Id-Dwejra u l-Ġebla tal-Ġeneral

Dawn huma xi ritratti li ħadt f’Settembru tal-2020 tal-inħawi tad-Dwejra f’Għawdex, il-Qala (jew il-Bajja) tad-Dwejra, it-Torri tad-Dwejra, u l-Ġebla tal-Ġeneral, li minn angolu minnhom tinduna li għandha tieqa jew fetħa f’ġenbha.

Fil-ktieb tiegħu dwar Għawdex, bil-Ġrajja Tiegħu miktub fit-tieni nofs tas-seklu 18 maqlub għall-Malti minn Dun Ġużepp Farrugia, il-Kan. Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis jikteb dwar il-Ġebla tal-Ġeneral: “Fuq din tinbet u tikber il-ħaxixa jisimha ‘Għerq Sinjur’ magħrufa bħala ‘Fungus melitensis’ jew ‘gaulitanus'” (27). Il-manuskritt Agius de Soldanis kitbu bit-Taljan u kien jismu, Gozo antico e moderno, sacro e profano.

Agius de Soldanis jiddedika s-seba’ taqsima tal-ewwel volum tal-ktieb tiegħu għall-“Għerq-sinjur, jew il-‘fungus’ Għawdxi, imsejjaħ ‘Ta’ Malta,’ ta’ lewn ħamrani,” u jikteb dwar “fejn, kif u meta jinbet u jinġabar,” dwar il-ħila tiegħu li jfejjaq “id-dissenterija,” u “Kemm hu stmat barra” minn Malta (144).

Giovanni Francesco Abela (1582–1655), l-awtur tax-xogħol importanti ħafna, Della Descrittione di Malta isola nel Mare Siciliano: con le sue antichità, ed altre notizie (Malta: Paolo Bonacota, 1647), kiteb dwar din il-“ħaxixa ta’ lewn aħmar nar, li għandha l-għamla tal-bużbież tal-baħar.” Meta “mnixxfa u misħuqa fi trab irqiq u mogħtija bħala xorb, għandha saħħa tal-għaġeb kontra d-dissenterija kif nafu żgur minn min ġarrabha” (Agius de Soldanis 144). It-tabib Malti Ġann Franġisk Bonamico (1639–1680), “Malti u bniedem tar-ruħ,” kiteb “trattat” fuq dan il-fungus. Id-dissenterija (jew disenterija) hija “marda tal-imsaren bit-tneħħija minn wara wkoll tad-demm, bl-uġigħ, tqanżiħ, eċċ.; sabb tad-demm” (Erin Serracino Inglott, Il-Miklem Malti).

Din il-ġebla tinsab fil-bokka tal-Qala tad-Dwejra. Qrib din il-ġebla hemm il-għar imsejjaħ “tal-għassa” li tqiegħdet hemm, skont Agius de Soldanis, fis-sena 1745 mill-Gran Mastru biex tindokra l-ġebla tal-Ġeneral u l-ħaxixa tagħha. Abela jgħid illi dak il-ġebel għoli li jinsab hemm dari kienu jgħidulu ‘Ġebel ta’ bin Ġorġ,’ isem li ma baqax jintuża.

It-Torri tad-Dwejra nbena fis-sena 1651 mill-Università (jew it-tmexxija) ta’ Għawdex (Agius de Soldanis 19). “L-Ordni ta’ Malta jgħammuh bil-kanuni u l-munizzjon tal-gwerra. Dari dan il-port kien perikoluż; illum hu mħares minn dan it-torri.”


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s