Kienet din l-istorja f’The Guardian li ġegħlitni nixtri r-rumanz Home Fire ta’ Kamila Shamsie. Fl-aħħar, bejn kapitlu u ieħor ta’ editjar tar-rumanz sentimentali ta’ Concetta Brincat, xogħol li ili għaddej bih minn Frar, sibt il-ħin biex naqra r-rumanz ta’ Shamsie.
Hemm ħafna sentimenti f’dan ix-xogħol, u hemm ukoll ħafna kwistjonijiet ta’ politika marbutin mal-identità u mal-poter fis-sens dejjaq ħafna tal-kelma. Fl-aħħar mill-aħħar, għalija Kamila Shamsie tirrakkonta storja tajba. Fl-isfond tal-istorja ta’ komunitajiet b’nisel kulturali differenti li b’xi mod tobsor li se tmiss magħhom, ir-rumanz jirrakkonta ġrajjiet li jien, almenu, ma kontx qed nistenniehom. U kif jgħid il-kumment meħud minn reċensjoni li dehret fin-New York Times, it-tmiem huwa memorabbli.

Ir-rumanz ma joffrix soluzzjonijiet, u ma jistax ikun mod ieħor. Imma fuq il-kwistjoni taċ-ċittadinanza miċħuda naħseb li r-rumanz jieħu pożizzjoni ċara mingħajr ma jkun espliċitu. Il-familja Brittanika ta’ ċittadin Brittaniku li jsib ruħu ma’ Daesh u mbagħad jaħrab mill-belt ta’ Raqqa għax jirrealizza li għamel żball kbir għandha dritt tippretendi li jidfnuh f’pajjiżhom? B’liema dritt iwikkuh lil pajjiż ieħor?
L-iktar ħaġa li tispikka f’din il-kwistjoni hi li r-raġunijiet li jwasslu biex il-katavru jibqa’ eżiljat mhumiex morali imma politiċi bil-p żgħira. Kwistjoni ta’ poter: il-Ministru tal-Intern li jrid isaħħaħ il-kunsens popolari li għandu billi jieħu deċiżjoni essenzjalment “populista.”
Imma l-istorja iktar interessanti hija dik ta’ żewġ maħbubin li r-relazzjoni passjonali ta’ bejniethom jidher li nbniet fuq gidba, fuq konvenjenza. Imma kif taqbad tiġġudika l-motivi ta’ dak li jkun? Jekk taħseb li l-imħabba hija xi ħaġa sagra, pura, qisha fonti tal-ilma mbierek, allura mhux diffiċli tinterpreta dak li jiġri bħala tradiment, bħala falzità. Imma jekk tgħix fid-dinja kkumplikata tal-bnedmin, tal-motivi kkumplikati tagħna, mhux daqshekk faċli taqta’ u tikkundanna.
Qed nipprova ma nħassarx il-gost ta’ min għad irid jaqrah…