It-Tfulija Mistura ta’ Concetta Brincat

Concetta Brincat | Landscapes of Revolution | Tfulija Mistura | Il-Ġrajja

Fit-tielet ħarġa tal-magażin Dossier (il-Ħadd 18 ta’ April 2021), li l-editur tiegħu huwa Melvic Zammit, hemm artiklu tiegħi dwar it-tfulija f’Konstantina, l-Alġerija ta’ Concetta Brincat, l-ewwel rumanziera li nafu biha li kitbet bil-Malti. Ħajr lil Nicholas Bonello li tani aċċess għall-manuskritti u lil Carmen Baxter tar-ritratt mill-isbaħ tal-familja tal-awtriċi. L-artiklu “It-Tfulija Mistura ta’ Concetta Brincat” huwa parti minn proġett ta’ riċerka li qed nagħmel fuq din l-awtriċi mhux magħrufa u x-xogħol tagħha. Ħajr ukoll lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta tal-għajnuna imprezzabbli.

It-Tfulija Mistura ta’ Concetta Brincat

Fir-rebbiegħa tal-1875, omm u erba’ wlied, mgħobbijin bil-ftit affarijiet li kellhom, telqu mid-dar li kienu krew B’kara, fejn twieldu u trabbew il-ħamsa li huma. Niżlu l-Port il-Kbir u minn hemm qabdu l-vapur bl-istim għal Tuneż. L-omm, Ġuża Sciberras, ma kellhiex passaport. Lanqas kienet applikat għal wieħed. Telgħu fuq il-vapur bil-passaport ta’ Spiru, binha l-kbir, ġuvni ta’ 23 sena li xahar qabel wasal Malta fuq l-istess vapur mill-Afrika ta’ Fuq. 

Konstantina

Rue Perregaux, fejn kienet toqgħod il-familja ta’ Concetta Sciberras

Spiru kien ilu tliet snin Konstantina. Hemmhekk kollox jindika li kien qed joqgħod maz-ziju tiegħu Vincent Borg, ħu ommu. Ma nafux meta mar Konstantina dan iz-ziju. Lanqas ma nafu kienx hemm qraba oħrajn tal-familja Sciberras. Nafu wkoll, però, li missier Spiridione, Ġużeppi, mar Konstantina fi tmiem is-sajf tal-1874 u aktarx kien qed jaħdem fl-istess negozju miegħu. Spiru jissemma fost l-oħrajn bħala “limonadier,” jew “cafetier,” għax kellu ħanut żgħir li jbigħ luminati, kafè u xorb ieħor, xi tip ta’ snack bar.

Konstantina hija belt fil-għoli, 640m ’il fuq mil-livell tal-baħar, fil-Lvant tal-Alġerija, in-naħa tat-Tuneżija. Ma kinitx wieħed mill-iktar ċentri popolari mal-emigranti Maltin. Konstantina tinsab 80 km ’il bogħod mill-baħar Mediterran. Ma kinitx mal-baħar, bħal Bona u Philippeville. Skont Kamel Kateb, 73% tal-Maltin kienu jgħixu f’dawn iż-żewġ bliet portwali u ħafna minnhom kienu “commerçants ou maraîchers.” Minkejja l-qrubija, kien hemm vjaġġ twil bejn Malta u Konstantina, biċċa, forsi biċċtejn bil-baħar, u aktarx biċċa oħra bil-ferrovija. Il-klima kienet “Mediterranja” imma mhux għalkollox bħal dik li kienu mdorrijin biha l-Maltin. 

Fl-1844 il-Franċiżi iddeċidew li jimponu “belt Ewropea” fuq Konstantina. Dan wassal għall-ħolqien ta’ żewġ kwartieri li kellhom anki amministrazzjoni separata. Fil-kwartier Ewropew kien hemm immigranti Ewropej, id-dixxendenti tagħhom u gwarniġjon ta’ 5,000 suldat. L-Alġerini tal-belt, bil-kulturi antiki tagħhom, sabu ruħhom ikkolonizzati minn superpotenza militari li waslet bil-pretensjoni u bl-iskuża li kellha missjoni ċivilizzatriċi x’taqdi. Il-familja Sciberras kienet tgħammar fil-qalba tal-kwartier Alġerin, fi triq imsemmija għal ġeneral Franċiż li kien indarab fl-assedju ta’ Konstantina fl-1837. 

Ma’ Spiru Sciberras telgħu fuq il-vapur ommu Ġuża, xebba Borg; ħuh Salvu ta’ erbatax; oħtu Karmena ta’ disa’ snin; u oħtu ż-żgħira Concetta ta’ erba’ snin. L-uniku mod kif stajt inkun ċert li Concetta marret mal-familja tagħha l-Alġerija kien billi nsib isimha mniżżel fil-manifest ta’ vapur fi triqtu lejn l-Afrika ta’ Fuq u mbagħad fil-manifest ta’ vjaġġ ieħor mill-Afrika ta’ Fuq lejn Malta. Mill-bqija, ma sibt ebda dokument li jsemmi lil Concetta Sciberras b’isimha waqt li kienet l-Alġerija. 

Għadu ma rnexxilix insib reġistri tal-iskola f’Konstantina li fihom hemm imniżżel isem Concetta Sciberras. Ma nafx jeżistux. Uliedha u wlied uliedha jgħidu li kisbet iċ-Ċertifikat prestiġuż tal-Istudji Primarji li fis-sistema Franċiża kien jingħata lill-aħjar studenti. Imma ma rnexxieli nsib ebda prova ta’ dan. Mill-arkivji tal-Knisja Kattolika ta’ Konstantina ksibt ħafna informazzjoni dwar ħutha u n-neputijiet, imma dawn kollha marbutin mat-twelid, maż-żwieġ u mal-mewt. Għalhekk Concetta ma tidher imkien, lanqas bħala xhud. F’dan is-sens, bħal ħafna nisa oħrajn, Concetta inviżibbli. 

Dulur

L-informazzjoni fl-arkivji kolonjali Franċiżi u f’dawk tal-Knisja Kattolika tagħtina ħjiel tal-ħajja tal-familja Sciberras, jew “Xiberras,” kif kważi dejjem kienu jiktbulhom kunjomhom l-awtoritajiet Frankofoni, fil-qalba ta’ Konstantina. Il-membri tal-familja Sciberras jidher li kienu jagħmluha ħafna mal-Maltin imwielda Malta jew l-Alġerija, speċjalment ma’ nies tal-ħwienet, bejjiegħa u negozjanti żgħar. Iktar ma l-Maltin saru Franċiżi, iktar tjiebet il-kundizzjoni ekonomika u soċjali tagħhom. 

L-edukazzjoni obbligatorja bilfors kellha sehem kbir f’dan l-iżvilupp. Waqt li missier Concetta, Ġużi Sciberras, nafu li kien bla skola, bħalma aktarx kienet ommha Ġuża, kemm hi u kemm ħutha kienu jafu jiktbu u jaqraw. Spiru u Salvu Sciberras jissemmew saħansitra fil-gazzetti lokali li kienu joħorġu bil-Franċiż minħabba n-negozju tagħhom, daqqa għax xtraw negozju mingħand ħaddieħor, u daqqa għax in-negozju tagħhom falla. 

Fl-1885, sena wara li Karmena Sciberras, oħt Concetta, mietet ta’ sbatax-il sena Konstantina, il-ġenituri u binthom iż-żgħira reġgħu lura Malta fuq l-istess vapur bl-istim li bih kienu emigraw lejn l-Alġerija. L-aħwa s-subien baqgħu l-Alġerija. Spiru u martu, il-prima kuġina tiegħu, kienu diġà tilfu l-ewwel wild. Eventwalment kellhom sitt ulied li minnhom baqa’ ħaj wieħed biss. Salvu u martu kellhom tliet ulied, li minnhom baqgħet ħajja biss it-tifla. Eventwalment iżżewġet lil kuġinuha, iben Spiru, b’dispensa li ngħatat mill-Knisja Kattolika. L-istorja tal-familja Sciberras u d-dixxendenti tagħha f’Konstantina u lil hinn hija storja ta’ ftit suċċessi u ħafna dulur.

Fl-1890, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Liena B’kara, Concetta Sciberras ta’ 19-il sena żżewġet lil Vincenzo Brincat ta’ 24. Kellhom għaxar ulied. Tlieta mietu qasir il-għomor, fosthom Karmena li mietet ta’ sbatax. L-istorja kultant għandha l-ħabta tirrepeti ruħha b’mod traġiku.

L-ewwel paġna, iffirmata b’isimha u bl-isem li ħolqot, tar-rumanz Il-Familja de Valereux

Wara li rabbiet ‘il uliedha, fl-1919, is-sena tar-rewwixta tas-Sette Giugno, Concetta Brincat, jew “Cornelia Melitesi,” kitbet (jew forsi addattat għall-Malti) l-ewwel rumanz tagħha, Il-Familja de Valereux, jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk, ambjentat fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Dan ir-rumanz u ta’ warajh, Is-Saħħara Nerelis (1922), baqgħu misturin fil-pitazzi tal-iskola li fihom kitbithom. Dawn huma l-ewwel rumanzi ta’ mara bil-Malti li nafu bihom, 40 sena qabel ta’ Mary Meylak. Issa wasal iż-żmien li joħorġu. Imma dik storja oħra.

Adrian Grima

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s