Għal qalbi ħafna dan ix-xogħol fuq ir-rumanz Ħelsien ta’ Ġużè Bonnici. Naħseb li jistħoqqlu ferm iżjed attenzjoni milli ngħata mill-kritika Maltija dan ir-rumanz. Naf li l-lingwaġġ tiegħu jirrifletti l-moda letterarja ta’ qabel it-Tieni Gwerra Maltija, meta l-kittieba kienu qegħdin iħabirku biex joħolqu lingwaġġ letterarju dinjituż.

Naf li llum dan il-lingwaġġ kapaċi jinstema’ stilizzat jew elaborat wisq. Imma kull letteratura tgħaddi mill-fażijiet differenti tagħha u tibni fuq dak li jkun ġie qabilha. Diffiċli napprezzaw sew dak li qed jinkiteb illum mingħajr ma jkollna idea tas-saffi li hemm taħtu. Fl-istess ħin, f’din l-istorja letterarja hemm elementi sbieħ li bihom nistgħu nitwebblu biex niktbu affarijiet bil-lingwaġġi tas-seklu wieħed u għoxrin.
Ġużè Bonnici bravu. U bħala attivist favur il-Malti, bħala awtur, bħala pubblikatur u bħala awtur ta’ xogħlijiet popolari dwar is-saħħa ħadem bla nifs biex ikollna lingwa u letteratura sabiħa. Meta tqis li miet verament qasir il-għomor, ta’ 33 sena, tirrealizza li għamel dak li ħafna minna m’aħniex kapaċi nagħmlu fi 80.
Dan għalija l-aqwa rumanz tiegħu. Hu kellu qalbu marbuta ma’ Lejn ix-Xemx, l-aħħar rumanz li kitbu meta kien diġà jaf li qed imut. Għalih dak kien l-aħjar rumanz tiegħu, imma għalija ma jibdiex ma’ Ħelsien. Mhux biss għax Lejn ix-Xemx huwa rumanz storiku Romantiku pjuttost prevedibbli, waqt li Ħelsien jitkellem dwar Malta rurali tal-bidu tas-seklu għoxrin, imma għax f’Ħelsien, tematikament u stilistikament jissogra iżjed. Dan huwa rumanz iżjed “magħqud” u “marsus” minn Leli ta’ Ħaż-Żgħir, xogħol mill-aqwa ta’ Ġużè Ellul Mercer li ppubblika t-Tabib Bonnici stess fl-1938.
L-analiżi tiegħi hija mixħuta wkoll, jekk mhux l-iktar, fuq it-teknika tan-narrazzjoni eterodijeġetika, jiġifieri meta l-vuċi li qed tirrakkonta mhix dik ta’ xi ħadd mill-karattri. Din l-ewwel sentenza, għalija memorabbli, tar-rumanz:
Kienu jsejħulu Feliċ, għalkemm il-Kappillan tar-raħal tiegħu, li ma kienx jaf jagħmel il-ħwejjeġ bin-nofs u li kien ilu mixtieq irodd ħajr lil Żabbetta, omm Feliċ, ta’ kemm-il tużżana bajd tatu u ta’ kemm-il ħasi semmnitlu, semmieh Feliċissimu.
Dan ritratt tajjeb tal-istil tar-rumanz, imma anki tan-narrazzjoni. Filwaqt li jikkummenta fuq il-ġrajjiet u l-karattri, u kultant jimmoralizza fuqhom, in-narratur ta’ Ħelsien jindaħal inqas fl-interpretazzjoni tagħna minn narraturi simili oħrajn. Fl-istudju nħares lejn dan l-istil ta’ narrazzjoni li huwa l-aktar wieħed mifrux fil-letteratura tagħna (u fil-letteratura internazzjonali) u nara x’jagħmel bih Ġużè Bonnici.
Nirringrazzja mill-qalb lill-ħbieb u kollegi tiegħi Joe Borg, is-segretarju tal-Akkademja tal-Malti u lil George Farrugia, l-editur ta’ din il-ħarġa ta’ Il-Malti u l-president il-ġdid tal-Akkademja, tal-paċenzja kbira li ħadu bija meta ġejna għall-pubblikazzjoni tal-istudju. Grazzi tal-imħabba u r-reqqa fil-ħidma tagħkom, ħbieb.