Juann Mamo
Kap III minn Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo (Malta: SKS, 1930-31, ir-4 ed. 2013). Editur Adrian Grima. Ħajr lil Stefano Farrugia, Manwel Mifsud u Olvin Vella. In-noti f’qiegħ il-paġni huma ta’ Juann Mamo.
Iż-żmien ma jistenna ’l ħadd, u dan l-istess żmien għat-tluq tan-nies tagħna, dawk li darba smajniehom jiftiehmu fuq iz-zuntier, u rajniehom fl-uffiċċju tal-avukat, wasal.
L-għada kellu jitlaq il-vapur: minn hawn għal Napli u minn Napli għal Marsilja, fejn is-soltu ssir daqsxejn ta’ viżta ħafifa, u l-viżta l-oħra, l-aqwa, issir fil-port ta’ New York. – Ngħidu daqsxejn ta’ viżta mhux għaliex daqqiet għal ħaġa ta’ xejn, minn Napli ma bagħtux nies lura b’dawk l-ispejjeż u taħbit kollha ma’ wiċċhom, tafux!
Minn Marsilja, intant, kellhom jgħaddu għall-Qalb tal-Ewropa, jiġifieri Pariġi, minn hawn għall-port ta’ Havre, Franza, imbagħad għall-baħar il-kbir: għall-Atlantiku, għad-Dinja l-Ġdida.
Hi kif inhi, Ġakbu u Bertu, Girgor u Masu, Ġannikol (wara li għaddietlu d-daqqa) u Wiżu l-miftehmin, kienu qegħdin jitħejjew, ilestu l-bagalji, il-kaxxi, u x-xkejjer għall-għada. U Feliċ u oħtu Marì riedu jmorru jżuru wieħed wieħed, dar dar, ’il dawn, għalbiex ikunu żguri li qegħdin ilestu u ma jkunx il-kaġun għat-traskuraġni tagħhom tiġri xi gażiba li jitilfu l-vapur. Għand xi wħud, bħalma huma Mikiel u Indrì, ma jgħaddux, għax dawna għandhom imorru mal-vapur li ġej wara, u fl-istess ħin ma tantx jinġiebu.
Dawn kienu jafu illi ġejjin Maltin oħrajn għal magħhom, għall-Amerka, fuq l-istess vapur, u minn Malta kollha: minn Tas-Sliema, minn Birkirkara, minn Bormla, eċċ.
Intant, mela, fit-tarf ta’ raħal kbir, hawn Malta, kien hemm dar mill-kbar u mill-eqdem b’għalqa magħha għat-triq. Il-għamla ta’ din id-dar tistħajjilha li darba kienet għammara tal-Kavallieri. Barra minn bieb kbir min-naħa ta’ barra, li kien jinfetaħ biss meta jidħol jew joħroġ il-karrettun goff tal-bagħal, kont tista’ tidħol għal din id-dar mix-xatba, li din kienet dejjem miftuħa għall-ħbieb.
Għal xi l-erbgħa ta’ waranofsinhar kienu ġejjin mit-triq għal din in-naħa tlieta min-nies: Feliċ, oħtu Marì, u wieħed ħabib li kien qiegħed magħhom biex fil-każ li jiddawru jwennishom.
Dawn waslu ħdejn ix-xatba, kisru għal ġo fiha u baqgħu deħlin ’il ġewwa nett bil-kunfidenza.
– Ooooo, x’hemm! – qabżet ix-xiħa sidt id-dar hekk kif rathom ma’ wiċċha, b’dak l-għaġeb, frattarija, bid-daħka. U b’ferħ belhieni ta’ raħlija mmantra, u bit-tferfir timsaħ imneħirha mal-komma, issuktat – Għaddu ’l ġewwa! Kif intom? Aħniex tajbin? U z-zija? U Paċikka x’għadda minnha? Toni kif inhu? Poġġu fuq ix-xriek! Kola x’sar minnu? Ommkom tajba? Għidulha tiġi toqgħod; u selluli għaliha: għidulha li l-fenka kellha ż-żrameġ, u selluli għal kulħadd! Oqogħdu qegħdin fuq l-ixirka, isaw, qisu hawn tagħkom!
Ferħ u lqugħ[1] Malti li m’hawnx bħalu fid-dinja: ma jispiċċa qatt b’“kif inhi ommok, hix tajba z-zija, il-ġerwa għadhiex ħajja,” u eċċetra.
– X’intom tagħmlu, Lien? – staqsiet Marì.
Qegħdin inħejju għal għada! … Issa xejn ma ngħidilkom, uliedi, l-aktar nett lilek Filiċ, int bil-għaqal: ħuduli ħsieb Bertu tiegħi hemm fl-Emilki (intom tafu li hu koċċ imferfex – qaltilhom minn taħt il-lsien – ). Nerħih f’idejkom u f’idejn Alla l-għażiż l-imbierek. Qatt, miskin, ma siefer!
’Il dan Bertu tagħha tafu min hu biżżejjed: smajtuh ilablab fuq iz-zuntier ftit żmien ilu. Huwa appuntu Armaużarma (laqmu, u Fenech kunjomu). Kien bniedem li tista’ tgħoddu b’kampjun tat-80 fil-100 tal-poplu mħolli kif riduh u għadhom iriduh il-Ħakkiema: huwa f’partit pulitku, kif ġa għidna, li għandu mnejn lanqas biss jafu bih li hu magħhom, bħalma huma bosta. U biex tkunu tafuh bil-qoxra u kollox, kien wieħed minn dawk li ta’ spiss joħroġ b’xi frażi belha bħal tal-imsemmi sa mix-Xekkek, Zilla, “Għiidiiiilhom.”
Infatti, hekda kif ra ’l dawn li għadhom kemm daħlu d-dar, ċoè ’l Filiċ, ’il Marì, u ’l dak li magħhom, ċaqċqilhom waħda.
– Iskot, ibni: ħsiebek issa fl-Emilki! – u fl-istess ħin din ommu qiegħda tnewwillu l-griefex għal ġol-bagalji u hu b’idu mxammra jdeffes.
– Uh, kemm sejjer iġġib miegħek bagolli, kaxxi u xkejjer x’waħdadin, Bert?! – staqsietu Marì mistagħġba tara dak l-ingombru kollu.
– Tmienja biss, u erba’ xkejjer. Hee, huwa fl-Emilki jrid ikellek killex! Tibżox: l-ixkejjer kollha nreġġgħuhom lura bl-ewwieq, ’k il-Bambin irid!
Marì rat li bil-mistoqsijiet mhi sejra tnaqqas xejn minn dawk il-għaram ta’ griefex, dawret wiċċha lejn il-fetħa tal-bitħa tibla’ balgħa arja.
Din il-bitħa kienet daqs ħabs, daqs baħar. ’L hawn u ’l hemm fuq l-ixirka ma tarax ħlief landi tal-pitrolju msaddin mimlijin ħamrija ħamra, il-waħda b’xi nagħniegħa, l-oħra b’xi merqtuxa. ’L hemm ħanut tal-ġebel kbir kollu tursin, ħabaq, u bużbieża għandha minn żmien Żemżem; ’l hawn xi konka mxellfa li qabel kienet isservi għal-lissija u issa bi qronfla xiħa fiha. Fl-art qatgħa ħamrija, kollha bċejjeċ tal-ħġieġ u ħmieġ tal-qtates jinten is-seba’ pesti, li minnha tiela’ zokk ta’ dielja m’ogħla l-bejt. Issa xi borma bil-baqta mgħottija bi platt ta’ Sqallija ma jinkisirx b’daqqa ta’ mazza; ’l hemm żewġ ħarriġiet ġeblija mal-ħajt: fil-waħda maħanqa tal-bagħal, u fl-oħra xi għarbiel kbir tad-derrija. Tistħajlek f’xi bitħa minn dawk tas-Siġġiewi. Ħabibi C. Sant jaf kif inhuma.
Marì daret titkellem ma’ ħuha u ma’ dak il-ħabib ta’ ħuha.
– Kos, imberkin l-Ingliżi!
– Iwa, imberkin! – wieġeb dak l-ieħor, għax fehem malajr x’riedet tgħid, fil-ħin li issa dan poġġa kokkużejt fuq riġlejh b’dahru mal-ħajt u b’sebgħu jimla l-pipa stil ta’ Dalli. – Iwa, imberkin: issa qiegħed nifhem! Għas-safar? Daqsxejn ta’ valiġġa u mexxi: suq għas-sebaħ: kollox ħafif.
– Ara, ħej, Lieni! – reġgħet Marì tgħid lix-xiħa u lill-għarusa ta’ binha, Katrin – Lieni, avulja llum mara kbira, qiegħda tgħin mill-aħjar: qiegħda tħarken.
Tgħid, sejrin idumu wisq jiddjalugaw a la raħlija?
– U anki Katrin, l-għarusa, ħej, ukell qiegħda tagħmlu l-almu tagħha. Irsistilu, Ketrin, ħalli ’l quddiem tkun magħne u ma’ għarusek.
– U meeleee me miiin triiidniii nkewn! – għawġet geddumha din Katrin, xebba rozza, imqita, injuranta, moħħha mimli bl-ixkuma b’mod li ma tagħmilx għajb lil għarustha Bertu: għajjura, bla ebda mġiba tajba, għajnejha jżebbġu mimlijin suspett.
Karmni, bint din ix-xwejħa Lieni, dal-ħin ma kinitx hemm, għax kieku kienet tagħtiha ħasla fuq l-imġiba tagħha man-nies. Kienet fid-dar ta’ Ġakbu, l-għarus, biex tgawdi ftit ’il persuntu qabel iparpar, isiefer.
– Arma, Lien – telltet u tenniet nibxet Marì tgħid lix-xwejħa, bla tagħti widen kruhet tgħawwiġ geddum Katrin[2] – forsi jiġi żmien li tkun magħna int ukoll fl-Amerka!
– Meela! … lili r-reffiegħa (bekkamorti) jridu joħorġuni minn hawn! Insiefer? Meelaa: don baqa’ jonqos! Lanqas jekk idehbuni… Avulja naraw il-fatoti f’did-dor, imma ma noħroġx b’xabgħa stanga!
– U żul, tridx tmur! Neħħi ċ-ċulqana, Lien, minn rasek u ’l quddiem tiġi magħna l-Amerka: tkun bħal ommna.
– Killex jista’ jkun – qabeż binha Armaużarma jgħid, f’waqt li mitluf iross u jross ġol-ixkora.
– U ħalluni minnkom! … Isa, ibni, fittex itfa’ li għandek titfa’ f’dawk l-ixkejjer u ħallik mill-ħmerijiet! … Issa… ara… ibni… Ħu dan l-inkwatru qadim miegħek ukoll, bħalma ġa għidtlek darb’oħra. Dak għażiż ħafna, jagħtikom l-għajnuna f’waqt li jista’ jiġrilkom xi saram. Dok tifkira tan-nannu: konna writnieh minn tas-sinjura Betta ta’ żmien is-slaten.
– Iwa, u nieħu miegħi wkell dak tal-Madalena: missieri jgħid li tixbeh ’il nanntu u b’hekk ikolli x-xbieha, il-litratt, tal-biżnanna Żabbett.
– U li kont minnek, ibni, tieħu wkoll dak l-inkwatru l-kbir l-iswed, San Spiridjun tal-Griegi: mgħaġġbin kemm hu għażiż. Jekk tinqala’ xi tempesta fuq il-baħar issibuh magħkom: itolbu lilu bil-ħerqa, tofx. Imbagħad, fil-koż li ma jinqala’ xejn, meta taslu bigħhom kollha hemm fl-Emilki, ibni. Dawk antiki: iġibu l-flus it-tajba.
Eh, mgħarrqin flus fiex iġġibuh ’il-injurant!
– Iwa, iwa! Indaħħal xi sitta-rbajja’!
– U qabel ninsa, ibni, infakkrek biex tieħu miegħek ukoll dik il-kuruna taż-żibeġ kbar, biex fil-koż li tkunu ser tegħrqu – Alla jnixxifli lsieni – titfagħha f’għonqok.
– Iwa: iżda dawn huma iżjed minn tlieta! Fejn ser inqegħduhom kollha, ma?
– U inti deffes.
– Afli – qabżet Marì twiddeb – afli sejjer titgħabba wisq, Bert. L-Amerka mhix taħt is-sodda! Tagħmel spiża, sew għall-vjaġġ u kemm biex tniżżilhom. U t-tqandil?
– L-Amerka mhix Għawdex – issokta Filiċ, ħu Marì – b’xilin u kazzott tabakk t’abbord tagħmel festa!
– Għal ma’ Cook, xbin? – staqsa dak il-ħabib li daħal magħhom u li issa qiegħed kokka jimla l-pipa.
– X’kok hu! Mel’aħna xi sinjuri! Insajru aħna stess!
– Daħħalt kollox f’dawk il-kaxxi (bagalji), ibni! Ara qis li ma jkunx jonqsok xi ħoġa: tinsa xejn.
– Mingħalija kollox qed nagħmel. Tridx issemmili kollox waħda-waħda: tfakkarni: forsi nsejt xi ħoġa?
– Il-mitraħ, l-għata u x-xkejjer ħadthom, ibni?
– Għas-saqqu u l-gvieret qed tgħidli, hux? Iva: ħadthom.
– L-erba’ wiżniet ħobż tal-maħlut, il-ġbejniet tal-bżar, it-tonn, is-sardin, l-aringi, il-bakkaljaw u l-basal ħadthom?
– Iwa, hawn: f’dik ix-xkora.
– L-imgħażqa bla manku, ix-xafra, il-qwieleb tal-ġbejniet, il-mazz qasab tal-pipi; u l-weraq taż-żebbuġ?
– Iwa.
– Il-borma, il-platt, il-bott, il-kitla u l-imgħarfa, ħadthom, hux?
– Iwa: hemm f’dak il-bagoll – u dan Bertu attent b’għajnejh iberrqu ħsiebu filli qiegħda tgħidlu ommu.
– Din hija tagħbija eterna, sieħeb! – qabeż jgħid dak li qed kokka fir-rokna.
– Erħilna int! – wieġbet imfixkla Lieni x-xwejħa, tgħolli ħuġbejha u tagħtas b’dak it-trab li beda jtir mit-tqandil tax-xkejjer u jidħol fl-imnifsejn. – Erħilna, għax tfixkinni! Don ġie magħkem, hux, ħej, Marì?
– Iva, Lien: dan ħabib, u forsi jiġi magħna (Isss: iskot! – qal minn taħt ilsien u għameż Filiċ lil dan).
– Tfixklunix! … Iċ-ċertifikati u l-kelmtejn bil-Malti li kitiblek Karlu ta’ Żammar, ta’ maġenbna, għal xi xogħol, tfajthom fil-kaxxa?
– Iwa, j’omm: mhux fil-kaxxa, imma fil-beritta: hemm ma jintilfux. Jekk jintilfu huma, tintilifli wkoll il-biċċa sigarru li għadni kemm inqiegħed fil-pizz.
– Heee … u l-orgni, il-kiterra u l-pastardin?
– Dawk ma ninsihemx, żgur! Min jof kemm għad irrid indoqqilhom ’il-Melikoni! Qegħdin fil-bagoll.
– Tajjeb: stenn’ biex ma tinsiex. Il-biċċa ġobon ta’ Sqallija, dak ir-ratal ful aħdar għal miegħu, il-krofos u t-tamal għat-togħma?
– U iiwa.
– Ħadthom il-ftejjel u l-musbieħ, u ż-żnied u l-lixka?
– Dawn għalfejn, ma?
– Tajba din: biex jekk fl-Emilke ma ssibx sufarini jkollkom biex tkebbsu.
– Iwa, bilħaqq! Niħodhom.
– Ħadthom, ibni, il-mehrież, l-iskutella l-kbira u l-borża?
– Iwa.
– U l-kappell tat-tiben għax-xemx?
– Naqta’ fejn sejrin, ħa! – raġa’ dak li qiegħed kokka, għax ilsienu jlebleb. – Naqta’: is-Sudan!
– Insumma: jiena nof? – wieġbet ix-xiħa aljenata.
– Il-mus tal-leħja, u ż-żarbun, biex tilbsu meta tagħmel il-preċett hemm, ħadthom?
– Iż-żarbun nieħdu, tgħid? Kont se ninsieh! Imnalla fakkartni! Madonkillu, m’għandix dan il-qorq f’saqajja?
– In-nofs tużżana lumi għall-ħass ħażin, il-gamumilla għall-uġigħ ta’ żaqq, il-kittien għal xi ġbara, iż-żejt għal xi dlik, il-melħ tal-porga, u s-sapun deffisthom?
– Is-sapun għalfejn? Int ukoll!
– Jekk ma qtajtx mill-ewwel – raġa’ dak il-lablabi ta’ maqagħdu kokka – jekk ma qtajtx li sejrin is-Sudan, mat-tieni naqta’! … Sejrin f’xi pajjiż fejn m’hemmx nies: fejn m’hemm ebda ruħ: ħadd: xejn.
– Doon x’xifajk hu! Kemm jaqbeż? Don il-mniegħel, barra mis-siegħa-ta’-dal-ħin, bagħtuh hawn! Sejjer jisromna, ifixkinna. Don, mulejjesinjuraħfirli qed iservi ta’ dimonju: biżżejjed, għal-ruħ-il-mejtin!
– Skitna, Sevier, ħraq-jisbaħ-ma-jidlam?
– Tgħid hemmhekk, Filiċ, insibu xi mejda u xi siġġu, jew nieħdu magħna? – staqsa mfixkel Armaużarma.
– Uuu… naħseb li nsibu fl-Amerka. Jekk ma nsibux, niddubbaw kif nistgħu: nilagħbu ta’ isħaq-u-ilgħaq!
– Oqq, x’kont ser tinsa, ibni! Don il-ħali kien għoddu nissieni, u kent ninsa nfakkar lilek! Isa, ibni, u tħallihx jiskappolok: fittex daħħlu f’kaxxa minn dawk, u geżwru fit-tiben.
– X’inhu j’ommi?
– ’Il dok, hemm, ara – u wrietu b’subagħha għal taħt is-sodda – Ajma: nistħi nsemmih quddiem dawn! X’virgunja: x’għarikoża! Ma nofx x’ħabbarni u ftakart, jaħasra. Dok jaħti!
– Tgħid, ma!
– U iiwa, biex ’k itkun trid tinqeda, tinqeda, u anki l-oħrajn, issibuh magħkem.
U Bertu, dak li dlonk jagħmel l-applawsi bla ma jaf l-għaliex, għal dawk ta’ partitu, geżwru ġo nofs xkora, xammar idu l-waħda, qabad tarf l-ixkora u beda jimbotta u jittoffa ’l ġewwa, u bir-rass l-affarijiet bdew sejrin ċlaqq-ċlaqq.
L-oħrajn dawru wiċċhom jitbissmu, Katrin l-għarusa tħares ikreh, għax lemħithom, daqskemm hi sandikajra, u l-għaraq mielaħ nieżel minn ġbin Armaużarma tlikk-tlikk. Dawk l-oħrajn marru għal ġo rokna jitkellmu għal meta u xħin sewwa, tgħid, jitlaq il-vapur l-għada, u biex kieku wkoll ifittxu jmorru jżuru l-oħrajn li sejrin flimkien, jaraw jekk humiex qegħdin iħejju ruħhom bil-bagalji. Il-ħin qed jagħmel.
Hekda kif dawru wiċċhom biex isellmu u jmorru, jilmħu ’l Armaużarma jross ġo xkora oħra erba’ kaboċċi, xi żewġ pastardiet, faxx ġidra u żewġ annimali b’erba’ saqajn.
– Dawk x’inhuma? Dawk għalfejn, Bert? Issa żżejjed! Dawk x’sejjer tagħmel bihom?
– Għax qaluli li għall-Emilka ndumu sejrin xi xahrejn. Tħajjart li f’tul dan iż-żmien ngħammar xi żewġt ifniek abbord għal dak li jista’ jinqala’. Eh? Xi tgħidu?
Marì ssummat ruħha, u
– Ħija Filiċ – staqsietu hi – Mhux aħjar inġibu l-qroqqa magħna?
– Hiiii! Kont ser ngħidlek xi nġibu! … Mela l-bastiment ser nagħmluh suq?
U telqu.
[1] Niktbu “lkuħ” flok “lkugh” biex jifhem kulħadd, bħalma għamilna qabel f’oħrajn u bħalma bi ħsiebna nagħmlu iżjed ’il quddiem. [Din in-nota ta’ Mamo dwar l-ortografija tiegħu ma tgħoddx għall-ortografija f’din l-edizzjoni tar-rumanz.]
[2] Dawk li jiddilettaw bi ġmiel ilsien il-Malti, nitolbuhom jixtarru ftit dawk l-aħħar ħames kelmiet.
One thought