Dar għal qalbek hi l-għarqub tal-ħajja

Twieled fit-18 ta’ Ottubru 1871 f’Ħaż-Żebbuġ u miet fit-13 ta’ Ottubru 1961, ħamest ijiem qabel għalaq id-disgħin. Huwa figura importanti fl-istorja, fl-ilsien u fil-letteratura Maltija. Huwa l-poeta li fakkar mumenti storiċi f’Malta u li għolla l-ilsien Malti permezz tal-kitba tiegħu. Dawn id-dokumentarji bi produzzjoni ta’ Festivals Malta ser jixxandru kuljum wara l-aħbarijiet tat-8:00pm fuq TVM.

F’dan is-sitt programm li xxandar it-Tnejn 19 ta’ Ottubru 2020, parti minn sensiela ta’ dokumentarji qosra dwar Dun Karm Psaila fix-xahar ta’ Ottubru li jfakkar it-twelid u l-mewt tiegħu, tkellimt fuq iċ-ċentralità tad-dar fid-dinja poetika maħluqa mill-poeta nazzjonali. Dawn id-dokumentarji qosra, produzzjoni ta’ Festivals Malta, qed jixxandru wara l-aħbarijiet tat-8:00pm fuq TVM. Tista’ tara d-dokumentarji kollha hawnhekk.

Fl-okkażjoni ta’ Jum Dun Karm, imfakkar ta’ kull sena fid-19 ta’ Ottubru, Festivals Malta kkummissjonat serje ta’ 8 dokumentarji qosra li ssibuhom fil-ħolqa t’hawn taħt. Il-features, ta’ 5 minuti l-wieħed, jittrattaw dawn is-suġġetti:

1. Dun Karm Psaila – Poeta Nazzjonali | Joseph Borg jagħtina ħjiel bijografiku u tagħrif dwar kif Dun Karm sar magħruf bħala l-poeta nazzjonali tagħna.

2. Il-Kelma ta’ Poeta | Dwayne Ellul jitkellem dwar il-ħidma ta’ Dun Karm fuq id-dizzjunarju Ingliż-Malti u dwar l-għażliet lessikali tiegħu.

3. Bejn Bliet u Rħula | Kit Azzopardi jitkellem dwar l-ambjenti urbani, rurali, u naturali fil-poeżiji ta’ Dun Karm.

4. Poeta Romantiku | Prof. Bernard Micallef jagħtina tagħrif dwar il-Moviment Romantiku li nebbaħ lil Dun Karm.

5. Ħjiel Estetiku | Dr Josette Attard titkellem dwar il-prinċipji estetiċi li mexxew lil Dun Karm fil-kitba tiegħu.

6. Xbihat Ċentrali | Prof. Adrian Grima jiddiskuti xi xbihat ċentrali użati mill-poeta nazzjonali, fosthom tad-dar bħala għarqub (fus).

7. Prożatur | Marita Cassar tixħet dawl fuq ix-xogħlijiet prożajċi ta’ Dun Karm, mill-ittri u s-saġġi sat-traduzzjoni u l-awtobijografija.

8. L-Innu Malti | Joseph Borg jagħtina tagħrif storiku u analitiku dwar l-innu nazzjonali ta’ pajjiżna.

Dawn il-filmati saru fuq l-inizjattiva ta’ Festivals Malta, b’kollaborazzjoni bejn Alan Paul Mizzi, Keith Demicoli, u Joseph Borg; u b’kitba ta’ Kit Azzopardi.

Festivals Malta posted a video to playlist Dun Karm Psaila – Il-Poeta Nazzjonali.


L-Għarqub tal-Ħajja

Dan l-intervent tiegħi kien imsejjes fuq studju li kont għamilt għall-Masters fil-Letteratura Maltija u deher fir-raba’ kapitlu tat-teżi tiegħi dwar “L-Għarqub tal-Ħajja.” Minħabba l-ħin, parti mill-intervent tiegħi dwar ir-rikorrenza tax-xbieha tad-dar u l-aġġettivi li jintużaw magħha ma daħlux fil-verżjoni finali li xxandret. Dawn id-dettalji, meħuda mill-bidu tar-raba’ kapitlu tat-teżi, jidhru hawn taħt,

Il-punt ta’ riferiment kontinwu ta’ Dun Karm huwa d-dar. F'”Otia Aestiva – II” (1939), il-poeta jikteb li l-għarqub tal-ħajja tal-bniedem hu dar għal qalbu. Bħalma l-għarqub huwa l-fus taċ-ċaqliq tal-vjaġġatur, id-dar hija l-fus, l-oikos tal-bniedem fil-ħajja. Il-vjaġġ jibda u jintemm id-dar. Il-biljett li jaqta’ Dun Karm hu biljett bir-“return.” Il-vjaġġ li jwassal għaż-“żjara lil Ġesù” jibda u jispiċċa d-dar. Dan l-oikos, madankollu, mhuwiex dar kwalunkwe, imma d-dar ta’ tfulitu, maħkuma mill-preżenza tal-omm li timla kull spazju b’imħabbitha. Hi d-dar kennija tal-familja miġbura fir-raħal agrikolu, mhux il-ħabs ċkejken ta’ appartament li kellu l-poeta fil-Belt. Ir-ritorn spiritwali lejn dar tfulitu u r-ritorn lejn il-ġrajjiet glorjużi tal-imgħoddi tal-ġens Malti huma l-elementi li jingħaqdu fil-metafora tal-omm, l-oikos-dar, jiġifieri omm, u Malta-omm.

Metafori ta’ ċaqliq

Il-verbi ta’ ċaqliq l-iżjed komuni fil-poeżiji ta’ Dun Karm huma l-verbi li wieħed isib fit-taħdit ta’ kuljum: il-verb “għadda” jintuża aktar minn mija u tletin darba; warajh, fl-ordni ta’ kemm-il darba jintużaw, hemm il-verbi “ġie,” “niżel,” “ħareġ,” “ġera,” “wasal,” “tela’,” “daħal,” “mar,” “resaq,” u “mexa,” li l-poeta jużah mal-erbgħin darba. Fost il-verbi l-oħra ta’ ċaqliq hemm tnejn li jintużaw mat-tletin darba, “ħarab” u “ttajjar,” u li mhux soltu jinstemgħu daqshekk sikwit fil-lingwa konvenzjonali. Il-maġġoranza l-kbira tal-verbi ta’ ċaqliq għandhom għeruq semitiċi. 

Sikwit il-verb “ittajjar” Dun Karm jassoċjah mat-tama, mal-ħsieb, ma l-irwieħ u x-xewqat, u jirrifletti waħda mill-iskemi-xbieha l-aktar importanti tal-poeta u tal-kultura Nisranija kollha kemm hi: il-ħajja ħielsa mill-irbit tal-kategoriji taż-żmien u l-post tinsab “fuq,” fis-sema, waqt li l-ħajja marbuta magħhom tinsab “isfel,” mal-art. George Lakoff u Mark Turner isemmu għadd ta’ metafori konċettwali li huma marbutin ma’ din l-iskema-xbieha, fosthom “divine is up,” “freedom is up,” “mortal is down,” “control is up,” u “being controlled is being kept down.” L-iskema-xbieha Fuq-Isfel għandha sehem fundamentali f’Il-Jien u Lilhinn Minnu (1938).

Dun Karm jinqeda b’għadd ta’ metafori konċettwali konvenzjonali u minn uħud minnhom joħloq metafori ġodda. Ngħidu aħna l-metafora konvenzjonali tal-ħajja-vjaġġ tixref fil-vers “kif ġejt fuq l-għatba tar-rġulija;” f’silta oħra, il-poeta jiftaħ il-metafora konċettwali taż-żmien jiċċaqlaq beraħ:

iż-żmien li ma tgħallemx isellem,
U, għalkemm xiħ, għadu ħafif bħal berqa, 
Jgħaddi siksnijiet bla ma jitkellem
Sew kif jagħmel ħalliel fil-waqt tas-serqa.

Din il-metafora kumplessa għandha l-għeruq tagħha mqabbdin, fost l-oħrajn, fil-metafori konċettwali taż-żmien jiċċaqlaq, iż-żmien jiġri warajk, iż-żmien ġerrej, u ż-żmien ibiddel. Is-similitudni fl-aħħar vers tas-silta għandha l-għeruq tagħha fil-metafora taż-żmien-ħalliel. Fl-opra ta’ Dun Karm, iż-żmien għandu l-kwalitajiet kollha li wieħed isib diġà fil-lingwa Maltija ta’ kuljum. Għaldaqstant iż-żmien igerbeb, itir, jgħaddi, jasal, jaħrab, ma jerġa’ qatt lura, jgħaddi jiġri, jistenna, u jtul. L-aktar li jintuża hu l-verb “għadda.” Bħaż-żmien, is-snin jaħarbu, jimxu, igerbu, jiġu, jiġu u jmorru, jgħaddu, u jgħaddu bħal berqa, u s-siegħa tiġi, tasal, tgħaddi, tgħaddi tiġri, u taħrab. Mal-verbi hemm ukoll in-nomi u l-aġġettivi: il-mewġ taż-żmien; it-triq taż-żminijiet; il-lima, il-mixja mgħaġġla, u l-mixja dejjemija tas-snin; u (tasal) is-siegħa tal-mewt. 

Il-metafora konċettwali tal-ħajja-vjaġġ tidher f’metafori lingwistiċi bħall-mixja tal-ħajja u tal-ġrajja; “ħajtu! … […] waslet / fl-aħħar tarf, fl-aħħar xifer;” “hekk hi sejra / Il-ħajja tal-bnedmin;” “it-tmiem riesaq kuljum;” il-ġrajja li għaddew; u l-ġrajja jitbiegħdu. Hawnhekk tara taħlita ta’ metafori konvenzjonali u oħrajn ġodda.

Teorija dwar il-lingwa li hi rilevanti għal analiżi tal-metafora tal-vjaġġ fil-poeżija hi dik lokalista. Il-lokalisti jemmnu li l-espressjonijiet spazjali huma aktar bażiċi, grammatikalment u semantikament, minn tipi differenti ta’ espressjonijiet li mhumiex spazjali: “they serve as structural templates, as it were, for other expressions.” Il-psikoloġi jsostnu li dan jiġri għax l-organizzazzjoni spazjali tinsab fil-qalba tal-konjizzjoni tal-bniedem. Din it-teorija lingwistika tintrabat sew mal-idea tal-esperjenzjalisti li l-metafori konvenzjonali huma mqabbdin fl-esperjenza ta’ kuljum tal-bniedem fil-ħajja. Úewġ tipi ta’ stati li jinftiehmu f’termini lokalisti huma l-possessjoni u l-eżistenza. Il-lokalisti jsostnu li meta bniedem jgħid li għandu ktieb ifisser li l-ktieb qiegħed, spazjalment għandu. Fil-Malti din l-interpretazzjoni tagħmel sens doppjament, għax il-kelma “għand” tirreferi sew għall-possessjoni u sew għal-lokazzjoni: il-fil komuni fl-espressjonijiet “Paul qiegħed għand oħtu,” “Il-ktieb qiegħed għand Paul,” u “Paul għandu ktieb” huwa xhieda ta’ dan. L-istess jgħodd għal espressjonijiet eżistenzjali bħal “qiegħed,” “hemm” u “hawn” li jindikaw, qabelxejn, lokazzjoni.

Fid-dawl tal-interpretazzjoni lokalista tal-lingwa, wieħed m’għandux għalfejn jistagħġeb li l-verb “għadda” jidher tant fil-poeżiji ta’ Dun Karm. L-istess jgħodd għall-verbi “ġie” u “mar.” Espressjonijiet bħal “l-imgħoddi” (mill-verb “għadda”), “il-ġejjieni,” “matul,” u “d-dieħla” huma eżempji tal-mod kif il-Malti jifhem ir-relazzjonijiet temporali b’analoġija mad-dimensjoni spazjali. Inċidentalment, l-espressjoni nominali spazjali konvenzjonali “dari” tintuża konsistentement minn Dun Karm biex tirreferi għall-imgħoddi. 

Dun Karm juża l-kelmiet “dar” u “djar” mal-mija u ħamsa u erbgħin darba, u “dwejra” tissemma xi tnax-il darba. Id-dar jiddeskriviha l-aktar bħala post ta’ kenn (sbatax-il darba), hena (ħdax-il darba), ħemda (tmien darbiet), u wens (erba’ darbiet); id-dar jaraha bħala sabiħa (sitt darbiet), ċkejkna, (ħames darbiet), u kwieta (tliet darbiet). Il-poeta jassoċjaha wkoll mal-imħabba, mal-omm, mal-missier, mal-aħwa, mal-faraġ, il-barka, is-sliem, is-sikta, l-hemm, l-imwiet, il-ġenna, il-ġid, is-sħana, l-għera, u l-ġabra. Dun Karm juża l-kelma “dar” mat-tmien darbiet biex jirreferi għall-knisja, id-“dar t’Alla.”

Minbarra d-dar, li hi l-oikos tal-vjaġġ ta’ Dun Karm, hemm tliet elementi oħra li huma importanti għall-vjaġġ tiegħu: it-triq, il-qabar u l-knisja. Il-kelma “triq,” fil-plural u fis-singular, tidher mat-tnejn u tmenin darba: il-poeta jorbotha mal-hena, is-Sultan u Kristu, il-qalbenin, iż-żminijiet, is-sebħ, it-tajbin, il-pjaċir, il-ħajja, il-ġid, is-sewwa, u dejjem; iżda hi wkoll triq imwiegħra, mudlama, twila, waħxija, ħarxa, tas-Salib, tar-reżħa, u tat-tiġrib. Il-“qabar” (u l-“oqbra”) jissemma mat-tlieta u ħamsin darba: huwa kiesaħ, minsi, tal-mejtin, sieket, ċkejken, ħiemed, mudlam, waħdu, imsaħħar, u mhux għal dejjem. Mill-inqas darbtejn tissemma s-sodda tal-qabar. Id-diminuttiv jixref ukoll fl-erbgħin riferiment għal “knisja” li hi tipikament ċkejkna u mwarrba. 

 Fil-poeżija ta’ Dun Karm il-vjaġġi jseħħu fost l-oħrajn fil-baħar, fit-toroq, qalb in-natura, fl-ajru, fil-bniedem, fil-moħħ, ir-ruħ u l-qalb, u fl-imqades u l-knejjes. Man-nies jiċċaqalqu l-ħajja, l-elementi tan-natura u taż-żmien, il-partijiet tal-ġisem, il-kliem, l-oġġetti inanimati, il-valuri u elementi oħra astratti, bħall-imħabba, l-hena, it-tama, l-għira, il-frugħa, ix-xbihat, il-Mewt, l-ilfiq, iż-żgħożija u x-xjuħija, u l-ħars. Affarijiet li ma jiċċaqalqux minn jeddhom, bħad-dmugħ, l-ilma, ir-riġlejn, u d-dgħajjes, jingħataw il-privileġġ li jċaqalqu lilhom infushom. Jivvjaġġa wkoll il-poeta u miegħu dak kollu li jseħħ fil-kuxjenza tiegħu. Ħafna drabi l-poeta jimxi bil-mod, bħax-xiħ agħma tal-Jien; jiċċaqlaq bil-ħeffa meta jkun irid “jaħrab” minn sitwazzjonijiet jew mumenti diffiċli jew ta’ niket: “naħrab minn ħbiebi,” u “ġrejt għal ħoġor ommi.” Jiċċaqalqu bil-ħeffa wkoll id-dgħajjes, id-demm, il-ħsibijiet, u ż-żmien. Il-ħsieb sikwit “jiġri” meta l-poeta jiftakar fi tfulitu, bħallikieku biex jirrifletti l-pass mgħaġġel u ferrieħi tat-tifel tat-tifkiriet, u “jittajjar”, bħalma tagħmel il-qalb, meta l-poeta jaħseb f’Alla.  

Fil-poeżija ta’ Dun Karm, Malta hi vjaġġatur. F'”għanja ta’ Malti fl-Amerka” Malta “timxi” (v. 17); f'”1921 – Lil ħuti l-Maltin Nhar l-għoti tal-Kostituzzjoni”, il-poeta jħeġġiġha biex taqbad triqitha “lejn xefaq sabiħ” (v. 4), u f'”Lil Malta – Tal-Lum u ta’ Għada” jitlobha biex tarġa’ lura fuq triqitha (v. 43) għax fl-aħħar tal-vjaġġ tagħha hemm min qed jistennieha (v. 44). Skema-xbieha fundamentali fir-rigward ta’ Malta u l-opra kollha tal-poeta hi dik ta’ ġewwa-Barra: ta’ ġewwa hu dejjem tajjeb, ta’ barra hu dejjem ħażin. Meta l-poeta jikkritika ‘l ta’ ġewwa jkun qiegħed jikkritika l-fatt li dieħla ħafna influwenza minn barra.


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s