Wara ħafna snin tiċħad l-aktar aspetti vjolenti tal-ħakma kolonjali tagħha, jidher li Franza se tipprova tirrakkonta l-verità dwar l-atroċitajiet li wettqet fl-Alġerija kkolonizzata. Dan ix-xogħol ġa għamluh ħafna storiċi postkolonjali, fosthom ġurnalisti u storiċi Alġerini jew ta’ nisel Alġerin bħal Mahfoud Kaddache, Mohammed Harbi u Redouane Aïned Tabet, li ddokumentaw l-istorja, il-massakri, it-torturi u l-ħniżrijiet l-oħra li twettqu meta l-Alġerini bdew jiġġieldu għall-ħelsien tagħhom. Fl-istqarrijiet uffiċjali tal-gvern Franċiż bejn l-1954 u l-1962, fl-eqqel tal-Gwerra tal-Indipendenza, qatt ma ntużat il-kelma “gwerra.” Kellha tkun deċiżjoni tal-Parlament Franċiż fl-1999 biex il-gvern jibda juża din il-kelma biex jiddeskrivi dak li wettqet Franza fl-Alġerija kkolonizzata.
Il-President Macron għadu kemm qabbad lill-istoriku magħruf Benjamin Stora, imwieled l-Alġerija fl-1950 fil-komunità tal-kolonizzaturi, il-pieds noirs, biex imexxiha f’din il-missjoni li kellha tibda mill-inqas 60 sena ilu. Imma qatt mhu tard wisq biex tagħmel l-isforz li tikxef, u mhux tkompli taħbi, il-verità. Inkella l-vittmi qatt ma jistrieħu tassew. U lanqas il-kolonizzaturi. Il-verità, kif darba qal xi ħadd, teħlisna.
Fi żvilupp parallel, il-president tal-Alġerija, Abdelmadjid Tebboune, ħabbar li ħatar lil Abdelmadjid Chikhi, direttur ġenerali taċ-ċentru nazzjonali tal-arkivji tal-Alġerija u tal-memorja nazzjonali li ġġieled fil-gwerra tal-Indipendenza, biex imexxi proġett ta’ riċerka biex tinkixef il-verità dwar “il-kwistjonijiet marbutin mal-memorja” bejn iż-żewġ pajjiżi.

Benjamin Stora insista li hu mhux qed “jirrappreżenta” l-istat Franċiż. Qal ukoll li qatt ma tista’ tirrikonċilja għalkollox il-memorja,” fis-sens li dejjem se jkun hemm narrattivi differenti minn xulxin. Imma qal ukoll li rridu naħdmu biex ikun hemm “paċi relattiva” bejn il-memorji biex niffaċċjaw l-isfidi tal-futur u biex ma nibqgħux priġunieri tal-imgħoddi għax Franza u l-Alġerija jeħtieġu lil xulxin.

F’artiklu inċiżiv f’The Guardian, Nabila Ramdani tgħid li l-verità hija magħrufa, anki jekk Franza ma tridx tammettiha u f’dan is-sens m’hemmx ħtieġa ta’ aktar riċerka. Li hemm bżonn hu li Franza tagħmel apoloġija, tħallas tal-ħsara li għamlet, u ttella’ l-Qorti lil min wettaq il-ħniżrijiet, dawk li kieku llum insejħulhom reati jew krimini kontra l-umanità.
Il-kitbiet ta’ Frantz Fanon, il-psikjatra mill-gżira ta’ Martinique li mar l-Alġerija mill-Karibew biex jingħaqad mal-front indipendentista Alġerin, ifakkarni li aħna wkoll f’Malta għandna bżonn nibqgħu nħarsu lejn l-istorja kolonjali tagħna u nirrifjutaw in-narrattiva li l-Imperu Ingliż ħakimna biex jagħmlilna xi pjaċir.
Aħna wkoll irridu nkomplu nirriflettu fuq il-mod kif, minkejja li konna kkolonizzati, uħud minna kien mingħalihom li kienu parti mir-razza “superjuri” tal-kolonizzaturi u libsu maskri bojod minkejja li l-ġilda tagħhom kienet il-ġilda sewda tal-ikkolonizzati, tal-maħkumin, tar-razza “inferjuri.”
Aħna wkoll irridu lil Frantz Fanon u lill-istoriċi Alġerini biex nifhmu kif id-dinamika u l-kultura kolonjali sawru lilna llum. Irridu nirriflettu fuq kif il-wirt kolonjali għadu jintuża biex jifridna u jiġġustifika l-inġustizzji ta’ bejnietna.
Kumment fuq Facebook tal-Prof. Godrey Pirotta (1.8.20)
Naqbel. Ħafna mill-fatti diġà nafuhom imma r-riċerka tkabbar l-għarfien. Ħafna pajjiżi li ħakmu pajjiżi oħra jaħsbu li apoloġija hija biżżejjed.
Il-problema hi li l-kolonjaliżmu fl-Afrika għadu hemm bil-qawwa tiegħu u minn darba ħakimha llum jistaħba wara uċuħ suwed. L-Afrika hija kontinent sinjurun, in-nies huma foqra għaliex l-Afrikani, ħlief il-mixtrija, ma jgawdux minn dan il-ġid kbir.
Fuq il-punt dwar Malta t-teżi tiegħi, ibbażata fuq riċerka, turi li l-kwistjoni tal-lingwa għandha rabta ma’ fatturi razzjali, speċjalment fis-seklu dsatax. Parti tort tal-kolonjalista u parti tort tal-oriġini u x-xewqat tal-elite f’Malta. F’dan l-istess seklu kien hemm argument ekonomiku. Dwar dan ippubblikajt.
Fis-seklu għoxrin ir-raguni kienet waħda klassista u dan jidher mill-moviment kontra l-Malti u xewqat għal rabta ta’ parti mill-elite li jirritorna lejn il-patria mitlufa. Dik ix-xewqa rajnieha wkoll meta reġa’ ddaħħal it-Taljan bħala suġġett ta’ bilfors għad-dħul fiċ-Ċivil. Hemm wisa’ għal ħafna riċerka f’dan il-qasam.
Fuq in-naħa l-oħra hemm dawk li bix-xewqa li għadhom sudditi Ingliżi u mhux biss iħarsu lejn ir-reġina bħala l-kap leġittimu tagħhom imma waqt l-ikliet jagħmlu salut lir-reġina. Il-kolonjalist ħadem biex jiżolana mid-dinja barra l-konfini tal-kultura Anglo-Sassona u nies tal-età tiegħi, bi ftit riżorsi finanzjarji, kellna nitħabtu ħafna biex naħarbu minn din il-gaġġa. Ironikament xi wħud minna kellna l-ewwel naħarbu lejn pajjiżi Anglo-Sassoni biex niksbu ħelsien intellettwali.
Reazzjoni ta’ Adrian Grima:
Grazzi ħafna tal-perspettiva postkolonjali tiegħek kemm hawnhekk u wisq iktar fix-xogħol li ppubblikajt matul is-snin. Fadal ħafna xi jsir, u jien m’iniex storiku, imma anki fil-mod kif nirrakkontaw il-letteratura Maltija rridu nkunu aktar konxji tad-dinamika kolonjali. Dan għamlu, fost l-oħrajn, Marco Galea, u jeħtieġ nibqgħu nagħmluh.
Il-punt tiegħek fl-aħħar, dwar il-ħtieġa li taħarbu lejn pajjiżi Anglo-Sassoni biex tiksbu ħelsien intellettwali, huwa interessanti u kiefer fl-istess ħin. Din storja li trid tkompli tiġi rrakkontata.
Reazzjoni ta’ Godfrey Pirotta:
Adrian Grima, dan iktar u iktar kien jgħodd għal familji bħal tiegħi li l-investiment fl-edukazzjoni kien bażiku. Għalhekk ħafna minna mill-iskola morna x-xogħol u l-università wara.
Kumment ta’ Marco Galea:
Interessanti ħafna, Adrian Grima. Naturalment ħafna minn dan kollu qalulna Fanon, kieku ridna naqrawh. Ftit ilu kont qed nara dokumentarju fuq TVM li kien qed jistaqsi mistoqsija ipotetika dwar x’kien jiġri minna kieku Malta baqgħet kolonja Franċiża u wieħed mill-mistiedna kien qed jgħid li konna nkunu f’ġenna tal-art, bil-Franċiżi jnewlulna x-xampanja. Il-kolonjaliżmu dejjem kolonjaliżmu.
Reazzjoni ta’ Adrian Grima (2.8.20):
Tassew, Marco. Aktarx il-problema mhix il-perċezzjoni tagħna tal-kolonjaliżmu Ingliż imma tal-kolonjaliżmu Ewropew b’mod ġenerali.