Il-poeżija ta’ Doreen Micallef għoxrin sena wara

Doreen Micallef

Bħal-lum għoxrin sena ilu, fl-1 ta’ Diċembru 2001, ħallietna l-poetessa u drammaturga Doreen Micallef. Dan huwa r-raba’ u l-aħħar filmat li fih erba’ poeti jaqraw il-poeżiji tagħha u jikkummentaw fuqhom.

Dan huwa proġett tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Ħajr lill-kollega tagħna Dr Immanuel Mifsud tal-inizjattiva u lil Luke Borg tal-produzzjoni artistika.

Doreen Micallef tassew jixirqilha dan l-għarfien u jixirqilha fuq kollox li nibqgħu naqraw ix-xogħlijiet tagħha u nitkellmu fuqhom: waqt li hi ħallietna għoxrin sena ilu, il-kitba u l-umanità tagħha jibqgħu magħna.

Doreen Micallef, “Dal-Ġranet Twal Mingħajrek… Philip,” qari u kumment ta’ Adrian Grima

Doreen Micallef
dal-ġranet twal mingħajrek ... philip 

hemm stilla żgħira mċajpra 
u biċċa qamar isfar 

il-karozza wara l-bieb 
fejn int moħbi fis-silenzju 

għaddew id-disa’ snin 
u l-kurċifiss baqa’ stirat fuq il-ħajt 
bla tweġiba 

illejla ndomm kullana 
kull stallett Ii qlajt ġo qalbi 

illejla qamar ġdid 
u suppost id-demm jieqaf iqattar 

nimxi miegħek fuq it-trab u fuq il-ġebel 
flimkien mal-oħrajn morna bħal mogħoż 
għal kongregazzjoni 

fl-estasi taċ-ċwieċ 
tlajt immiss is-sema 
għax kelli lilek fuq il-lemin 

(I'II be coming home 
wait for me...) 

int 
il-ħalliel kwiet tisraq bil-mod il-ġawhar żverġnati 
Ii noqgħod indomm jien 
taħt is-siġar taż-żebbuġ 

għaddew id-disa' snin 
u llejla jitla' l-qamar

l-ewwel qamar ġdid u l-ewwel minutieri 
l-ewwel ċelloli differenti kometi ġodda 
f’dal-baħħ jistenna l-bidu 
f’dax-xejn jistenna t-tmiem 
f’dal-vojt jistenna lilek. 

[minn Il-Malti, Akkademja tal-Malti, Ġunju 1996]

Kumment ta’ Adrian Grima

Il-poeżija ta’ Doreen Micallef sikwit tippreżenta ruħha bħala storja personali, intima, vjaġġ fl-intimità tal-awtriċi li tikxef u taħbi fl-istess ħin. Hija poeżija li fiha tispikka l-fraġilità umana ta’ min qed jikteb imma li ġġibna wiċċ imb wiċċ ukoll mal-fraġilità mistura li hemm ġo fina, ix-xewqat mhux imwettqa li jkiddu lilna lkoll.

Sikwit tikteb dwar ir-relazzjonijiet sentimentali tagħha, jew dawk li dehrilha li kienu sentimentali. Fil-versi tagħha tinħass sew il-ħtieġa tal-komunikazzjoni, ix-xenqa għall-imħabba, u kontinwament tindirizza lil xi ħadd. Sikwit ma nkunux nafu lil min qed tkellem imma hawnhekk jidher li nafu. Dil-poeżija ġiet ippubblikata fl-1996, tliet snin wara li fl-1993 bdiet tiffirma bħala Doreen Micallef Chritien. Għalkemm id-dettalji mhumiex għalkollox ċari, il-poetessa qalet Ii żżewġet Iil Philip Patrick Critien. Hemm min jgħid Ii dan iż-żwieġ seħħ fic-Church of Scotland, il-Belt.  

Rebecca Spiteri, li kitbet studju dwar “Doreen Micallef, il-Mara, il-Kittieba,” tgħid li rat dikjarazzjoni li jidher li nkitbet minn Doreen Micallef li tgħid li żżewġet Iil Philip-Patrick f’St. Andrew’s High Ridge, f’Awwissu tal-1992. Imma Spiteri tgħid ukoll li “Matul ħajjitha kien ikollha l-illużjoni Ii n-nies Ii kienu juru affett artistiku lejha” kienu qed juru ġibda sentimentali lejha. “Meta kienet tiffissa fuq raġel, kienet tittrattah b’mod devozzjonali billi tibgħatlu bosta ittri b’kontenut personali u profond. Dan x’aktarx Ii kien ikun twemmin imsejjes fuq ix-xewqat u mhux fuq il-fatti.”

F’din il-poeżija, is-silta bl-Ingliż “I’II be coming home wait for me…” hija meħuda minn kanzunetta magħrufa ħafna tal-1965 tar-Righteous Brothers bl-isem ta’ “Unchained Melody” li t-temi tagħha, fosthom l-imħabba, il-mistennija u l-imħabba, huma qrib ħafna ta’ dawk li hemm fix-xogħol ta’ Micallef.

Ix-xbihat li hemm fil-poeżija tal-istilla u tal-qamar ifakkruni fl-ikonografija popolari tal-poeżiji u l-kanzunetti ta’ mħabba, imma hemm ukoll elementi oħrajn li joffru sentimenti opposti ta’ frustrazzjoni u kunflitt, bħas-silenzju, kurċifiss, demm, stallett, mogħoż, u ċwieċ. Ix-xenqa għall-imħabba titħabbel mar-rabja u l-uġigħ emozzjonali u l-maħbub mixtieq huwa “l-ħalliel kwiet” li jisraq bil-mod “il-ġawhar żverġnati.” Doreen Micallef hija poetessa ta’ emozzjonijiet kbar: m’hemmx wisq kompromessi mal-emozzjonijiet tagħha.

Jissemma wkoll iż-żebbuġ li huwa simbolu ta’ paċi, fertilità, għerf, prosperità, saħħa, fortuna, rebħa, stabbiltà, u trankwillità. Il-Bibbja hija mimlija referenzi għas-siġra taż-żebbuġ, il-frott u ż-żejt tagħha. Għall-Kristjaneżmu ż-żebbuġa hija siġra emblematika , ladarba Ġesù kien jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu u jitlob magħhom f’post imsemmi fil-Vanġeli bħala Ġetsemani, li jinsab fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. Fil-poeżija l-vuċi lirika tagħti l-impressjoni li waqt li l-maħbub tagħha huwa ħalliel, hi tinsab taħt is-siġra taż-żebbuġ, titlob għall-imħabba. 


Doreen Micallef, “Qed Naqta’ Ħafna Fjuri minn Qalbi,” qari u kumment ta’ Claudia Gauci
Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta jippreżenta l-poeżija ta’ Doreen Micallef, “Qed Naqta’ Ħafna Fjuri minn Qalbi.” Qari u kumment ta’ Claudia Gauci. Filmat miġbud fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta biex ifakkar l-20 anniversarju tal-mewt ta’ Doreen Micallef (Diċembru 2021). Direzzjoni ta’ Luke Borg.
https://youtu.be/8yp_iYfYFRk

Doreen Micallef, “Illum se npoġġik f’postok…,” qari u kumment ta’ Leanne Ellul

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta jippreżenta l-poeżija ta’ Doreen Micallef, “Illum se npoġġik f’postok….” Qari u kumment ta’ Leanne Ellul. Filmat miġbud fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta biex ifakkar l-20 anniversarju tal-mewt ta’ Doreen Micallef (Diċembru 2021). Direzzjoni ta’ Luke Borg.https://youtu.be/MTGh2WcdBXQ

Doreen Micallef, “Irrid Inkun Waħdi Biex Nibki,” qari u kumment ta’ Immanuel Mifsud

Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta jippreżenta l-poeżija ta’ Doreen Micallef, “Irrid Inkun Waħdi Biex Nibki.” Qari u kumment ta’ Immanuel Mifsud. Filmat miġbud fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta biex ifakkar l-20 anniversarju tal-mewt ta’ Doreen Micallef (Diċembru 2021). Direzzjoni ta’ Luke Borg.
https://youtu.be/1HG5vhNTuvg


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s