
Għandi l-blat bejn Għar Lapsi u l-inħawi tal-Imnajdra ingastat fil-memorja tiegħi. Naħseb li kelli xi għaxar snin. Lejn l-aħħar tas-snin sebgħin. Missieri u ommi kienu jeħduna nimxu f’dawk l-inħawi, lili u lil oħti Priscilla. Ommi Doreen, li għandha memorja tal-għaġeb, tgħidli li konna mmorru nhar t’Erbgħa jew nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar. Meta missieri ma kienx ikun xogħol.
Ma niftakarx konniex immorru fil-btajjel tal-Għid, tal-Milied jew tas-sajf. Imma ma naħsibx li kien ikun is-sajf, għax fis-sajf konna mmorru l-baħar: għall-bidu l-Armier, u mbagħad l-Għadira. Dik storja oħra. Storja ta’ ħobż tal-Malti midluk bit-tadam u mħawwar bit-tonn taż-żejt, iż-żebbuġ u l-kappar. U ħjar. Naħseb lil ommi kienet tifrex il-ħjar mal-ħobż. Storja ta’ ġranet twal fl-ilma, nilagħbu bil-ballun. Jien, missieri, oħti, u min jinzerta ħdejna. U l-picnic cooler oranġjo. Li trabbiet magħna.
Missieri Alfred ħadem il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu fil-lukandi, mal-kumpanija ta’ Zammit Tabona. Kien iqatta’ ġranet twal ix-xogħol. Għal ħafna snin kien wieħed mill-managers tat-Tigne Court (“Tini Court”) Hotel f’Tas-Sliema, lukanda fi Qui Si Sana li fetħet fl-1948. Jien niftakru dejjem isemmi lis-Sur Maurice, li kien l-iktar wieħed li kien ikollu x’jaqsam miegħu fuq ix-xogħol, u lis-Sur Walter. Kien kburi li kienu jġibuh u hu kien iħobbhom u kien leali ħafna lejhom. Lil ulied is-Sur Maurice, dawk li llum imexxu l-kumpanija ferm ikbar milli kienet meta beda magħhom, missieri jiftakarhom tfal. Sema’ l-praspar taż-żgħożija tagħhom u kien jiġi jirrakkontahom lil ommi. U xi ħaġa konna nisimgħu aħna wkoll. Missieri kien iħobb jirrakkonta.
Ommi għamlet ftit snin toħroġ taħdem, meta jien u oħti konna s-sekondarja. Imma qattgħet ħajjitha kollha tieħu ħsieb il-familja, jiġifieri tagħmel xogħol iktar full-time mix-xogħol full-time. Xogħol li dejjem għamlitu bi mħabba kbira u mingħajr ma tqisu bħala xogħol.

Triumph
Ma niftakarx l-avventura fit-Triumph Herald li kien ikollna sakemm naslu Għar Lapsi. In-niżla wieqfa. Iż-żigużajg li jieħdok minn fejn il-barriera f’ras il-għolja sa Lapsi. Imma niftakarna, lili u lil oħti, inħeġġu lil missieri biex jaqbeż il-karozzi ta’ quddiemu. Ma tantx konna nagħtu kas tal-karozzi li jaqbżuna, naħseb. L-importanti li naqbżu lil ta’ quddiemna. Konna nduru lura, u minn fuq is-seat ta’ wara fejn konna nkunu bilqiegħda, u b’daħqa nkejjuża fuq fommna, konna nxejru lill-karozza li kienet tkun qed titbiegħed minna. Malli missieri kien jibdel il-gear, joħroġ ftit ’il barra, jagħfas il-gass, u jaqbeż bil-ħeffa lil ta’ quddiemna konna naqbdu nċapċpu. Qatt ma konna dilettanti tal-karozzi, jew tat-tlielaq tal-karozzi. Imma kien hemm sodisfazzjon f’din il-manuvra. U parti mis-sodisfazzjon kien marbut mal-periklu. Il-gost tal-periklu.
L-iktar ħaġa li niftakar mill-mixjiet tagħna fuq il-blat ta’ bejn Għar Lapsi u l-blat għoli taħt l-Imnajdra hija l-avventura tal-periklu. U magħha l-ġmiel ta’ pajsaġġ. Il-mixi f’mogħdijiet fit-tarf tal-blat. Il-biża’ li naqa’. U l-gost ta’ dak il-biża’. Is-sensazzjoni li konna qed nagħmlu xi ħaġa speċjali. Li ma jagħmluhiex ħafna nies. Ma niftakarnix nara nies meta konna mmorru nimxu hemmhekk. Imma l-memorja tiegħi batuta ħafna u d-dettalji ma niftakarhomx. Niftakar biss impressjonijiet ġenerali. Sensazzjonijiet. Emozzjonijiet. Dawk iva. Ħwejjeġ suġġettivi ħafna. Ftit fatti u ħafna stħajjil. U aktarx fid-dinja ċkejkna tiegħi, il-periklu kien akbar. L-avventura tagħna ikbar. Il-biża’ akbar ukoll.

Il-Magħlaq
Il-Ħadd li għadda mort nimxi fuq il-blat fuq il-qaliet u taħt l-għerien ’il ġewwa minn Għar Lapsi. Mort ma’ Nathalie u ħabiba tagħna. L-ewwel darba wara l-isbaħ erbgħin sena. Jaf mort xi darb’oħra sadattant, forsi mal-ħbieb. Ma niftakarx. Għalija kienet skoperta mill-ġdid ta’ dawn l-inħawi wara l-meravilji tat-tfulija. L-aħħar li rajt din il-kosta bl-ilwien Mediterranji tagħha, mill-bogħod, kien meta konna fuq il-lanċa sejrin Filfla f’Lulju li għadda. Imma naħseb li tant kont moħħni f’Filfla li ma rrealizzajtx ir-rabta emozzjonali tiegħi ma’ dak il-pajsaġġ.
Norbert Bugeja, li dawn l-inħawi jafhom sew u ġieli rrakkontali l-istejjer tiegħu u ta’ sħabu hemmhekk, qalli li “hemm ġew” jgħidulu l-Magħlaq. Ftit jew wisq, din il-mappa tagħtih raġun:
Iktar ‘’il fuq hemm Tas-Sruġ. Ironikament, dawn iż-żewġ mapep, meħudin mill-istess sit, jagħtu isem wieħed u jħallu barra l-ieħor.
Però skont Norbert, il-Magħlaq “huwa l-isem ta’ bajja li tintuża għall-għawm” ’il gewwa minn Għar Lapsi. “Imbaghad aktar ’il ġewwa l-kosta fiha għadd ta’ għerien kollha b’isimhom.” Norbert qalli li spiss jissemma Għar Ħaxixa, imma hemm oħrajn.
Erin Serracino Inglott jirreferi għal Tal-Magħlaq bħala wied żgħir li jibqa’ nieżel sa jagħlaq qabel tmiem l-irdum tal-Imnajdra, bejn Għar Lapsi u l-Mitqub. Qrajten ta’ Fuq Wied il-Magħlaq, min-naħa l-oħra, huwa l-ogħla taqsima tal-irdum imsejjaħ Tal-Magħlaq. Il-Qrajten huwa għolja bejn il-qasam ta’ Ħal Bajjada u l-Imnajdra li jħares fuq l-irdum ta’ fuq Għar Lapsi. Għar il-Mitqub jinfed fix-xtajta tan-Nofsinhar ta’ Malta, taħt l-Imnajdra, bejn Għar Lapsi u Ras il-Ħamrija.
Norbert qalli wkoll li aktar ‘il ġewwa minn Għar Ħaxixa hemm Għar Manwel. “F’wieħed minnhom kien hemm balla ta’ kanun sparata minn bastiment tal-gwerra.” U f dik iż-żona, ‘il barra, qabel il-Ħnejja ta’ Wied iż-Żurrieq, hemm mgħarraq l-Um el Faroud, it-tanker taż-żejt li sploda fit-Tarzna 25 sena ilu u ħasad il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema.
Uħud mill-ismijiet tal-għerien jidhru f’din il-mappa. Ma stajtx insib mappa bit-toponomastika dettaljata ta’ dawn l-inħawi. Alex Camilleri kiteb fid-dettall dwar l-ismijiet marbutin ma’ blat, għerien u daħliet f’dawn l-inħawi f’dan l-artiklu fuq “It-Toponomastika ta’ Għar Lapsi, Wied iż-Żurrieq u Filfla (II)” li deher fl-Imnara fl-2007 u issa jinsab fuq Il-Miklem.


Id-Deżerta
Il-Ħadd filgħaxija, wara l-mixja, għaddejt s’għand ommi. Staqsejtha dwar dawk il-mixjiet ta’ tfuliti. Qaltli li wara konna mmorru għand Rita biex nieħdu te u pasta. Nassumi li kont nieħu gost b’dik il-biċċa wkoll, bħalma kont nieħu gost meta wara l-Għadira konna mmorru fil-meravilja tal-Belleview, bir-riħa taqsmek ta’ ħobż li jkun għadu kemm inħema u d-doughnuts bil-ġamm għadu sħun fuq it-tilari. Il-forn tal-Belleview miet imma l-post ta’ Rita f’Għar Lapsi ma nbidilx wisq. Jew forsi ma qgħadtx attent biżżejjed għad-dettalji.
Sadattant it-Triumph Herald li missieri kien sprejjaha griża begħnieha u għebet minn ħajjitna. U missieri ħalliena wkoll. 10 snin ilu. Dax-xahar. Ħalliena f’riefnu ta’ qirda li ħakem lilu u lilna, speċjalment lil ommi. Riefnu li baraxna għal dejjem minn ġewwa bil-forza tiegħu. Il-mixja fuq il-blat fejn kont nogħxa u nitwerwer qanqlu mill-ġdid ħafna sensazzjonijiet sbieħ.
Imma l-Ħadd billejl erġajt ħlomt bil-għoli. Meta noħlom, ħafna drabi noħlom bil-għoli. U nitwerwer iżjed milli nitwerwer meta nkun qed nimxi fuq il-blat, iktar milli meta nittawwal lejn il-fond. Ħlomt bil-għoli u tant kienet reali l-ħolma li fis-sodda, taħt il-liżar ħafif tas-sajf t’Ottubru, naf li qbiżt.
Adrian Grima | It-Tnejn 12 t’a’ Ottubru 2020










