Juann Mamo
Din in-novella ta’ Juann Mamo dehret l-ewwel darba f’Dr. Xecchec, 25 ta’ Frar 1933. Ippubblikata mill-ġdid fi Storja Tinkiteb, ed. Adrian Grima (Klabb Kotba Maltin, 2006) u Ġrajja Maltija, ed. Mark Vella (Klabb Kotba Maltin, 2010)
Kalċidon kien bniedem tal-ħaqq u s-sewwa: ftit, u wisq ftit, kont issib bħalu, jiġifieri kien bniedem xieraq kif irid Alla. Nhar ta’ Sibt kien iżommu biex ikollu xelin, il-gost tiegħu jsarrfu tlitiet u joqgħod jitgħaxxaq billi jagħtih karità lit-tlaleb li jinġemgħulu wara biebu bit-tużżani.
U biex ngħidu kollox, kien iqerr kull nhar ta’ Sibt u l-Ħadd jitqarben. Fl-ikel kien magru bħall-patrijiet ta’ San Duminku. Spiss kont fil-knisja tarah jieħu xi biċċa xogħol, l-għaliex qabel jitqarben jiftakar f’xi dnub l-aktar venjal u arah għal ġos-sagristija b’ġirja waħda biex jiskorrih. Kien fitt.
Laħam nhar ta’ Erbgħa u Sibt qatt, mhux biss ma kielu, imma lanqas xammu. Miktub fis-Seba’ Kunfraternitajiet u Arċikunfraternitajiet. Is-sabiħa hi li qatt biss ma qal ħraqdinek. Meta jitlagħlu San Filep l-iżjed li jiżgarra kien jgħidlek b’wiċċ aħmar daqs taħt denb ix-xitan “U mur kakki!” Din l-aqwa dagħwa.
Tarax, hux? Kien bniedem antik. Eħħ l-antiki!
Kien jgħaġġiblek lin-nies bit-tieba tiegħu. Arah fl-aqqal tax-xitwa, xita, silġ, beraq, ragħad u sajjetti barra neżlin, jismagħlek il-qanpiena tal-Paternoster bomm bomm, jinqalagħlek minn dik is-sħana tat-tliet gvieret fuq xulxin, jitlaq għall-knisja dritt biex jismagħlek tal-ewwel, u r-raxx tax-xita jħabbat ma’ wiċċu.
Dak raġel, eh?
U l-miskin ġieli ħadlek ħin b’ieħor u jdumlek xi siegħa jkerċaħ bi snienu jċekċku wara l-bieb il-maġġur billi jieħu żball fl-arloġġ, jistenna sa ma s-sagristan jiftaħ.
Bħal dan għandhom ikunu n-nobilissmi! u mela ċajt?
Min jaf kemm ġieli imbukka riħ fi mnieħru, ngħidu aħna flissjoni. Billi!?!
Maltin bħal dan jiswew mitqilhom deheb.
Imma, sewwa jgħidu, il-Brejbes jew ix-Xitan min hu, insomma, m’għandux ħalib u jbigħ il-ġbejniet: ideffes denbu, ma jħallix il-bniedem bi kwietu u ħorr. Xjafek, Kalċidon kellu x’jgħid ma’ sid il-kera u daħal fil-Qorti. Tant kemm kien rett, bħalma ma jridx jisirqek lanqas irid ’il min jisirqu. Sid il-kera jħobb il-flus u għollielu nofs lira f’daqqa fix-xahar. “Aħjar dawk it-tlitiet li jqassam neħodhom jien!” Hekk irraġuna s-sid.
Kalċidon raha bi kbira. Ippreferixxa li erba’ xilini minnhom jagħtihom tlitiet karità gosti tiegħu nhar ta’ Sibt milli jaħtafhomlu sid il-kera. Fuq hekk, fuq il-kera, kien qiegħed fil-Qorti u miksur bis-sħiħ ma’ dak l-imgħarraq, qarrieq, kelb, ħallieeeel ta’ sid.
*
* *
Ġara li f’dawk iż-żminijiet, il-Partit Bolxevista tal-Ħaddiema kien qiegħed jikkumbatti lir-rgħiba sidien billi jagħmlilhom Liġi. Kalċidon, bejn għax kien tal-ħaqq u qed jara b’għajnejh u jmiss b’idejh, u bejn għax kien maqrus u qiegħed fis-saħna tal-Qorti mas-sid, żamm (issimpatizza) mal-Ħaddiema: ra li liġi bħal din hi sewwa biex jitrażżnu xi ftit dawk li ma’ wieħed minnhom qiegħed fil-Qorti fejn qatt ma tala’.
Iżda x’ġara? Bil-għajat u twerżiq ta’ xi Dun Turin, ta’ xi Patri Paris u xi erba’ rġiel ta’ dil-fatta ħarġet Pasturali, u min ma jismax minn din la jista’ jqerr, la jberkulu u la x’naf jien.
Kalċidon daħal fi ħsieb ruħu u ra li qiegħed fis-sewwa t’Alla, baqa’ jżomm mal-Liġi u mal-Ħaddiema. Imma ġralu bużillis mhux kbir ftit. Isimgħuh: il-Kappillan ma beriklux. Tilfu t-tnejn: il-Kappillan il-flus u tiġieġa u Kalċi t-tberika.
Iżda b’danakollu, Kalċi baqa’ sod, mixgħul bl-imħabba li jagħmel karità l-istess, jisma’ l-quddiesa ta’ l-ewwel fost il-bard l-istess, jimxi skond ir-rieda ta’ Min ħalqu u jaħrab mid-dnubiet. Żamm ruħu kemm sata’. “Kustjoni ta’ Pulitka, ġlieda għall-għajxien: orrajt” qal f’qalbu. Iżda, eeee!
*
* *
― Smajtu x’ġara, l-aħwa? Ilbieraħ f’xi nofs il-lejl miet malajr Kalċidon imlaqqam it-Twajjob.
― Iwaa? ― staqsa l-ieħor mistagħġeb ― U iwa, kien marid bl-attakki tal-poplusija! Jien għidt li għad jinbaram f’daqqa!
― Isktu, għax ġej il-karru bih. Ħoros… Isss: bla salib. Tarox, b’xej’! Għal taħt is-siġra! Xi jġerru!… Eħħ…
U tfal jiġru wara, jgħajtu, u nisa ta’ ħabba ħafna jobżqu fl-art u jagħmlu salib fuq żaqqhom u jħarsu ikreh.
― Tarox, tarox! Killu għal ta’ xej’ li tagħmel karitò f’għomrok la ma tkunx paċi miegħew! ― qal wieħed imgħaxxex li kien qed jiġbor iż-żibel u waqaf f’daqqa jħares.
― Minn did-dinje m’għanne xejn, u li tagħmel issib, jgħejd tel-erwieħ ― qal ieħor ibigħ il-karawett.
― Eħħħ: trob kinne u trob insiru. Issa x’ħo? ― qal Ġakki tal-bigilla hekk kif spiċċa mill-għajta “Bigiiilla sħuunaaa.”
― X’jiswe li tisma’ l-qiddiese tel-ewwel ladarba barka ma jkellekx? ― qalet Ċikka għadha kemm waqfet waqt li kienet ġejja minn fuq il-mastella tal-ħasil.
― Intix tora b’għajnejk! Kien roġol twajjob tant, toni tant tlitiet biex trajjaqt! Erħilu jmur fl-ebbissi ― qal ieħor jgħolli idu mċappsa waqt li waqaf mix-xogħol ta’ taħmil ta’ fossa.
― U ma tarawx li Kalċi kien miġnewn! Ħalli jieħu għal taħt is-siġra hemm la kisirhe ma’ ta’ fowq. L-ebissi iżjed ħomor mill-bandiera li gawda! ― gemgmet Mariroż li kienet imbaqbqa mill-ġlieda manja ma’ ġaritha li għajritha minn kollox.
― Mhux don għandek tgħejd, imme ħaqqu bla fonorol u li fl-aħħar tal-mazzita sob iż-żbibeee ― kisru l-ieħor b’ħalqu mċappas bil-meraq ta’ ikla patata tal-gaxen.
F’dan il-ħin għaddiet motorcar tiġri b’50 mil fis-siegħa.
*
* *
Sebħet għodwa li tgħaxxaq lil Malta.
― Smajtuha d-diżgrazzja li ġrot ilbieraħ, l-aħwa?
― Le, x’ġara, jaqaw? Eeeh, nofu, miet Kalċi…
― Lee, imme ħoġa għandha x’taqsam. Mela lbieraħ, waqt li kien għaddej il-karru bla salib (b’Kalċidon) ċorma nies li kienu jitkellmu u jgħidu tagħhem fuqu, kif kienu medhijin u mitlufin fis-saħna tad-diskors għaddiet motor mitlufe, ma rathomx u seħqet ’il xi erbgħa minnhem.
*
* *
Kienu Wiżu tal-Bużnajk, Vestru ta’ Karċaħni, Mariroż ta’ Burdliequ, u Stejfen ta’ Żafżaf. Tajrithom lejn is-sema firrrrr, min b’saqajh b’taħmil il-fossa, min b’idejh imċappsin bil-bagħar u min b’xofftejh imdellka b’ikla gaxen tal-Ingliż. Mhux huma li kienu jikkummentaw fuq it-twajjeb Kalċidon? U mela min tridhom ikunu, f’ġieħ dik ommok!
One thought