tidentifika lilha nfisha jfisser “Cornelia l-Maltija” (jew “Cornelia ta’ Malta”).

Cornelia, omm il-Gracchi, xogħol ta’ Noël Hallé (1779, Musée Fabre)

L-isem “Cornelia” aktarx huwa riferiment għal figura importanti u “nobbli” fl-istorja tal-imperu Ruman, Cornelia Scipionis Africana, bint l-eroj militari magħruf Scipio Africanus. L-istorja tfakkar lil Cornelia bħala xempju tal-mara Rumana minħabba l-kuraġġ tagħha, id-dinjità, u l-forza intellettwali. Skont Sara Petrolini dawn il-kwalitajiet jagħmluha mara moderna u mhux differenti wisq mir-rakkonti tal-erojini traġiċi tal-letteratura Romantika tas-seklu dsatax li jista’ jkun li qrat Concetta Brincat fi tfulitha u żgħożitha.

Cornelia kienet “omm il-Gracchi,” żewġ aħwa subien li baqgħu magħrufin fl-istorja ta’ Ruma tal-qedem bħala riformaturi. Tiberius u Gaius Gracchus kienu rappreżentanti tal-poplu li fit-tieni seklu ta’ qabel l-era Kristjana ħadmu biex jintroduċu riformi marbuta mal-art u liġijiet oħrajn. Dawn ir-riformi kienu popolari fost in-nies komuni imma l-aħwa kellhom iħabbtu wiċċhom mal-oppożizzjoni ta’ forzi konservattivi fis-Senat Ruman. It-tnejn li huma spiċċaw inqatlu mill-għedewwa tagħhom. 

Kittieba Elokwenti

Fuq medda ta’ sittax-il sena, Cornelia kellha tnax-il wild, bniet u subien, u baqgħet magħrufa għall-mod kif inxteħtet b’ruħha u ġisimha fuq it-trobbija u l-edukazzjoni ta’ wliedha. Din ħaġa li nafu li Concetta għamlet ukoll mat-tfal tagħha, għaxra, li minnhom baqgħu ħajjin tmienja, u rabbiethom b’għożża u b’intelliġenza kbira u nisslet fihom l-imħabba kbira għall-iskola u għall-qari li kellha hi. 

Imma forsi l-iktar karatteristika interessanti marbuta ma’ Cornelia r-Rumana hija l-fama tagħha bħala kittieba elokwenti li kisbitha minħabba l-ittri li kitbiet lil wliedha Tiberius u Gaius biex tiggwidahom fil-ħidma tagħhom bħala rappreżentanti tal-poplu. Dawn l-ittri huma fost l-ewwel eżempji tal-epistolografija Latina privata u jirrappreżentaw id-dedikazzjoni tagħha għal uliedha u l-ħila tagħha fit-tħaddim kreattiv tal-lingwa. Dawn aktarx huma l-karatteristiċi li Concetta Brincat kienet tammira f’Cornelia u riedet trawwem fiha nfisha.

This legendary supermother,” kif issejħilha Suzanne Dixon fil-ktieb tagħha Cornelia, Mother of the Gracchi (Routledge, 2007), kienet “a grande dame whose name adorned rhetorical litanies of feminine perfection rattled off in every Roman schoolroom.” Dawk li ġew warajha baqgħu jqimuha bħala mara miżżewġa, omm, armla, u mater dolorosa eżemplari, imma anki bħala l-awtriċi ta’ stil ta’ proża mill-aqwa. Kienet ukoll mara magħrufa, bħalma huma n-nisa eżemplari tal-ewwel rumanz ta’ Concetta Brincat, għall-femminilità rżina tagħha. Hekk tidher, tgħid Dixon, fl-iskultura, il-pittura u saħansitra l-vetrati milwiena li jiċċelebraw il-figura awtorevoli u kasta tagħha, anki fis-seklu għoxrin.

Jekk din hija interpretazzjoni korretta, l-isem letterarju li għażlet juri li Concetta Brincat kellha idea ċara ta’ x’tip ta’ mara riedet tirrappreżenta fil-kitba tagħha. Cornelia Melitesi hija qabelxejn mara eżemplari, bħall-Madonna, fl-imġiba morali (u sesswali) tagħha u omm li tiddedika ruħha għal uliedha skont il-kriterji dominanti ta’ Malta Kattolika ta’ żmienha. Iżda hija wkoll persuna ta’ skola kbira u intelliġenti. Fuq kollox, hija mara li kapaċi tuża l-lingwa Maltija, lingwa li ftit li xejn kienet stmata bħala lingwa letterarja fil-bidu tas-seklu għoxrin. Riedet tuża l-Malti b’mod kreattiv biex minn repertorju ta’ kliem ta’ kuljum toħloq rakkont li jwassal il-maġija tal-letteratura. 

Adrian Grima | Awwissu 2021


One thought

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s