Grazzi lill-voluntiera ta’ Inizjamed tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li tellgħu fil-jumejn li għaddew. Is-16-il edizzjoni, sena wara l-oħra, bla nifs ta’ xejn. Veru: meta tqiegħed avveniment fi spazju maġiku bħal dak tal-Piazza d’Armi tal-Forti Sant’Iermu, ġa għandek nofs ix-xilep ġewwa.
Imma fl-aħħar mill-aħħar l-udjenza tal-Festival (dejjem aktar żagħżugħa, ikolli ngħid) hija udjenza esiġenti ħafna, li tiġi biex tisma’ letteratura tajba ħafna b’interpretazzjoni konvinċenti u saħħarija. Tistenna li l-awturi jkunu wkoll atturi, li jitilgħu fuq dak il-palk diffiċli u jixegħluh sempliċiment bl-arma insidjuża tal-kelma. L-iktar arma elementari, banali kważi, “ftit nifs,” kif sejħilha Inua Ellams waqt l-intervista ma’ Sean Buhagiar wara l-ispettaklu tal-qari memorabbli tiegħu ma’ Leanne Ellul.
Palk sempliċi f’nofs pjazza mimlija storja ta’ ordni u taqbid li wara li titla’ fuqu u tinżel jibqa’ biss in-nifs.
Grazzi ħbieb ta’ Inizjamed tal-passjoni tagħkom, tal-ħin prezzjuż li fuq medda ta’ xhur ta’ tħejjija tagħtu lilna, senza interessi, biex ittellgħu dan il-ġmiel ta’ Festival.
Grazzi tal-ispirtu ta’ avventura. U grazzi lill-Kunsill Malti tal-Arti li sena wara l-oħra, mingħajr ma jipprova jiddetta jew joħnoq, jassisti lil Inizjamed b’kull mod possibbli, bil-fondi, bl-esperjenza u l-professjonalità tiegħu.
Grazzi wkoll lill-organizzazzjonijiet u l-individwi l-oħrajn kollha li jaħdmu mill-qrib ma’ Inizjamed fuq il-Festival.
Is-sabiħ hu li tant hemm nies involuti li jekk nibda nsemmihom tieqfu taqraw. Għax l-ispirtu li bih jittella’ l-Festival huwa saħansitra iktar sinifikattiv, nazzarda ngħid, mill-Festival innifsu.
Xi ġmiel.