Interpretazzjonijiet ta’ Oliver Friggieri

Dan l-aħħar kont involut f’żewġ avvenimenti li fakkru lil Oliver Friggieri, sena minn mewtu fil-21 ta’ Novembru 2020, waħda fit-Teatru Manoel u l-oħra fi Spazju Kreattiv. Wara r-rappreżentazzjoni tal-produzzjoni ta’ teatru u żfin “O” tal-Ħadd 30 ta’ Ottubru 2021 fit-Teatru Manoel, ħadt sehem f’diskussjoni mmexxija minn Joe Friggieri li fiha tkellmu wkoll Sean Buhagiar u Cheryl Lofreda. Deherli li din il-produzzjoni awdaċi qabdet l-ispirtu avventuruż, kultant konfrontattiv, dejjem onest, ta’ wħud mill-aqwa poeżiji u stejjer ta’ Oliver Friggieri.

Diskussjoni wara r-rappreżentazzjoni “O” bis-sehem ta’ Adrian Grima, Sean Buhagiar, Joe Friggieri, u Cheryl Lofreda

Nissuspetta li kieku Oliver kien magħna kien iħossu skomdu quddiem il-koreografija kontemporanja u l-interpretazzjoni sikwit passjonali u aggressiva tal-versi tiegħu. Ma kienx jibqa’ passiv jew komdu f’postu. U din ħafna drabi hija l-esperjenza tagħna meta naqraw u nisimgħu l-aqwa xogħol tiegħu, minn L-Istramb sa “Requiem għal Ommi,” mix-xilja bla kantunieri ta’ “Innu lil Tribù b’Żewġ Bnadar” sas-sarkażmu ta’ “Merħba lill-Albaniżi.” Filwaqt li t-telfa ta’ “figura nazzjonali” maħbuba bħalma hi dik ta’ Oliver Friggieri wasslet biex tingħata prominenza lill-kwalitajiet umani tiegħu bħala bniedem li jgħaqqad lill-Maltin flimkien, il-kitba letterarja tiegħu turi li ma kienx jibża’ jew joqgħod lura mill-iskontru biex jistħarreġ jew jirrakkonta dik li għalih kienet il-verità. U mhux kulħadd kien jaqbel miegħu.

Teatru Manoel, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta, jippreżenta “O.,” xogħol ikkummissjonat mid-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali. Maħluqa u mmexxija minn Sean Buhagiar, din il-wirja ta’ żfin teatrali tinterpreta x-xogħol ta’ Oliver Friggieri permezz ta’ mużika oriġinali mill-produttur mużikali Chris Vellau koreografija ta’ Cheryl Lofreda. Din l-artista se tkun akkumpanjata mill-kumpanija taż-żfin tagħha The MVMT flimkien mal-parteċipazzjoni tal-atturi Jamie Cardona u Claire Tonna.

Din ir-rappreżentazzjoni tagħti l-ħajja lix-xogħol letterarju ta’ Oliver Friggieri u hija ispirata minn ħajtu u ħidmitu u l-ammirazzjoni li kellu lejn Dun Karm Psaila, li f’Ottubru tal-2021 niċċelebraw il-150 anniversarju mit-twelid tiegħu. Din il-biċċa xogħol teatrali kontemporanja tistudja u tiċċelebra l-ħajja ta’ dak li aktarx hu l-iktar kittieb maħbub f’Malta llum. Il-ħames rappreżentazzjonijiet ta’ din il-produzzjoni se jsiru fid-29, 30 u 31 ta’ Ottubru, u fl-1 u t-2 ta’ Novembru 2021.

Ritratt: Neil Grech

Direttur: Sean Buhagiar

Koreografija: Cheryl Lofreda

Kast: Il-MVMT, Jamie Cardona u Claire Tonna

Mużika u Soundscape / Music and Soundscape: Chris Vella

Bil-vuċijiet ta’ Manuel Cauchi, Paul Portelli, Mario Micallef, Michael Tabone, Godwin Scerri, Michael Sciortino, u Peppi Azzopardi

Disinn tal-Produzzjoni: Bloc

Dawl: Andrew Schembri – Late Interactive

Riċerka u Assistenza ta’ Gabriel Lia

ASM: Ann Marie Camilleri

Illustration: Victoria Gatt

Poster Design: Bloom Creative 


Adrian Grima u Joseph Borg waqt id-diskussjoni fi Spazju Kreattiv. Ritratti ta’ Elisa von Brockdorff

Mogħdija ta’ Tifkiriet – Tislima lil Poeta

Spazju Kreattiv, 4 Novembru 2021 – 5 Diċembru 2021

L-interventi kollha waqt id-diskussjoni marbuta mal-wirja “Mogħdija ta’ Tifkiriet – Tislima lil Poeta,”
Spazju Kreattiv, 17 ta’ Novembru 2021

Sena mill-mewt ta’ wieħed mill-awturi l-aktar rispettati u kritiku ewlieni tal-letteratura f’Malta, Spazju Kreattiv jippreżenta wirja dwar il-Prof. Oliver Friggieri. Dan il-proġett kommemorattiv jitfa’ dawl fuq episodji notevoli minn ħajtu permezz ta’ kitbiet u tpinġijiet li qatt ma dehru qabel u li joffru ħjiel tal-proċess tal-ħsieb u t-trobbija tiegħu.

Ir-riċerkatriċi Beverly Agius

Joseph Borg, li mexxa d-diskussjoni, ħejja mistoqsijiet għall-kelliema kollha. L-ewwel mistoqsija li staqsa lili (li tibda f’dan il-mument, 23:20, fir-recording hawn fuq) kienet dwar il-poeżija ambjentali u ambjentalista ta’ Oliver Friggieri:

“Waħda mill-eqdem u mill-aqwa lezzjonijiet li tagħtina l-Letteratura ta’ kull pajjiż hi l-lezzjoni favur l-ambjent, favur id-dinja li ninsabu fiha, mhux bħala s-sidien tagħha li m’aħniex, imma bħala sħab, aħwa u kollegi tal-ħlejjaq l-oħra kollha, ilkoll maħluqin fi pjan wieħed ta’ ħajja u sħubija. Dak kollu li qiegħed jingħad (fis-Seklu Għoxrin) mill-ambjentalisti, mill-moralisti, minn reliġjonijiet diversi, mix-xjenzjati fil-qasam tal-Bijodiversità, ilu sekli fuq sekli sħaħ li ngħad għal elf darba u aktar mill-kittieba, u l-aktar mill-poeti” (Oliver Friggieri, “Letteratura Favur l-Ambjent,” L-Antoloġija tan-Natura, 1995). Oliver Friggieri profeta fid-deżert mal-bqija tal-ambjentalisti?”

Għalija l-poeti mhumiex ambjentalisti; m’għandhomx għalfejn ikunu ambjentalisti. Fl-aħħar mill-aħħar il-materja prima li għandhom x’jaqsmu magħha l-poeti hija l-kelma u x-xogħol tagħhom jitkejjel skont il-ħila tagħhom li jissorprenduna, li jsammruna bil-kelma tagħhom u bil-mod kif jużawha. Il-poeta jixprunaw lill-ambjentalisti, l-attivisti, biex jaġixxu favur l-ambjent. Jistgħu huma wkoll jagħżlu li jkunu ambjentalisti; jistgħu, bħalma għamel Oliver, jagħżlu li jimpenjaw ruħhom fid-diskors pubbliku u jitkellem favur il-ħarsien tal-ambjent, favur ir-rispett lejn in-natura. Fil-bidu tat-tweġiba tiegħi lil Joe qrajt l-ewwel ftit strofi mill-poeżija “Jekk” li turi kif il-ħolqien kien isaħħar lil Oliver Friggieri, kif iġiegħlu jistaqsu mistoqsijiet kbar dwar l-eżistenza tagħna l-bnedmin fuq din l-art. Imma mhijiex poeżija ambjentalista bħalma hi protesta dwar il-bini li qed joħnoq u jeqred ħafna mill-ambjent naturali u anki urban tagħna. Fil-fehma tiegħi, il-poeti u l-ambjentalisti, fis-sens ta’ attivisti, ta’ persuni attivi f’movimenti biex ibiddlu s-soċjetà b’mod konkret, li jimmobilizzaw in-nies, li jqanqluhom biex jieħdu azzjoni konkreta, għandhom funzjonijiet differenti.

Fl-istess ħin, il-poeti u l-ambjentalisti t-tnejn huma xewka. It-tnejn huma xkiel għax id-diskors, u l-kontroll tad-diskors huwa importanti. Waħda mill-problemi li għandu pajjiżna, fil-fehma tiegħi, hi li l-poeti u l-ambjentalisti m’għandhomx l-ispazju biex isawru d-diskors pubbliku. Għax id-diskors jista’ jinxtara wkoll, bir-reklami, bil-pjaċiri, bir-rigali, bil-kompliċità, bl-idea konvenjenti li kulħadd jaħti u allura ma jaħti ħadd.

Imma l-poeti mhumiex attivisti.  Il-poeti u l-poeżija li jiktbu huma armi fundamentali f’idejn l-attivisti. Naturalment hemm bosta poeti li huma wkoll attivisti, u b’modi differenti. Hemm minnhom li jitkellmu fil-protesti li jsiru fit-toroq, li jinġabru man-nies u jiġbru n-nies madwarhom. U hemm ukoll tipi differenti ta’ poeżiji, bħal dik maħsuba biex tqanqal folla nies.

Adrian Grima, Joseph Borg u Leanne Ellul

It-tieni mistoqsija li staqsieni Joseph Borg kienet dwar it-tbatija u l-kurċifiss, tema prominenti wkoll fit-tpinġijiet li kien jagħmel Oliver fl-aħħar snin ta’ ħajtu u li tkellmet fuqhom bintu Sara Brincat Friggieri fl-aħħar intervent tal-lejla. Din kienet il-mistoqsija ta’ Joe:

“L-uġigħ jokkupa l-ispazju kollu.” – Oliver Friggieri f’osservazzjoni personali miegħi. Lil Oliver għandna nammirawh għal mod kif ġarr salibu, speċjalment b’rassenjazzjoni sħiħa meta saħħtu bdiet sejra lura. Imma t-tema tal-kurċifiss insibuha minn kmieni fix-xogħlijiet tiegħu. X’tikkummenta?”

Għalija waħda mill-isbaħ karatteristiċi tal-poeżija ta’ Oliver Friggieri hija r-rappreżentazzjoni tal-bniedem bħala għalkollox uman, għalkollox fraġli, għalkollox dgħajjef, u sikwit malinkoniku. Dan jidher mill-ewwel fil-poeżiji bikrin tiegħu u jibqa’ jidher fis-snin sebgħin u tmenin, il-perjodu li jinteressa l-aktar lili. Filwaqt li hemm min jaħseb li l-element tad-disprament inaffar lil ħafna qarrejja żgħażagħ li jarawh “pessimista wisq,” jien naħseb li għall-kuntrarju ħafna żgħażagħ jidentifikaw mal-fraġilità umana li hu jikteb fuqha għax il-waqtiet ta’ disprament, anki ta’ tentazzjonijiet suwiċidali jġarrbuhom huma wkoll. Hemm poeżiji li jirrakkontaw bniedem li jħossu fix-xifer tat-tama u tal-ħajja, bħal “Il-Mewt Indifferenti,” “Solitudni,” “Doqquli n-Noti Tqal,” u
“Qabel Tagħfas il-Ħabel.” Oliver donnu jikteb fuq dawn il-mument diffiċli ħafna kemm għax ma jistax jaħrab mill-onestà tiegħu u kemm għax jemmen fil-ħajja u jrid jgħixha fil-milja kollha tagħha. Għaldaqstant, il-biża’ onest tiegħu mid-disprament fl-istazzjonijiet tal-ħajja huwa kaġun tal-fidi onesta tiegħu fil-ħajja mhux ċelebrazzjoni tan-nuqqas ta’ ħajja.

Barra minn hekk, fil-poeżija tiegħu Oliver mhuwiex medhi bih innifsu. Filwaqt li f’uħud mill-isbaħ poeżiji tiegħu, bħal “Dalwaqt Jasal it-Tren tad-Dwejjaq Tiegħi,” jikteb fuqu nnifsu fl-ewwel persuna singular, kultant jirreferi għal bniedem fit-tielet persuna, jew għalina l-bnedmin fl-ewwel persuna plural, meta tħoss li fil-fatt qed jitkellem fuqu nnifsu: il-poeżija tiegħi qatt mhi maqtugħa mit-tiġrib tal-bnedmin, mill-fraġilità tan-natura umana. Ngħidu aħna f’poeżija bikrija dwar ommu, “Jekk Hawn Bniedem,” il-preokkupazzjoni l-kbira tiegħi hi dwar l-inġustizzja kbira li qed issir ma’ ommu maqbuda fi żwieġ li qed jagħmlilha l-ħsara u jġegħelha tbati biss. Din hija tema li mbagħad jiżviluppaha b’mod straordinarju fil-versi rrabjati, konfrontattivi, ta’ mogħdrija kbira, f'”Requiem għal Ommi.”

Matul is-serata, Mario Micallef qara poeżiji ta’ Oliver Friggieri

Fuq il-figura ta’ Kristu, waħda mill-iktar poeżiji memorabbli hija “L-Akbar Mass Meeting” li tindirizza lil Ġesù Kristu ripetutament bħala d-“Diż-Onorevoli Kristu” li l-akbar dnub tiegħu, ironikament, huwa l-fatt li daħal “sa ġewwa fil-qlub tal-imġarrbin.” Bħala mexxej li jġarrab mal-imġarrbin, Ġesù qatt ma jista’ qatt ikun bħall-politiċi li jitħabbu ma’ dawk li għandhom il-poter fis-soċjetà biex jiksbu l-poter u l-attenzjoni huma wkoll. Meta l-poeta jiddeskrivih lil Kristu bħala dittatur, kriminali, proletarju, u arroganti ma jkunx qiegħed jixli lilu imma lil dawk il-politiċi li l-kilba għall-poter titlgħalhom għal rasu u jispiċċaw jaraw biss l-interessi tagħhom. Bħala d-“Diż-Onorevoli Kristu,” jiġifieri bħala dak li huwa l-oppost tal-Onorevoli li jmexxu, Kristu qed jistabbilixxi l-kuntrarjetà tiegħu għall-mod kif iġibu ruħhom il-politiċi. L-istqarrijiet tal-poeta dwar Kristu huma ftit jew l-oppost ta’ dak li jidhru li qed jgħidu u jistabbilixxu b’mod li jidher definittiv il-vokazzjoni twajba tiegħu. F’dan is-sens Oliver Friggieri huwa x-xewka li ma tridx tibqa’ taqta’ fil-laħam il-ħaj lagħna.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s