Il-Gaġġa fl-Istorja tar-Rumanz Malti

Nhar it-Tnejn 12 ta’ April 2021 tajt kumment lil Ilsienna dwar Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut, l-ewwel ktieb maħruġ mill-Klabb Kotba Maltin (1971), dar tal-pubblikazzjoni li din is-sena qed tiċċelebra il-50 anniversarju tagħha. It-tim ta’ Ilsienna ħa kumment ukoll mingħand Joseph Mizzi, id-direttur tal-Klabb, dwar l-istorja tal-pubblikazzjonijiet bikrija ta’ din id-dar tal-pubblikazzjoni ewlenija. Ir-rumanz inħadem ukoll bħala film bl-isem ta’ Gaġġa (1971), b’direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi li dak iż-żmien kien student tal-film (ara Nota 1). Dan is-servizz fil-programm Ilsienna xxandar l-ewwel darba fuq TVM t-Tnejn 19 ta’ April 2021.

Fil-kummenti tiegħi għedt li l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rumanz fl-1971 fissret il-bidu tan-narrattiva l-ġdida bil-Malti, narrattiva li fiha l-protagonist, dejjem raġel, kien ferm iktar medhi bih innifsu, bl-istorja personali tiegħu, mill-protagonisti ta’ qablu. 

L-ewwel edizzjoni tar-rumanz Il-Gaġġa maħruġ mill-Klabb Kotba Maltin

Il-bidu tar-rumanz, bl-istqarrija “Jiena jien.” tal-protagonist li tistabblixxi mill-ewwel x’se jkun is-suġġett tar-rakkont tiegħu u li fuqha kiteb b’mod inċiżiv Peter Serracino Inglott fil-kumment tiegħu dwar ir-rumanz, jippjantalna minnufih il-konfini tad-dinja li se jesplora: il-kuxjenza tal-protagonista. Dak li jseħħ madwar il-protagonista, bħall-mewta t’ommu u l-ġlieda bejn il-Partit Laburista u l-ġerarkija tal-Knisja Kattolika, jinfluwenza sew l-istorja personali tiegħu, imma kollox narawh mil-lenti dejqa, imma profonda u kumplessa tiegħu.

“F’sens qawwi,” jgħid Serracino Inglott (“Studju,” Il-Gaġġa 9), “‘jiena jien’ hija stqarrija ta’ individwalità u integrità.” Individwalità għax “jiena m’iniex int, u ebda ħaġa oħra ħlief jien. Jiena awtonomu u indipendenti. Jiena neżisti magħżul u distint minn kull ħaġ’oħra li hawn fid-dinja. Iżda Fredu Gambin dlonk jgħid li din ix-xorta ta’ eżistenza tbeżżgħu. Fl-istess nifs li bih jistqarr kburitu, jistqarr ġjufitu.” Serracino Inglott jgħid ukoll li dik l-ewwel stqarrija hija stqarrija ta’ integrità, għax “jien individwu sħiħ, ħaġa magħquda fiha nfisha. Iżda dlonk Fredu Gambin jistqarr li ‘jien’ tiegħu huwa maqsum ‘f’mitt elf biċċa.’ Qatt kien sħiħ? Forsi meta ma kienx individwu, iżda dipendenti għalkollox fuq l-ambjent. Meta ttanta jkun individwu, tfarrak. U aktar ma jipprova mingħalih jiġbor il-frak,” jgħid Serracino Inglott (10), “aktar iferrixhom.”

Il-qoxra ta’ wara tal-ewwel edizzjoni tar-rumanz Il-Gaġġa maħruġ mill-Klabb Kotba Maltin

Dak il-bidu, “Jiena jien.” jistabbilixxi wkoll lingwaġġ ġdid, avolja t-tematika fiha nfisha ma kinitx ġdida. Fl-1968 Alfred Sant kien diġà ppubblika rumanz tiegħu L-Ewwel Weraq tal-Bajtar biċċa biċċa fil-gazzetta It-Torċa li wkoll jispiċċa bl-emigrazzjoni minn Malta. Bħal fil-każ ta’ Fredu Gambin, Raymond, il-protagonist tar-rumanz ta’ Alfred Sant, kontinwament jgħarbel il-kuxjenza kumplessa u mqallba tiegħu. Aktarx mhix kumbinazzjoni li fl-1968 ukoll, Frans Sammut, ħabib kbir ta’ Alfred Sant, ħareġ in-novella twila “Labirint,” li hija bħallikieku l-abbozz li fuqu mbagħad kiteb Il-Gaġġa

Fil-film Gaġġa ta’ Mario Philip Azzopardi, l-istudent universitarju Ray Camilleri ħadem il-parti ta’ Fredu Gambin

Jekk Il-Gaġġa ma kienx l-ewwel rumanz Modern Malti tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ wara l-Indipendenza, għaliex għandu sehem daqshekk privileġġat fl-istorja tar-rumanz Malti? Għaliex jissemma aktar minn L-Ewwel Weraq tal-Bajtar? Naħseb li hemm għadd ta’ raġunijiet. L-ewwel nett ir-raġuni stilistika: Il-Gaġġa stabbilixxa vuċi narrattiva personali ħafna, psikoloġika għall-aħħar, li fiha l-influwenza qawwija tal-ideat psikanalitiċi ta’ Sigmund Freud tinħass sew, speċjalment fejn jidħlu s-saffi mistura tas-sess u s-sesswalità, ir-rabta tal-iben mal-omm, il-kunflitt tiegħu mal-missier, u r-relazzjoni mqallba tiegħu man-nisa. 

Fredu (Ray Camilleri) u Veffa (Tanya Baldacchino) fil-film Gaġġa tal-1971

Hemm ukoll il-fattur importanti li Il-Gaġġa ħareġ bħala ktieb, bħala l-ewwel ktieb tal-Klabb Kotba Maltin. M’għandniex nissottovalutaw dan il-fattur editorjali li bħallikieku kkanonizza lil dan ir-rumanz. Naturalment, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li r-rumanz ikkanonizza wkoll, biex ngħid hekk, lill-Klabb Kotba Maltin fejn tidħol il-letteratura Maltija għall-kbar u l-istudji kritiċi letterarji fuq bażi xjentifika. Skont tagħrif li għaddieli Joseph Mizzi, il-kotba li ħareġ il-KKM fl-ewwel sena tiegħu kienu dawn:

1Frans SammutIl-Gaġġa1971
2M. Azzopardi, O. Friggieri, A. MizziMas-Sejħa tat-Tnabar1971
3Laurent Ropa (trad. Ġ. Aquilina)L-Għanja tas-Sienja1971
4Henry FrendoLejn Tnissil tan-Nazzjon1971
5Ġużè ChetcutiL-Isqaq1971
6Erin Serracino InglottIr-Raħeb1971
7Ġużè Cassar PullicinoKelma Waħda Biss1971
8Francis Ebejer (trad. O. Friggieri)Għajn ix-Xemx1971
L-ewwel pubblikazzjonijiet tal-Klabb Kotba Maltin (sors: Joseph Mizzi, KKM)

Oliver Friggieri ppubblika l-ewwel studji kritiċi letterarji tiegħu mal-Klabb u beda jibni dan il-qasam fuq sisien professjonali sodi: Fl-1973 ħareġ Ir-Ruħ fil-Kelma u Rużar Briffa: L-Aħħar Poeżiji u Taħdita, żewġ kotba li stabbilew il-lingwaġġ kritiku ta’ Friggieri u bdew ifasslu mudell ta’ kritika letterarja u xogħol editorjali għal dawk li ġew warajh, fosthom l-istudenti tiegħu fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università.

Gaġġa

It-tielet fattur li għen fil-ħolqien tal-“mit” tar-rumanz Il-Gaġġa huwa l-fatt li Mario Philip Azzopardi bena fuqu l-film tiegħu Gaġġa tal-1971, film magħmul b’mezzi verament limitati minn grupp ta’ studenti imma bis-sehem ta’ atturi ewlenin u b’viżjoni estetika identifikabbli: waqt li r-rumanz huwa psikoloġiku, vjaġġ fil-kuxjenza ta’ protagonista egoċentriku, fil-film Gaġġa hemm ukoll l-istudju soċjoloġiku u politiku: Mario Philip Azzopardi jrid jirrakkonta ’l Malta, it-taqbida bejn Malta antika marida, qisha n-Nanna Lwiża ta’ L-Ewwel Weraq tal-Bajtar, u l-Malta ġdida avventuruża, bla kwiet ta’ Raymond ta’ Alfred Sant u Fredu Gambin ta’ Frans Sammut.

Fattur ieħor huwa l-eku tar-rumanz ikoniku L’Étranger tal-awtur Franko-Alġerin Albert Camus tal-1942, rumanz tal-Assurd u tal-Eżistenzjaliżmu li influwenza ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ kittieba, wieħed mill-iktar rumanzi memorabbli tas-seklu 20. Il-protagonista, Meursault, jiġi kkundannat għall-mewt mill-Qorti mhux għax qatel bniedem donnu għal xejn b’xejn imma għax ma bekiex fil-funeral t’ommu. Waqt li omm Fredu tkun f’agunija, Fredu jkun moħħu f’ġisem Veffa: l-identifikazzjoni tal-ġuvni ta’ ommu mal-għarusa, jew tal-għarusa ma’ ommu hija karatteristika importanti fl-interpretazzjoni tas-sesswalità li toffri l-psikanaliżi ta’ Freud. It-“tradiment” tal-omm f’dan il-waqt tant sensittiv, li jidwi “t-tradiment” ta’ Meursault, huwa xhieda wkoll tal-kuxjenza l-ġdida tal-kumplessità ta’ konxju u l-inkonxju tal-bnedmin u tal-ġibdiet differenti li jġarrbu fl-istess ħin, u ġieli kontra xulxin.

Imbagħad hemm it-tmiem: il-countdown li jiddokumenta l-bidu ġdid ta’ Fredu Gambin barra minn Malta, u l-Indipendenza politika tan-nazzjon Malti. Sa ċertu punt, Il-Gaġġa huwa r-rumanz tal-Indipendenza individwali imma anki tal-indipendenza politika kollettiva. It-tnejn huma protagonisti difettużi tal-istorja tagħhom; it-tnejn medhijin ħafna bihom infushom.

Imneħirna

Aħna u naqraw Il-Gaġġa llum ma nistgħux nħallu lill-vuċi tal-protagonista tmexxina minn imneħirna. Il-karattru tiegħu huwa difettuż bħall-karattru ta’ kull rumanz Modern. Huwa egoċentriku, mitluf kważi għalkollox fid-dinja ċkejkna tiegħu. Mingħalih iħobb lil Roża imma kważi qatt ma nisimgħu l-vuċi tagħha; ma nafux fiex temmen, xi tħobb, x’tixtieq, x’tgħid lil Fredu: u ma nafux għax hu, li qed jirrakkonta l-istorja, ma jgħidilniex. Kemm jista’ jħobb persuna li donnu lanqas jisma’ l-vuċi tagħha, li jrid jirrakkontalna biss dak li jgħid li jħoss hu fuqha? L-“imħabba” lejha li jibqa’ jaħlef biha matul ir-rumanz kollu iktar donnha infattwazzjoni taż-żgħożija (jekk mhux tal-adolexxenza),

Min-naħa l-oħra Fredu Gambin għandu l-ħila u l-onestà biex jammetti li jibda joħroġ ma’ Clara, it-tielet tfajla tiegħu, għax irid jirbaħ il-kompetizzjoni mal-avversarju Taljan. Barra minn hekk, hemm mument qabel ma jitlaq minn Malta meta għall-ewwel darba jagħmel l-isforz li jagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor, f’dal-każ għal ħatnu, minflok jaħseb biss fih innifsu.

Adrian Grima
Joseph Mizzi, direttur tal-Klabb Kotba Maltin

Maturità u Immaturità

Waqt li l-vjaġġ ta’ Fredu Gambin fil-ħajja jibda bl-immaturità, u ma jistax ikun mod ieħor għax ħadd ma jitwieled bniedem magħmul imma jrid jgħaddi minn proċess ta’ maturazzjoni, il-Klabb Kotba Maltin jibda mill-ewwel b’għażliet maturi u kuraġġużi. Wara ħamsin sena nistgħu nħarsu lura kemm lejn ir-rumanz ikoniku ta’ Frans Sammut u kemm lejn id-dar tal-pubblikazzjoni li ħarġitu u nirriflettu fuq il-vjaġġ li wettqet il-letteratura żgħira tagħha u fuq it-toroq li għad tista’ taqbad, kemm f’Malta u kemm barra minn Malta.


Nota (1): Wara li ktibt dan il-kumment, A. Stivala ġibidli l-attenzjoni li ma kinux jeżistu studji tal-films fl-Università ta’ Malta meta Azzopardi kien student fil-bidu tas-snin sebgħin. Jien ħadt dan id-dettall minn nota fuq il-film fuq Wikipedia imma kelli dubju fuqu u ma jmissnix ktibtu. Il-bijografija ta’ Azzopardi tgħid li kien “student l-Università” meta dderieġa l-film.

2 Thoughts

  1. Meta sar dan il-film mir-rumanz ‘Il-Gaġġa’ ma kienx jeżisti l-istudju tal-films ġewwa l-Università ta’ Malta. Għalhekk id-direttur ma setax ikun “student tal-films”.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s