Il-Ġrajja ta’ Concetta Brincat

Dil-ġimgħa sibt l-isem “Spiro Xiberras” fil-manifest ta’ vapur li baħħar minn Tuneż għal Malta fl-1875. “Spiro Xiberras. Inglese. Lavorante.”

Ma kontx ili ħafna nfittxu. Din kienet il-21 darba fi ftit xhur li mort Santu Spirtu r-Rabat, fejn hemm il-binja ewlenija tal-Arkivji Nazzjonali. Bil-mod il-mod qed insir parti mill-għamara. Ma kontx ili ħafna nfittxu għax meta jirnexxilek taqbad tarf, jekk tisma’ l-pariri li jagħtuk, u jekk titgħallem mill-iżbalji li tagħmel u tkun xortik tajba, il-kobba tibda tinħall b’ċerta ħeffa. Għall-bidu bil-mod, imbagħad b’ċerta ħeffa. 

Trid titgħallem ukoll taċċetta li hemm trufijiet li mhuma se jwassluk imkien, għax id-dokumentazzjoni ma teżistix jew inqerdet. Kultant trid taċċetta u kultant trid tibqa’ ssus u tinsisti, u tissogra li taħli ġimgħat sħaħ tfittex dak li mhux se ssib. Diffiċli tkun taf minn qabel. Kultant trid tħalli l-intuwizzjoni tmexxik. U tittama li mhix qed tqarraq bik.

NICHOLAS BONELLO U DIĊEMBRU 2012

Spiro Sciberras kien ħu Concetta Sciberras, miżżewġa Brincat, li fl-1919 u l-1922 kitbet il-manuskritti ta’ żewġ rumanzi bil-Malti li sirt naf bihom bħal daż-żmien tmien snin ilu. Kien kitibli Nicholas Bonello, Alla jaħfirlu, fuq parir ta’ Dr Alfred Sant, u talabni ngħinu jippubblikahom: “Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk,” rumanz ambjentat Pariġi fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, u “Is-Saħħara Nerelis,” rumanz ambjentat fi żmien l-imperatur Ruman Neruni. Maria Simiana ttraskriviethom u l-proċess biex ngħadduhom lill-Klabb Kotba Maltin biex jippubblikahom jinsab fl-aħħar stadju.

Għadni ma nafx humiex traduzzjonijiet jew addattamenti ta’ rumanzi Taljani jew Franċiżi. Li naf hu li huma miktubin bil-Malti pjuttost Taljanizzat tal-bidu tas-seklu 20. L-eqdem rumanzi bil-Malti ta’ kittieba mara li nafu bihom, erbgħin sena qabel l-ewwel rumanz ippubblikat ta’ Mary Meylak. 

Naħseb li l-awtriċi kitbithom biex tippubblikahom, mhux sempliċiment biex tedha jew biex taqrahom lill-membri tal-familja jew lill-ħbieb. Kitbithom b’kaligrafija pulita li kważi kważi tagħtik l-impressjoni li huma l-“bella copia.” Ma nafux kienx hemm verżjoni aktar bikrija ta’ dawn il-kitbiet. Il-punt hu li l-kaligrafija għenet ħafna lil Maria Simiana fit-traskrizzjoni bir-reqqa tagħha. 

Concetta Brincat kitbet dawn iż-żewġ rumanzi Tas-Sliema. Għandi idea f’liema dar u f’liema triq kienet qed toqgħod meta kitbithom. Imma dik storja oħra.

KONSTANTINA, L-ALĠERIJA

Ħuha l-kbir, Spiridione Sciberras, huwa marbut l-aktar mal-għaxar snin li Concetta Sciberras qattgħet Konstantina, l-Alġerija, mal-familja tagħha. Spiru kien 18-il sena ikbar minnha. Kien jiġi kważi missierha u fl-1875 kważi kważi għamilha ta’ missierha.

Spiru kellu 20 sena meta telaq lejn l-Alġerija. F’dawn l-aħħar ġimgħat, mill-arkivji tal-Gvern kolonjali Franċiż, skoprejt x’kienet ir-raġuni għala għażel li jmur Konstantina u mhux, ngħidu aħna, Philippeville jew Bona, il-bliet Alġerini ta’ żmien il-kolonjaliżmu Franċiż fejn kien hemm eluf ta’ Maltin. Imma anki dik storja oħra. Kultant tarf wieħed iħoll kobob differenti mħabblin f’xulxin.

Mar l-Alġerija fl-1872 Spiru, u sentejn wara ngħaqad miegħu missieru Ġużeppi Sciberras. Concetta twieldet B’kara imma qattgħet it-tfulija tagħha Konstantina. Spiru, tnejn minn ħutu, u l-ġenituri tiegħu twieldu u trabbew B’Kara. 

F’dawn l-ewwel vjaġġi lejn l-Afrika ta’ Fuq l-iben il-kbir u l-missier it-tnejn qabdu vapur lejn Tuneż u b’hekk fasslu r-rotta tal-vjaġġi kollha li għamlu fis-snin ta’ wara. Minn Malta lejn Tuneż bil-baħar u minn Tuneż aktarx bl-art lejn Konstantina. Nissuspetta li kienu jaqbdu l-ferrovija li minn Tuneż kienet twassalhom saċ-ċentru tal-belt fuq il-muntanja msemmija għall-ewwel imperatur “Ruman” li sar Nisrani. Naħseb li għal ħafna snin għexu f’dar li kienet qrib ħafna tal-istazzjon tal-ferrovija ta’ Konstantina. 

Imma jista’ jkun li minn Tuneż kienu jaqbdu bastiment ieħor li kien jeħodhom fil-port ta’ Bona, jew xi port ieħor fl-Alġerija, u minn hemm kienu jagħmlu l-vjaġġ bl-art lejn Konstantina. Din l-istorja mimlija skoperti żgħar imma mimlija wkoll dubji u mistoqsijiet. Kull skoperta ġġib magħha possibilitajiet u dubji ġodda. Mistoqsijiet li wħud minnhom naf kważi fiċ-ċert li qatt m’jien se nkun nista’ nweġibhom.

Fl-1875 Spiru Sciberras, ta’ 23 sena, ġie lura Malta biex xahar wara jakkumpanja lil ommu Ġużeppa Sciberras, xebba Borg, u lil ħutu Salvator, Karmena u Concetta lejn l-Afrika ta’ Fuq. Telgħu fuq l-istess bastiment li ħa lil Spiru u lil Ġużeppi Tuneż l-ewwel darba. L-erba’ membri tal-familja Sciberras ivvjaġġaw bil-passaport ta’ Spiru. Concetta kellha biss erba’ snin u nofs u kellha tqatta’ l-Alġerija kważi għaxar snin.

Adrian Grima | 26 ta’ Diċembru 2020


Il-familja Brincat u Sciberras f’Mejju jew Ġunju tal-1903. Ħajr lil Carmen Baxter tar-ritratt.

Illum fir-reġistri bil-manifesti tal-vapuri li kienu jinġabru mill-uffiċjali tad-Dwana u li issa jinsabu fl-Arkivji Nazzjonali sibt vjaġġ li kont ili nfittxu minn qabel il-Milied. Kont għajni mimlija li se nsibu malajr, imma arrali. Naħseb li tant kont kunfidenti li ma kontx attent għal kull isem bħas-soltu, meta ntertaq qalbi li se jaħrabli dettall u jiswieni ġimgħat ta’ tiftix fil-vojt.

Iżda għal min ikun qed ifittex fl-Arkivji, però, il-korrettezza tal-informazzjoni hija kruċjali u tista’ tiffrankali ġimgħat sħaħ ta’ xogħol. F’dan il-każ kelli wkoll informazzjoni li r-ritratt seta’ ttieħed fl-1902, imma deherli li l-iktar data li stajt norbot fuqha kienet l-1903: in-nota mehmuża mar-ritratt jidhirli li kitbitha n-nanna ta’ Carmen, jiġifieri Emma Brincat, bint Concetta. U allura ddeċidejt li nimxi fuqha.

Ħu Concetta Brincat, Spiru Sciberras, ġie Malta minn Konstantina ma’ ibnu Marcel fl-1903. Martu kienet diġà ilha mejta ħafna snin; binha Marcel ma tantx gawdiha. Kelli idea meta ġew Malta għax Carmen Baxter, il-proneputija ta’ Concetta Brincat, bagħtitli ritratt tal-familja, l-iktar wieħed li nħobb, li fih jidhru Spiru u ibnu flimkien ma’ Concetta, żewġha Vincenzo, u ħafna minn uliedhom. Ma ridtx inserraħ rasi wisq fuq is-sena li tatni l-familja: wara 120 sena, tistenna li xi dettalji ma jkunux preċiżi. U meta tqis kollox, sena ‘l hawn u sena ‘l hemm x’inhuma?

Il-vjaġġ ta’ Spiru u Marcel lejn Malta mill-Alġerija, li kien jinkludi s-soltu vjaġġ bil-vapur minn Tuneż għal Malta, sibtu malajr. Fuq parir ta’ Joseph Amodio, fittxt fil-gazzetti ta’ dak iż-żmien fil-Biblijoteka Nazzjonali u identifikajt liema setgħu jkunu l-vapuri li fuqhom kienu qed jivvjaġġaw. U kważi ċċumbajtu mill-ewwel. Lejn l-aħħar ta’ Mejju tal-1903 waslu Malta Spiru u Marcel, tifel ta’ għaxar snin li twieled Konstantina u eventwalment sar ċittadin Franċiż. Fost l-affarijiet li għamlu waqt li kienu hawn kien li ħadu dan ir-ritratt. Aktarx l-iben kien ikellem lil missieru bil-Franċiż – almenu hekk għamlu snin wara meta bagħatlu kartolina Konstantina minn Franza. Imma daqshekk naf fuq il-kuntatt ta’ Spiru u Marcel ma’ Malta. Jaf żaru Malta drabi oħra. Ma nafx. L-interess ewlieni tiegħi huwa f’Concetta Brincat u l-kitba tagħha u għaldaqstant, ma naħsibx li se jkolli l-ħin infittex fl-Arkivji biex nara jekk ġewx drabi oħra.

Il-Firda tal-Emigrazzjoni Ekonomika

Ladarba l-vjaġġ tagħhom minn Tuneż għal Malta sibtu malajr stennejt li se nsib il-vjaġġ lura malajr. Kemm setgħu damu hawn? L-aħħar vjaġġ ta’ Spiru lejn Malta li naf bih għamlu fl-1875, meta aktarx ġie apposta minn Konstantina biex jakkumpanja lil ommu u lil ħutu lejn l-Alġerija, fosthom lil oħtu Concetta ta’ erba’ snin u nofs. Forsi ġie għax kien ilu kważi tletin sena nieqes minn art twelidu. Forsi ġie biex jara lil Concetta u lil familtha. Forsi ġie Malta għax ftit xhur qabel miet missieru, li kien diġà romol. Jew ġie Malta ma’ ibnu Marcel biex jurih l-art tan-nisel tiegħu u ta’ ommu. Forsi sempliċiment ġie għal btala. Ma nafx.

Concetta kienet diġà tilfet lil oħtha Karmena li mietet ta’ 17- il sena meta kienu Konstantina. Iż-żewġ ħutha subien it-tnejn baqgħu Konstantina u Concetta ġiet lura waħedha mal-ġenituri tagħha fl-1875. Ħafna familji Maltin u Għawdxin ġarrbu d-diqa profonda tal-firda li ġabet magħha l-emigrazzjoni fis-seklu 19 u s-seklu 20. Waħda mir-raġunijiet għaliex qbadt din ir-riċerka fuq il-ħajja ta’ Concetta u familtha hija minħabba li hija storja tipika ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin. Dawn ma kinux nies sinjuri li kellhom il-lussu li jitbiegħdu minn arthom biex jitgħallmu aktar dwar id-dinja, jew biex jistagħnew: dawn kienu emigranti ekonomiċi li telqu minn pajjiżhom għax dehrilhom li ma kellhomx għażla.

Assumejt li Spiru ma damx wisq Malta. Assumejt li kellu n-negozju żgħir tiegħu Konstantina u ma tantx seta’ jdum ‘il bogħod mill-art li laqgħetu u lilu u lil ibnu tathom ċerti opportunitajiet. Imma ma kontx ċert. Forsi ġie Malta biex jipprova jibda ħajtu mill-ġdid hawnhekk. F’Konstantina kien se jħalli warajh lil ħuh Salvator u familtu, u familjari min-naħa ta’ ommu. Imma kien se jħalli warajh ukoll traġedji personali kbar. U hawnhekk kellu lil Concetta u qraba oħra. Meta telaq minn Malta fl-1872 ta’ 20 sena kien laħaq rabba għeruq fondi qabel beda l-avventura tiegħu fl-Alġerija Franċiża.

Minn Mejju sa Frar u lura

Bdejt inqalleb fir-reġistri tal-manifesti, xahar xahar, minn Ġunju tal-1903 ‘l hemm. L-intuwizzjoni tiegħi qaltli li minn hawn mar lura l-Alġerija, u ħa l-istess rotta tas-soltu: minn Malta għal Tuneż bil-vapur tal-passiġġieri normali. Mhux impossibbli lil ssib li xi ħadd jismu Spiro, Spiridion, jew Spiridione Sciberras (jew Xiberras) fil-listi tal-passiġġieri, imma f’dawn l-aħħar xhur, minkejja li kien hemm ħafna Xiberrasijiet fit-Tuneżija u l-Alġerija tal-aħħar tas-seklu 19, skoprejt li mhuwiex wieħed mill-iktar kunjomijiet komuni f’dawn il-manifesti.

Fil-vjaġġi lejn Tuneż li saru f’Ġunju 1903 ma sibtux; f’Lulju u Awwissu lanqas. U dalgħodu komplejt infittex lil Spiru u lil Marcel fuq il-vapur li salpaw minn Malta f’Jannar u Frar tal-1904. F’dawn l-aħħar ġimgħat bdejt niddubita mill-għażla tiegħi li nħares lejn il-vapuri li baħħru lejn Tuneż jew l-Alġerija biss. Tgħid ħa lil ibnu Sqallija jew xi mkien ieħor l-Italja? U wara mawra hemmhekk, qabad wieħed mill-vapuri li kien imur l-Afrika ta’ Fuq, u kultant jieqaf hawnhekk biex jiġbor il-passiġġieri u jibqa’ sejjer? Tgħid marru Tripli, jew saħansitra Lixandra, in-naħa l-oħra tal-Mediterran? Bejn Malta u Lixandra kien hemm vjaġġi regolari ħafna, u Lixandra kien hemm eluf ta’ Maltin. Ftakart ukoll li f’xi mument il-familja ta’ Concetta semmietli lil “Alessandria.” Tgħid kont qed inkun riġidu jew preskrittiv wisq?

Imbagħad illum, wara d-diżappunt li ma sibtx lil Spiru u lil Marcel fuq xi vapur li telaq minn Malta lejn l-Afrika ta’ Fuq fi Frar tal-1904, disa’ xhur wara li waslu Malta f’Mejju tal-1903, iddeċidejt li nibda mill-ġdid, li nara kull vjaġġ li telaq minn Malta minn Ġunju tal-1903 ‘il quddiem. Sibt in-numru tar-reġistru li ridt, imlejt il-formola u tajtha lil Stephanie Schembri. Ftit wara kelli r-reġistru fuq l-iskrivanija. Fl-Arkivji Nazzjonali kollox organizzat u kollox effiċjenti. Imma kelli wkoll sensazzjoni ta’ diżappunt f’qalbi. Xi mkien żbaljajt. Kienet l-ewwel darba fi 23 żjara l-Arkivji Nazzjonali f’dawn l-aħħar xhur li kelli nirrevedi x-xogħol ta’ tiftix li kont għamilt. U mnalla.

Dokument misjub fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta

Lill-missier u l-iben li kont qed infittex sibthom kważi mill-ewwel. Kienu fuq vapur Franċiż li telaq minn Malta lejn Tuneż fit-18 ta’ Ġunju 1903. L-isem “Marcel” kien miktub kif jinħass, imma kien ismu żgur: meta jkunu żewġ vjaġġaturi jew iżjed flimkien iktar isserraħ rasek li dak li sibt huwa dak li kont qed tfittex.

Hawnhekk Spiridione kellu 51 sena: ma kienx ilu li għalaqhom. Nissuspetta li din kienet l-aħħar żjara tiegħu Malta u aktarx l-aħħar darba li ltaqgħet miegħu oħtu Concetta.

Issa naf ukoll li dak ir-ritratt li tawni bilfors ittieħed f’Mejju jew Ġunju tal-1903.

Ħajr lil Carmen Baxter u lill-ħaddiema kollha tal-Arkivji Nazzjonali, speċjalment lil Joseph, Stephanie u Rachelle

Adrian Grima | 7 ta’ Jannar 2021


2 Thoughts

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s