Għajn Barrani, Għawdex

Għajn Barrani huwa rdum fit-tarf tax-Xagħra li jinsab bejn Marsalforn u r-Ramla l-Ħamra. Erin Serrcino Inglott jiddeskrivih bħala “qasam art taħt il-Qortin ta’ Għajn Damma qrib ix-Xagħra, Għawdex” (Il-Miklem Malti). Taħt l-irdum hemm bajja żgħira b’taħlita ta’ blat, pjanti, u tafal. F’dawn l-inħawi l-pajsaġġ huwa varjat u hemm bosta pjanti, aktarx minħabba l-ilma ġieri li jingħad li jkun hemm f’dawn l-inħawi matul is-sena u li minħabba fih jikbru għadd ta’ pjanti.

Fil-manuskritt tiegħu dwar “Il Gozo Antico e Moderno, Sacro e Profano” tas-seklu 18, maqlub għall-Malti minn Dun Ġużepp Farrugia fl-ewwel nofs tas-seklu 20, il-kittieb Għawdxi Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis jgħid li fost l-għejun tal-ilma ewlenin tax-Xagħra hemm Għajn Barrani (Għawdex bil-Ġrajja Tiegħu 23).

Mhux faċli tasal Għajn Barrani u mhux faċli tinżel sal-bajja mdawra bil-blat wieqaf u t-tafal jiżloq għax niexe u mrammel. Imma l-kuntrasti fil-kuluri u t-tlaqqigħ tal-irdum, is-siġar u l-pjanti, u l-baħar fl-isfond ma tinsihomx malajr.

Dan il-post għandu l-grazzja minn Alla li ma tantx hu aċċessibbli. Fil-għoli hemm xi djar tal-kampanja mdaqqsin, li jaf kienu rziezet, imma ftit li xejn jagħtu fil-għajn għax donnhom qegħdin jistkennu taħt l-irdum ta’ Għajn Barrani u mdawrin bis-siġar u l-pjanti. Barra minn hekk, l-ispettaklu naturali tant huwa prominenti li ftit li xejn ikollok moħħ taħseb fil-ponn djar li hemm imħaddnin ma’ xulxin.

Qrib tar-Ramla u r-Rdum ta’ Fiddien u l-Pergla, fejn hemm il-Ġebla ta’ Dragutt li jingħad li kien jistrieħ taħtha, hemm “Għajn Barrani.” Skont Agius de Soldanis dan l-isem ifisser “għajn tal-għorba,” tal-istranġieri jew il-barranin, “għax minnha kienu jieħdu l-ilma, kemm kien ikollhom bżonn, in-nies ta’ Dragutt, bħalma nafu li għamel ukoll aktar minn darba l-imsemmi ħalliel tal-baħar ir-Rajjes Murat,” u “mill-Pergla kienu jieħdu kemm frott isibu” (26). Fuq il-bajja ta’ Għajn Barrani, ftit iktar lejn ir-Ramla, illum hemm kumpless turistiku b’ġemgħa ta’ djar tal-kampanja jew irziezet immodernizzati bl-isem ta’ “Pergola.” ‘L hinn minn Għajn Barra, jikteb Agius de Soldanis, “hemm ir-rdum ta’ Marsalforn u ta’ Għar Qawqla.”

Dawn huma ftit mir-ritratti li ħadt fil-bidu ta’ Settembru 2020.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s