Tislima lil Guido Lanfranco

Fl-2017 kelli x-xorti kbira li niltaqa’ mas-Sur Guido Lanfranco, bil-ħila ta’ Yanika Schembri Fava, bħala parti mill-ħidma tal-proġett tagħna fuq It-Tradizzjoni Orali fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti. )L-intervista li kienet għamiltlu Yanika tinsab hawnhekk: https://youtu.be/1hYx9GG20ww)

L-isbaħ memorji li għandi ta’ dik l-għodwa fid-dar tiegħu Tas-Sliema hija l-passjoni li biha tkellem fuq ir-riċerka tiegħu fil-qasam tal-kultura popolari, u l-gost li bih irrakkontalna dak li kienet tgħidlu ommu dwar il-drawwiet tagħna.

Minn mindu kont tifel kien bniedem li kont nammira ħafna u dakinhar kelli l-privileġġ niltaqa’ miegħu mill-qrib. Kull darba li kont nisimgħu jitkellem dejjem kien ikollu xi ħaġa interessanti xi jgħid, u qatt ma kien joqgħod jitkellem fuqu nnifsu jew fuq il-kontribut imprezzabbli li tana fil-qasam tal-għarfien tal-ambjent naturali u l-kultura tagħna.

F’dan is-sens kont inħossu bniedem għalkollox ħieles, ħieles mill-ħtieġa li jingħoġob jew jintlaqa’ minn ħaddieħor. Għalija kien bniedem li kien jittrażmetti l-onestà u l-ġenwinità tiegħu mingħajr sforz ta’ xejn, b’dik l-imġiba dejjem rispettuża imma diretta tiegħu.

Guido Lanfranco fl-2017 fl-istudju tiegħu, Tas-Sliema

Nirringrazzjak tal-qalb kbira tiegħek, Sur Lanfranco, tal-umanità straordinarja, tar-rispett li dejjem urejt lejn kulħadd, tal-mod kif dejjem bqajt tfittex li titgħallem minkejja li kont taf ferm iżjed minna. Fl-istess ħin dejjem ħassejt il-ħtieġa li taqsam ma’ ħaddieħor dak kollu li kont taf int. Nirringrazzjak tal-eżempju li dejjem tajtna bħala studjużi u qabelxejn bħala bnedmin.

Tlifna studjuż intelliġenti, attent u ħabrieki, bniedem li ta ħajtu biex ħajjitna tkun aħjar.

Nixtieq nagħti l-għomor lill-familja tas-Sur Lanfranco f’dan il-mument kiefer ta’ firda u niket, speċjalment lill-kollega tagħna Dr Sandro Lanfranco, bijologu fil-Fakultà tax-Xjenza u ħabib.


It-Tradizzjoni Orali, L-Università ta’ Malta

B’niket insellmu l-memorja ta’ wieħed mill-folkloristi ewlenin ta’ Malta, is-Sur Guido Lanfranco (1930-2021).Lanfranco kien l-ewwel president tal-Malta Ornithological Society li issa huwa msejjaħ Bird Life. Kien għalliem u huwa wieħed mill-protagonisti ewlenin tat-Tradizzjoni Orali. Ġabar minn fomm in-nies: għajdut, ħrejjef, leġġendi u taqbiliet. Kiteb ukoll dwar bosta kurżitajiet oħra, ngħidu aħna: il-mediċina popolari, il-fjuri rari u oħrajn. Din hija l-biblijografija sħiħa ta’ Guido Lanfranco: https://malti.mt/bibliography_cat/guido-lanfranco/

Bħala parti mill-proġett dwar it-Tradizzjoni Orali intervistajna lil Guido Lanfranco nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017 fid-dar tiegħu f’Tas-Sliema. Matul l-intervista Guido tkellem dwar it-tradizzjonijiet orali u ddiskuta wkoll ir-riċerka li ħalla l-Mużew Etnografiku, il-Birgu. Tista’ ssegwi l-intervista ma’ Guido minn hawn: https://www.youtube.com/watch?v=1hYx9GG20ww

F’isem il-proġett dwar it-Tradizzjoni Orali tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, nagħtu l-għomor lill-familja tas-Sur Guido Lanfranco.

Yanika Schembri Fava


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s