“Kitbiet bħal dawn tkun ħasra jekk jintilfu”

Nicholas Bonello, Alfred Sant u Concetta Brincat

Nicholas Bonello

Bħal-lum ħames snin ilu ħalliena s-Sur Nicholas Bonello, li permezz tiegħu sirt naf bil-manuskritti tar-rumanzi ta’ Concetta Brincat bil-Malti. Concetta kienet in-nanna tal-mara tiegħu Desdemona, magħrufa minn kulħadd bħala Daisy. Nicholas kien qalli li kienet ix-xewqa ta’ martu li r-rumanzi jiġu ppubblikati. Dawn huma l-eqdem rumanzi bil-Malti li għandna miktubin minn mara. Kieku ma kienx hu ma nafx x’kien jiġri minn dawn ix-xogħlijiet imprezzabbli għall-istorja tagħna.

Fl-aħħar ta’ Novembru 2012 kont irċevejt email mingħandu. Qatt ma konna tkellimna qabel u ma konniex nafu lil xulxin. Qalli li Dr Alfred Sant kien ħajru biex ikellimni “dwar manuskritti antiki ta’ żewġ rumanzi li ġew miktubin wieħed fl-1919 u l-ieħor fl-1922.” Ħajru biex jikkuntattjani biex forsi nissuġġerilu “x’jista’ jsir biex dawn il-manuskritti ma jintilfux.” 

Possibbli, Missirijiet Biss?

Il-manuskritti, qalli, kitbithom in-nanna tal-mara tiegħu li kien jisimha Concetta Brincat “taħt l-isem ta’ Cornelia Melitesi.” Kienet miżżewġa u toqgħod tas-Sliema, imma fi tfulitha għexet ukoll l-Alġerija. “Naturalment huma miktubin bil-Malti ta’ dak iż-żmien, u qatt ma ġew ippubblikati.” Il-kitba, qalli “hija leġibbli ħafna, u jidher li kienu miktubin b’paċenzja u mingħajr għaġla. Jiena nħoss li kitbiet bħal dawn tkun ħasra jekk jintilfu.”

L-ewwel rumanz, qalli Nick, inkiteb fl-1919 u jismu “Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-bosk. Ġrajja ta’ Żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża.” Inkiteb fuq 31 pitazz u fih 1274 paġna. Il-pitazzi “kienu jiġu mill-Italja u kellhom stampi ta’ sports differenti fuqhom.” It-tieni rumanz jismu “Is-Saħħara Nerelis. Ġrajja ta’ Żmien Neroni” u fih 1466 paġna. Inkiteb fl-1922 fuq 45 pitazz, “pitazzi li kienu prodotti f’Malta.”

Meta flimkien ma’ Maria Simiana qbadt dawn il-mazzi ta’ pitazzi f’idejja u bdejt naqra l-kitba ta’ mara li l-istorja tagħha u x-xogħol li kitbet b’dedikazzjoni u passjoni kbira baqgħu misturin għal kważi mitt sena, ħassejt li dan kien privileġġ kbir u fl-istess ħin dmir. Għax minkejja li la Concetta, la bintha Emma, la bint Emma Desdemona, u lanqas Nicholas m’għadhom magħna, aħna, bħala werrieta ta’ dan ix-xogħol, ta’ din il-passjoni lejn il-letteratura u lejn l-istorja, għandna d-dmir li nwasslu dawn ir-rumanzi lill-qarrejja Maltin. 

Għal xi raġuni li jien ma nafhiex, is-soċjetà ta’ żmienha ċaħħdet lil Concetta Brincat mill-attenzjoni li l-kitba tagħha kien jistħoqqilha. Aħna ma nistgħux nagħmlu l-istess. M’għandniex skużi. Bil-pubblikazzjoni tagħhom qed inwessgħu t-tradizzjoni letterarja tagħna u ninkludu fiha lil dawk li “missirijietna” ħallewhom barra minnha u tawna l-impressjoni li kellna “missirijiet” biss.

L-ewwel rumanz, Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk, għandu ħafna mill-elementi tar-rumanz tal-faxxikli, imma għandu wkoll xi aspetti oħrajn li narahom interessanti. Qed nirreferi iktar għall-kontenut milli “purament” għall-istil: id-deskrizzjonijiet tal-ilbies u kultant tal-għamara; l-interpretazzjoni ta’ aspetti tal-ħajja ta’ kuljum, ngħidu aħna l-mażżra tal-kera, mill-perspettiva tal-fqar; it-tensjoni bejn l-ordni u d-diżordni morali u soċjali; il-prominenza, f’ċerti mumenti, tal-vuċijiet ta’ wħud mill-karattri nisa: elementi bħal dawn. Imbagħad naħseb li hemm elementi interessanti ħafna fil-lingwa li tuża, għax Concetta Brincat mhix marbuta mal-estetika tal-“Malti safi” li kienet dominanti fost il-kittieba tal-Malti li kellhom pożizzjoni fis-soċjetà. F’dan is-sens toffri estetika ftit differenti, u għalhekk għall-erwieħ.

Nicholas Bonello

L-awtur u politiku Alfred Sant, f’email li kien bagħatli f’Diċembru tal-2012, kien iddeskrivieli lil Nicholas Bonello bħala “bniedem serju ħafna, tar-rispett u b’esperjenza varjata,” li ġie onorat mill-Awstralja bil-midalja prestiġjuża tal-Order of Australia Medal. Nicholas għamel żmien Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Awstralja. Ħadem bis-sħiħ biex isir monument li jfakkar is-suldati tal-ANZAC f’Malta u mexxa l-kumitat li ħa ħsiebu. Kien wieħed mill-fundaturi tal-ġurnal Maltese Herald fl-Awstralja fl-1961 u l-fundatur tal-Maltese Australian Association-Malta fl-1974.

Dr George Vella, Ministru tal-Affarijiet Barranin, u s-Sur Nicholas Bonello, chairman tal-ANZAC Memorial Committee Malta, waqt il-kxif tal-monument fil-Ġonna tal-Argotti, il-Furjana, is-Sibt 25 ta’ Mejju 2013

Skont Alfred Sant, ix-xogħol letterarju ta’ Concetta Brincat huwa interessanti għax inkiteb minn mara u għax l-impressjoni li tagħti hu li “kienet qed ‘timmira’ għas-suq popolari tas-snin għoxrin u tletin tas-seklu l-ieħor, fejn hemm ħafna kitbiet f’forma ta’ faxxikli li ma tantx tqiesu sa issa, mhux biss mil-lat letterarju (kienu pjuttost fqar f’hekk) imma wkoll mil-lat soċjoloġiku.” 

Nick kitibli kemm-il darba wara li ħadna r-ritratti tal-manuskritti. Maria Simiana ittajpjathom b’reqqa kbira u Reno Fenech dar l-ortografija biex tirrifletti l-konvenzjonijiet tal-lum mingħajr ma mmissu xejn mill-għażliet lingwistiċi u stilistiċi li għamlet Concetta u li kienu jirriflettu l-Malti li kienet titkellem u taqra hi. 

Ix-xogħol ta’ editjar ħa ħafna snin għax Concetta Brincat ma kellhiex il-mezzi li għandna f’idejna llum: la kellha verżjoni standardizzata tal-alfabett Malti; la kellha l-għodda biex tara li tkun konsistenti fil-mod kif tikteb l-istess kelmiet matul ir-rumanz; la kellha typewriter; la setgħet tikkonsulta ma’ qarrejja tal-provi u edituri letterarji: kien xenarju editorjali għalkollox differenti. 

U għalkemm kien hawn bosta stamperiji li jippubblikaw ir-rumanzi tal-faxxikli, fosthom stamperija magħrufa, ta’ Lombardi, li kienet tistampa u tippubblika l-kotba bil-gzuz ftit minuti mixi ’l bogħod mid-dar tagħha fi Triq il-Knisja f’Tas-Sliema, qrib il-knisja tas-Sacro Cuor, ir-rumanzi tagħha baqgħu fil-kexxun. Kieku ma kienx għal Nicholas Bonello u l-insistenza tiegħu, kienu jibqgħu mirdumin fil-kxaxen tal-familja.

Baqa’ jiktibli u jkellimni regolarment biex jara fiex wasalna fit-tħejjija tar-rumanzi għall-pubblikazzjoni sakemm ma bqajtx nisma’ mingħandu aktar. Meta bdejt naħdem fuq dan il-proġett lanqas jien ma bsart kemm kien hemm xogħol xi jsir. Kieku ma ddedikajtx sabbatiku ta’ sena biex nagħmel riċerka fuq il-ħajja ta’ Concetta Brincat u naħdem fuq l-ewwel rumanz tagħha konna nibqgħu fejn konna, għax xogħol bħal dan jitlob ġranet twal ta’ qari bir-reqqa fuq medda twila ta’ xhur. Mhuwiex xogħol li jista’ jsir bil-biċċiet. Imma matul dawn is-snin kollha bqajt nisma’ l-vuċi dejjem ġentili imma insistenti ta’ Nicholas issuqni.

Ir-Ritratt Li Bqajna ma Ħadniex

Jiddispjaċini ħafna li ma stajtx nagħtih f’idejh imqar kopja stampata tal-ewwel rumanz. Issa l-aħħar provi jinsabu għand il-Klabb Kotba Maltin, li hu ftiehem magħhom biex ikunu l-pubblikaturi ta’ dawn ir-rumanzi. Nittama li fix-xhur li ġejjin nista’ nikteb lil bintu Carmen Baxter, li baqgħet issegwi dal-proġett wara li ħalliena missierha, biex ngħidilha li se ngħaddilha kopja tal-ewwel edizzjoni ta’ Il-Familja de Valereux. U dakinhar nieħdu ritratt flimkien, ħaġa li jiddispjaċini immens li qatt ma għamilt ma’ Nicholas, minkejja li ltqajna d-dar tiegħu B’kara, ħdejn il-Knisja l-qadima, kemm-il darba.

Nicholas Bonello miet fl-1 ta’ Diċembru 2016 fl-età ta’ 90 sena u ndifen fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Balzan, fejn indifnu wkoll il-ġenituri tiegħu u ħutu. Inħossni midjun ħafna lejh. 

Għal aktar tagħrif dwar Nicholas Bonello ara din il-paġna:

https://maltamigration.com/settlement/personalities/bonello-nicholas-.html

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s