Ir-Ritmu tal-Poeżija f’St Catherine’s High School

Illum qattajt siegħa u nofs mal-istudenti tal-ħames u s-sitt sena tal-Primarja tal-Iskola indipendenti ta’ St Catherine’s, Pembroke.

wimpy kid.jpgdwal.jpgKienet l-ewwel ġurnata tal-iskola għall-istudenti u l-idea kienet li kif jidħlu jsibu ruħhom fid-dinja tal-kotba u jkollhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ awturi differenti.

Jiena staqsejthom dwar il-kotba li qraw fis-sajf u smajt mingħand bosta studenti dwar id-djarju ta’ Wimpy Kid u xogħlijiet oħrajn, bħal ta’ Trevor Żahra. Hemm ukoll tfal li jħobbu jiktbu u jħejju kopji tal-istejjer tagħhom biex jinbiegħu l-iskola u d-dħul jingħata lil proġetti ta’ żvilupp.

Mal-istudenti tal-ħames sena tkellimt fuq l-importanza tal-ħoss, tar-ritmu, tal-logħob bil-kliem, fil-poeżija. Għedtilhom ukoll li l-qari għall-gost ifisser libertà. Għalhekk qrajtilhom, fost l-oħrajn, il-poeżija “Bali Ta’ Qali” li tinsab fil-ktieb tiegħi Vleġġa Kkargata (KKM 2012), bit-tpinġijiet mill-isbaħ ta’ Karen Caruana. Fuq it-tema tal-qari u l-kotba qrajt il-poeżija “Li Rrid” u rbatt il-poeżija “Min Jaf?” dwar il-bidu tad-dinja mal-emerġenza tat-tibdil fil-klima. Qrajt ukoll il-poeżija “Ajax,” kemm għax kien hemm ħafna studenti li jħobbu l-klieb, kif ukoll għax il-poeżija mhux bilfors tistrieħ fuq ir-rima.

Adrian Grima - Vlegga Kkargata - Poeziji KKM_q

L-istudenti tas-sitt sena tkellmu ħafna dwar dak li jaqraw u dak li jiktbu. Ħadt gost nisma’ lilhom jitkellmu bl-entużjażmu ta’ min qed jiskopri l-maġiji ta’ Harry Potter u tal-kelma. Waħda mill-affarijiet li laqtuni kienet li meta tkellimna fuq il-qari minn nies differenti tal-“istess ktieb,” l-istudenti mill-ewwel fehmu li dak il-ktieb jieħu ħajja ġdida u unika kull darba li jinqara. Għax aħna lkoll uniċi. Lejn l-aħħar tal-laqgħa tagħna flimkien qrajtilhom il-poeżija “Minuta Nifs,” dwar tfal li għalihom, is-safra tal-familja, li suppost hija vaganza, issir kastig. Naħseb li ntlaqgħet tajjeb, kemm mill-istudenti u kemm mill-għalliema!

Fiż-żewġ gruppi kien hemm bosta studenti li ma jafux bil-Malti. Għalkemm is-sessjonijiet kienu bil-Malti, involvejthom b’mistoqsijiet u kummenti u nista’ ngħid li l-istudenti kollha, anki dawk li ma jafux bil-Malti, setgħu jieħdu sehem sħiħ fl-attività.

Ħajr lil Drinu Camilleri tal-istedina.


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s