
Tgħallimt ħafna affarijiet fuq ix-xjenza u l-COVID-19 u rġajt qbadt ninkwieta meta rajt l-edizzjoni speċjali tal-bieraħ tal-programm eċċellenti Presa Diretta fuq Rai Tre. Meta rajt din l-edizzjoni ta’ Presa Diretta t-tieni darba, wasalt għall-konklużjoni li l-programm qed jimplika (forsi kelma qawwija wisq) li hemm ċans tajjeb li kien hemm żball uman fit-tixrid ta’ dan il-virus u li l-iżball sar fil-laboratorju ta’ sigurtà kbira li hemm f’Wuhan.
Il-Konklużjoni li ma tingħad imkien
Ma tingħad imkien fil-programm. Imma l-enfasi ta’ Presa Diretta fuq is-segretezza tal-awtoritajiet Ċiniżi, il-mod kif inħbiet l-istorja (twila) tas-sejbien ta’ dan il-virus fl-2013, u l-fatt li dan il-virus kellu mill-ewwel “affinità” mal-ġisem tal-bniedem, donnu kien drah diġà, jagħtuni l-impressjoni li din hija l-konklużjoni mhux dikjarata tal-ġurnalisti.
Jien m’iniex kumplottista u jdejquni l-istejjer li jqanqlu ansjetà bla bżonn biex joħolqu sensazzjoni jew biex jagħtu prominenza lil min joħroġ bihom. Imma dan virus kumpless u din dinja kkumplikata.
Nemmen fil-ħtieġa tad-dubju imma ma nħobbx nilgħab l-isport tal-ħolqien tad-dubju. Id-dubju rridu biex nasal għall-verità, mhux biex nevitaha.
Uħud mit-temi ewlenin f’din l-investigazzjoni
Jista’ jkun li dak li se nikteb hawn ma jirriflettix b’mod preċiż dak li ntqal fil-programm. L-aħjar taraw il-programm innifsu. Ġurnaliżmu investigattiv ta’ veru. Bħal dejjem.
- Il-virus tal-COVID-19 ma jattakkax biss is-sistema respiratorja. Jista’ jaffettwa ħażin ukoll partijiet oħrajn tal-ġisem. Presa Diretta sejjaħlu “marda sistematika,” għax jattakka (jew kapaċi jattakka) il-ġisem kollu. Fost l-oħrajn il-moħħ. U jħalli danni permanenti.
- Iċ-Ċiniżi ilhom jafu b’dan il-virus mill-2013 meta sabuh ġo minjiera abbandunata fil-provinċja ta’ Yunnan.
- Il-programm Presa Diretta tana x’nifhmu li l-awtoritajiet Ċiniżi ma kinux trasparenti biżżejjed fuq kif żviluppa dan il-virus li kienu ilhom mas-7 snin jistudjawh u jiktbu fuqu.
- Ħafna xjenzjati jaħsbu li l-virus beda mill-friefet il-lejl, possibilment fin-nofsinhar taċ-Ċina, fil-provinċja ta’ Yunnan. Mhux mis-suq tal-annimali slavaġ ta’ Wuhan. Jingħad li f’dan is-suq infirex, mhux beda.
- Jidher li ċ-Ċiniżi biddlu l-isem xjentifiku li kienu taw fil-bidu lil dan il-virus. B’dan il-mod, donnu riedu jħassru t-traċċi tiegħu, jew tal-istudji tagħhom fuqu.
- Il-Franċiżi u l-Amerikani ħadmu mill-qrib ħafna maċ-Ċiniżi fuq il-bini tal-laboratorju magħruf ta’ Wuhan li ssemma ħafna kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID-19. L-idea li x-xjenzjati Ċiniżi jaħdmu waħedhom ma jidhirx li hi vera.
- L-esperti li intervistaw ta’ Presa Diretta qalu li ma JISTGĦUX jeskludu li t-tixrid ta’ dan il-virus qerriedi kien żball uman. Jekk kien żball uman, konvinti li ma kienx intenzjonat.
- Mhux l-ewwel darba li “ħarbu” viruses minn ġol-laboratorji f’pajjiżi differenti, fosthom l-Istati Uniti.
- L-isperimentazzjoni l-iktar riċenti fuq il-viruses tista’ taħbi l-intervent uman fil-proċess tal-“ħolqien” tal-virus u r-ritratt ġenetiku tiegħu MHUX bilfors jikxef it-tbagħbis li seta’ sar fih mill-bnedmin fil-laboratorji.
- Il-programm ta prominenza lill-kwistjoni taħraq tar-riċerka fil-laboratorji magħrufa bħala “Gain-of-Function Research.” Permezz ta’ din l-isperimentazzjoni, virus jingħata funzjonijiet ġodda fl-ambjent protett tal-laboratorju, li jistgħu jkunu perikolużi immens, biex ix-xjenzati jitgħallmu aktar dwar il-mod kif iġib ruħu.
- Ngħidu aħna, jistgħu jaqbdu l-virus tal-influwenza avjarja u jintervjenu fih biex agħmluh aktar jittieħed. Issa jekk virus bħal dak jaħrab minn ġol-laboratorju minħabba nuqqas ta’ sigurtà, min jaf x’jista’ jiġri?
- Hemm għadd kbir ta’ xjenzati rispettati li huma kontra r-“Riċerka li tagħti Funzjonijiet Ġodda.” Fil-fehma tagħhom, ir-riskji huma kbar wisq u jeżisti alternattivi inqas riskjużi għal din il-prassi xjentifika li f’dawn l-aħħar snin infirxet sew.
- Barack Obama kien qata’ l-finanzjament tal-gvern Amerikan għal din it-tip ta’ riċerka. Naħseb li tistgħu tobsru x’għamel warajh is-suċċessur bravu tiegħu.
- Riċerka li saret l-Italja tindika li fejn hemm it-tniġġis, it-tip li għandna f’Malta, il-virus jinfirex aktar. Infrastructure Malta: qed tisma’?
- Il-programm jitkellem ukoll fuq ir-riċerka li qed issir fuq it-tilqima għal dan il-virus u fuq il-kura li ngħatat u qed tingħata li min jimrad bih. Jipprova jispjega wkoll għaliex ix-xogħol xjentifiku fuq it-tilqim mexa tant ‘il quddiem fi żmien li jista’ jidher daqshekk qasir.
Highlights
Presa Diretta – Sars-CoV-2: identikit di un killer
21:21:23I troppi silenzi della Cina sul SarsCovi2 – PresaDiretta 14/09/2020
21:31:05Sars-Cov2 identikit di un killer – PresaDiretta 14/09/2020
21:43:16 Perché il Sars-Cov2 è tra i Coronavirus il più insidioso? – PresaDiretta 14/09/2020
22:02:18 Come nasce il laboratorio di massima sicurezza di Wuhan? – PresaDiretta 14/09/2020
22:31:56Il Covid-19 una malattia sistematica – PresaDiretta 14/09/2020
23:01:09 Quali sono le cure oggi disponibili per curare il Covid-19? – PresaDiretta 14/09/2020
23:23:02 L’inquinamento ha aumentato la propagazione del Sars-Cov2? – PresaDiretta 14/09/2020
Presadiretta – S2020/21 – Sars-CoV-2: identikit di un killer – Video – RaiPlay