Skizzi għal Ibni

Nhar il-Ħamis, 2 ta’ Diċembru 2021, bħala parti miċ-ċerimonja tal-kxif tal-monument tal-ewwel prim ministru Malti, Joseph Howard, xogħol l-iskultur Joseph Scerri, quddiem il-bieb tal-Imdina, qrajt ċiklu ta’ erba’ poeżiji bl-isem ta’ “Skizzi għal Ibni” akkumpanjat mill-mużika jazz ta’ Maestro Dominic Galea.

Dan iċ-ċiklu jibnu fuq Skizzi għas-Sette Giugno (2019) li kont ippreżentajt ma’ Dominic Galea u l-grupp tiegħu fil-mitt anniversarju tar-rewwixta tas-sebgħa ta’ Ġunju 1919. “Skizzi għal Ibni” jħares lejn l-Awtonomija li ksibna fl-1921 u li wasslet għall-ewwel gvern Malti meta konna għadna kolonja tal-Gran Brittanja.

L-ewwel poeżija tibda 12:40; imbagħad it-tliet poeżiji l-oħra jibdew 33:20
Carlo Muscat u Adirn

L-erba’ poeżiji huma “L-Affarijiet tal-Wieħed u Għoxrin,” “Il-Longa tal-Ftehim” (riprodotta iktar ‘l isfel), “L-Eħtrieq,” u “Aħna l-Meħlusin,” u ktibthom biex jinqraw mal-mużika jazz ta’ Dominic Galea. Mingħajru ma kontx niktibhom. U mingħajru ma kontx nieħu daqshekk gost naqrahom.

Mix-xellug Dominic Galea, Anthony Saliba, Carlo Muscat, Adrian Grima

L-erba’ poeżiji ta’ Skizzi għal Ibni (2021) jesploraw il-ġrajjiet u s-sentimenti kollettivi marbutin mal-ġrajjiet tal-1919 u l-kisba tal-Awtonomija fl-1921 mill-perspettiva ta’ żagħżugħ ta’ 21 sena li qed jgħix f’Malta llum, Malta ħielsa li trid terfa’ r-responsabbiltà tal-għażliet li tagħmel.

Ħajr lill-mużiċisti l-oħrajn, Carlo Muscat fuq is-sassofonu u Anthony Saliba fuq il-bass. Għal qalbi dan iċ-ċiklu l-ġdid. U grazzi lill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali tal-pubblikazzjoni sabiħa. Mir-ritratti ma tistgħux tħossu l-ġmiel ta’ karta li użaw u ma jidhirx biżżejjed id-disinn sabiħ li ħarġu bih. Kuntent li dawn il-poeżiji mqanqlin sabu posthom f’dan il-friex. Imma ħerqan biex nerġa’ nqajjimhom bil-mużika ta’ Dominic u l-mużiċisti tiegħu.

Ħajr lil Dominic Galea tal-istedina biex nerġa’ naħdem miegħu u lil Clare Azzopardi li rat l-ewwel abbozz ta’ dan iċ-ċiklu ta’ poeżiji u bil-kummenti tagħha għenitni biex nikteb verżjoni finali aħjar.


IL-LONGA TAL-FTEHIM 

Issa ħa nkellmek fuq l-għaqda.
Fuq ġens li sawruh ġnus 
mit-Tramuntana u min-Nofsinhar 
mill-Punent u l-Lvant u dakinhar
kien storja waħda.
Fuq folol ġejjin minn kull korla, 
minn kull dar, 
minn kull diq.

Għax jiġu waqtiet fl-istorja,
addoċċijiet,
meta l-waqt jgħaqqad it-trufijiet imħabbla 
tal-bnedmin 
u kollox joqgħod f’postu,
qisu kumitat,
qisu purċissjoni tal-vjatku,
qisu saff sħab miġbud,
bla ma jaf, 
lejn l-istess ħalba.

Illum,
ħafna sħab wara,
nista’ ngħidlek li l-għaqda 
waqt 
wieħed 
ħafif,
bħas-sħarijiet,
sema li jiġbidna lejh.

Irrid ngħidlek li difettuża l-għaqda,
kapriċċ tal-pjaneti.
Iżda m’għandniex ħliefha.
 
L-għaqda l-waqt 
u kultant,
fis-suq tal-istorja,
fl-addoċċijiet tal-allat,
ninzertawha,
ħalba li tilluminana. 

L-għaqda s-sabar inspjegabbli tan-nofstanharijiet
tinnegozja x-xemx u d-dell u l-lejl u s-sebħ
fil-longa mdellka tal-ftehim.

Dak, 
ibni,
ikun 
il-waqt 
tagħna.
U fil-pjazza quddiem il-palazz
ma jħassarhulna xejn.

minn Adrian Grima, Skizzi għal Ibni, Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, Diċembru 2021


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s